Skip to content

L-istorja tal-Marċ ta’ filgħodu u tal-Manifestazzjoni ta’ San Pietru fuq il-Baħar

 

‘Appuntament mal-Istorja’ miktub minn Conrad D’Amato f’isem l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa.
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’ tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 2004.

stampa

Introduzzjoni

Żewġ attivitajiet li saru sinonimi mal-festa titulari ta’ San Pietru huma l-marċ ta’ filgħodu u d-dawra tradizzjonali ta’ San Pietru fuq il-baħar fl-aħħar jum tat-tridu.  Dawn l-attivitajiet bdew jiġu organizzati fi żmien il-mibki kappillan Dun Karm Frendo fl-1979, propju 25 sena ilu.

 
Min kien Dun Karm Frendo?

Twieled Ħal Qormi fl-10 ta’ Settembru, 1942 u qaddes fit-22 ta’ Marzu, 1969.  Għal ħames snin kien Viċi Kappillan tal-Parroċċa tal-Kunċizzjoni l-Ħamrun (1969-74).  Dun Karm sar Kappillan ta’ Ħad Dingli fl-1974.  Fid-29 ta’ Ottubru 1978 ħa l-pussess ta’ Kappillan ta’ Birżebbuġa.  Miet ħesrem nhar it-13 ta’ Ġunju 1980 fl-għomor ta’ 37 sena, mewta li ħasdet għal kollox lill-parruċċani kollha.

Mal-wasla tiegħu f’Birżebbuġa, Dun Karm xtaq li jagħti spinta lill-festa esterna.  Dak iż-żmien il-festi nterni kienu jiġu ċċelebrati b’pompa kbira, sintendi kif kien ħallihom il-kappillan ta’ qablu Dun Gużeppi Minuti.  Pero’ l-festa ta’ barra kienet xi ftit fqira u għalhekk Dun Karm intefa’ jaħdem b’ruħu u b’ġismu sabiex ikabbar il-festa ta’ barra.  Kien beda jħeġġeġ lin-nies sabiex jingħaqdu u kull triq tagħmel is-sett tal-pavaljuni tagħha, u b’riżultat ta’ dan kważi kull triq kellha s-sett tagħha, li ħafna minnhom għadhom jintramaw sal-ġurnata tal-lum.  Dun Karm beda jiġbor liż-żgħażagħ ta’ l-Azzjoni Kattolika u beda jħajjarhom sabiex jieħdu parti sew fl-organizzazzjoni tal-festa esterna.  II-ħeġġa li kellu dan il-kappillan żagħżugħ ta’ 35 sena kienet strumentali sabiex tinżera fil-qlub tal-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ dak iż-żmien l-imħabba lejn il-festa titulari.

 
Il-marċ ta’ filgħodu

Dak iż-żmien f’Birżebbuġa kien hawn banda waħda u s-sehem li kienet tagħti fil-festa kien wieħed żgħir, għalhekk Dun Karm xtaq li f’Birżebbuġa jibda’ jiġi organizzat il-marċ ta’ filgħodu, marċ li kien ilu mixtieq mill-Birżebbuġin.  Hawn il-kappillan Frendo flimkien mal-kumitat tal-festa kienu ressqu din il-proposta lill-kumitat tal-Banda San Pietru li dak iż-żmien kien immexxi mis-sur Emanuel Galea.  L-ewwel marċ ta’ filgħodu kien sar nhar il-5 ta’ Awwissu tal-1979 u kien suċċess kbir.  In-nies kienu attendew bi ħġarhom.  Ta’ min isemmi li waqt il-marċ kien jintefa’ ħafna ilma, u hawn kienu jispikkaw Ġillu u Guido “il-life”, żewġ karattri li żgur m’għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni mal-Birżebbuġin.  Malli l-marċ kien jasal ix-xatt iż-żagħżagħ kienu jaqbżu kollha l-baħar.  Il-ġuvintur ta’ l-Azzjoni Kattolika kienu jieħdu ħsieb l-armar għall-briju, kienu jagħmlu umbrelel u anke bnadar.  Ċertu Luiġi Busuttil kien ipitter il-flokkijiet bl-arma ta’ San Pietru.  Hawn tajjeb insemmu li l-factotum tat-taqbil f’Birżebbuġa kien Turu Grima (tas-Sur Anġ) li kont tarah fuq l-ispallejn b’dak il-kappell kbir tal-messikani f’rasu jqabbel fuq San Pietru u fuq Birżebbuġa.

