Skip to content

L-Ewwel Ġimgħa t’Awwissu fl-Istorja …

 

Excerpt minn Artiklu li kiteb Mario Sant bit-titlu “Ftit Minn Kollox”.
kitba ta’ Mario Sant
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2006.

 

stampa

caption

 

Spiss ngħaddi minn quddiem, fejn dari kien, iċ-ċirkolu ta’ l-Azzjoni Kattolika (Fergħa Ġuvintur), post illum użat miż-ŻAK. Bla ma nkun naf kif, malajr moħħi jibda jaħseb f’dak iż-żmien sabiħ li qattajt f’dan iċ-ċirkolu, iż-żmien taż-żgħożija tiegħi. Kemm memorji, kemm tifkiriet, min jaf x’sar minn sħabi?  Fortunatament xi wħud għadni niltaqa’ magħhom iżda oħrajn rari, jekk mhux qatt.

Fl-imgħoddi niftakar li konna wieħed mill-aqwa ċirkoli ta’ Malta. Nifhem li minn dak iż-żmien ‘1 hawn kollha morna għal rasna, fittixna t-toroq differenti tagħna, bnejna karrieri u familja. Spiss iżda nistaqsi lili nnifsi, min jaf jekk fost dawk kollha jeżistix xi ħadd xi kultant jitħasseb hemmx post għalih lura fl-Azzjoni Kattolika Maltija, anke llum wara dawn is-snin kollha, f’xi ħidma jew impenn ieħor.

Nistqarr magħkom jien wieħed minn dawn. Niltaqa’ ma’ ħafna nies waqt il-quddies jew f’xi attività oħra tal-parroċċa, nisa u rġiel, ex-membri ta’ l-Azzjoni Kattolika u anke li m’humiex, u minn kliemhom ninduna li jixtiequ bħali jagħtu aktar. Niehu pjaċir jekk ikun hemm xi ħadd li jaqsam miegħi ħsibijiet bħal dawn u naraw x’jista’ jsir fil-futur.

Tista’ tgħid kull sena waqt il-ġranet tal-festa jiġuni f’moħħi xi nies minn Birżebbuġa li żgur m’humiex se jkunu qed jiċċelebraw magħna din id-darba. Niftakar f’nies li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem mill-aħħar festa ‘l hawn, f’oħrajn li xogħolhom tant hu impenjattiv li diffiċli narawhom magħna fil-festa.

Niftakar f’oħrajn li ħallew pajjiżna u llum qed jgħixu ‘l bogħod minna. Għalkemm dawn ta’ l-aħhar mhux se jkunu magħna fil-festa iżda ċertament li moħħhom ikun qed jaħseb f’dak li ħallew warajhom hawn, raħal twelidhom, fejn għexu għal snin twal.

Iżda sfortunatament jiġu f’moħħi wkoll nies, speċjalment żgħażagħ, li qabel kont nara jieħdu sehem attiv fil-festa tagħna, speċjalment fit-tfulija tagħhom.  Iżda llum l-inqas ħaġa li jaħsbu dwarha hija l-parroċċa, aħseb u ara l-festa tar-raħal.

Nies li birdu, li affarijiet bħal dawn saru jarawhom żejda jew bla sens. Fejn hu dak, fejn hu l-ieħor, fejn hi dik? X’sar minnha l-oħra? Fejn dari kienu jiġru wara San Pietru, illum jiġru wara min bi kliemu, twemminu, il-ħajja li jgħix, kitbietu, ħalla mhux biss il-marka tiegħu fuqhom iżda kaxkarhom warajh.