Għall-bidu kien ikun hemm ħafna briju pero iktar ma’ beda jgħaddi ż-żmien dan il-marċ beda jnaqqas mill-popolarità tiegħu sakemm reġa’ ħa l-ħajja fis-snin disgħin meta f’Birżebbuġa bdiet dieħla l-pika u bdew jiġu organizzati żewġ marċijiet fl-istess ħin.  Fl-1988 kienet inqalet kwistjoni bejn il-kumitat tal-banda u l-kappillan Dun Pawl Buttiġieġ fuq il-marċ ta’ filgħodu.  Il-kumitat ta’ dik is-sena kien talab 100 lira iktar lill-kappillan, li dan min-naħa tiegħu ma aċċettax u għalhekk il-marċ kien se jitħassar.  Kienet is-sena li fiha l-parroċċa kienet qed tiċċelebra għeluq il-75 sena mit-twaqqif tagħha, għalhekk sabiex ma jitħassrux festi, is-sur Turu Grima kien ħareġ jiġbor 100 lira mingħand in-nies sabiex ma jitħassarx il-marċ.  Fortunatament l-intoppi li nqalgħu dik is-sena ġew irranġati u l-marċ sar b’mod normali, grazzi għall-intervent ta’ dan il-bniedem.  Illum il-ġurnata ż-żewġ soċjetajiet mużikali jorganizzaw il-marċ ta’ filgħodu tagħhom, u l-briju jiġi organizzat mill-kummissjonijiet taż-żgħażagħ taż-żewġ baned.

 
L-istatwa ta’ l-aħħar tat-tridu

L-ewwel idea li f’Birżebbuġa tibda’ tiġi organizzata din id-dimostrazzjoni fuq il-baħar kienet kollha kemm hi tal-kappillan Dun Karm Frendo.  Hu kien ressaq il-proposta quddiem il-kumitat tal-festa ta’ dik is-sena, li kien kompost minn: Turu Grima, Louis Schembri, Joe Abdilla (it-Te), Joe Aquilina, Frenċ Farrugia (Gażuba), Pawlu Attard, Grezzju Polidano u Leli Psaila flimkien mal-kappillan Frendo.  Imbagħad kien sab liż-żagħżagħ ta’ l-Azzjoni Kattolika u kien ħeġġiġhom sabiex jieħdu sehem fl-organizzazzjoni tagħha.  Għalhekk iż-żgħażagħ flimkien mal-kappillan u l-kumitat tal-festa bdew iħejju l-preparamenti sabiex jorganizzaw din id-dimostrazzjoni eżatt kif kienet saret 5 snin qabel (fl-1974) meta ġiet indurata l-vara titulari.  Għall-bidu l-kappillan kien se juża’ l-vara ta’ San Pietru l-antika, dik li hemm fil-kor tal-knisja, sakemm issir waħda ġdida, pero’ din ma kinetx idea tajba li tintuża minħabba l-valur storiku tagħha.  Għalhekk il-kappillan Frendo kien avviċina lil Dun Ġorġ Deguara minn Raħal Ġdid sabiex jaħdem statwa ta’ San Pietru għal Birżebbuġa.  Hawn il-kappillan Frendo kien laħaq ftehim ma’ Dun Ġorġ sabiex dan jisilfu l-istatwa ta’ San Pietru li sal-lum għadha tagħmel parti mill-armar ta’ barra tal-festa ta’ Kristu Re ta’ Raħal Ġdid bil-patt li s-sena ta’ wara jaħdem waħda ġdida għal Birżebbuġa.  Dun Ġorġ ma riedx flus imma ried lill-Kappillan Frendo jsellfu sitt kolonni ta’ l-armar sabiex ikun jista’ jarmahom fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid.  L-ewwel darba li saret din id-dimostrazzjoni kienet nhar it-3 ta’ Awissu tal-1979.  Il-poplu attenda bi ħġaru u akkumpanja l-istatwa minn fuq il-baħar mill-Bajja ta’ San Ġorġ sal-Bajja s-Sabiħa, permezz ta’ dgħajjes u opri oħra tal-baħar.  L-istatwa kienet inġarret fuq il-lanċa ta’ Ġużi Aquilina u ibnu Mario (tar-Ratal).  Malli l-istatwa tniżżlet minn fuq il-lanċa l-Banda San Pietru għamlet marċ mat-toroq tar-raħal akkumpanjata b’din l-istatwa.

Hekk kif għaddiet il-festa Dun Ġorġ Deguara beda jaħdem l-istatwa l-ġdida li kellha tibda’ tintuża għal din id-dimostrazzjoni.  Din inħadmet fil-bitħa ta’ mezzanin f’fond numbru 28 Triq il-Gżira f’Birżebbuġa, li kienet ir-residenza tas-Sajf ta’ Dun Ġorġ.  Fit-22 ta’ Frar tal-1980, nhar il-festa liturġika tal-Katedra ta’ San Pietru, din l-istatwa intramat fil-knisja quddiem l-antiporta tan-naħa tal-mużew tal-bniet.  Imbagħad fil-festa tal-1980 din l-istatwa għamlet l-ewwel mawra taghha fuq il-baħar.  Sfortunatament, il-kappillan Dun Karm Frendo ma leħaqx ra l-istatwa l-ġdida tagħmel l-ewwel mawra fuq il-baħar, għaliex kien miet ftit ġimghat qabel.  Minfloku kien leħaq il-kappillan Dun Pawl Buttiġieġ.  Dik is-sena l-istatwa kienet tniżżlet mill-knisja sal-Bajja ta’ San Gorġ bil-mixi fuq l-ispallejn taż-żgħażagħ ta’ l-Azzjoni Kattolika, u għamlet il-mawra tagħha fuq il-baħar bħal ma kien sar is-sena ta’ qabel.  Hawn tajjeb li ngħidu li anke x-Xlukkajri kienu jiġu jakkumpanjaw l-istatwa bl-opri tas-sajd tagħhom.  Hekk kif l-istatwa waslet fuq il-moll tal-Bajja s-Sabiħa, il-Banda San Pietru akkumpanjatha b’marċ mat-toroq tar-raħal.  L-ewwel grupp ta’ reffiegħa kien magħmul mill-membri ta’ l-Azzjoni Kattolika.  Dawn kienu Louis Schembri, Turu Grima, Karmenu Sestito, l-aħwa Marju u Toni Bonnici (ta’ Karpju), Peter Paul Tabone, Ġużi Demanuele u Joe Polidano.  Hekk kif waslet fil-misraħ tar-raħal din ġiet imtellgħa fuq il-kolonna bil-krejn tas-Sur Leli Cutajar (il-bebuxu).  Hawn kienet tkun xena tassew sabiħa meta Leli l-Bebbuxu kien jogħlli l-istatwa fil-għoli u jdawwarha fuq in-nies u wara jpoġġiha fuq il-kolonna.  Mat-tlugħ tal-vara kienu jinħarqu ħafna sufarelli, flares u anke rdieden żgħar mill-idejn.  Fl-1997 kienet inħadmet rampa minn Karmnu Attard (l-Għawdxi) u Tarcisio Caruana, sabiex l-istatwa tibda’ titla’ fuq il-kolonna b’mod modern kif jiġu mtella’ ħafna statwi f’irħula oħra.

Fl-opinjoni tiegħi kienet ħasra li t-tradizzjoni li konna magħrufin għaliha (cioe dik li ntellgħu l-vara bil-krejn) sparixxiet għal kollox mir-raħal tagħna.  Il-Kolonna minn dejjem kienet tintrama fejn tinsab illum, u għall-bidu kienet bit-taraġ mad-dawra, imma maż-żmien sarulha diversi alterazzjonijiet.   L-aħħar intervent li sar fuqha kien sar fl-1992 minn Ġużeppi Farrugia minn Birżebbuġa.

 
Konklużjoni

Illum il-ġurnata wara 25 sena, din id-dimostrazzjoni tradizzjonali hija l-iktar avveniment li l-Birżebbuġin huma magħrufin għaliha.  Nies minn barra r-raħal jiġu jaraw din id-dimostrazzjoni u li hi unika fil-gżejjer tagħna.  Bla dubju ta’ xejn tifkira ħajja li ħallilna l-kappillan Dun Karm Frendo, ftit qabel ma ngħaqad mal-Ħallieq u ma’ San Pietru li ghalih tant ħadem fis-sentejn li dam fostna.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: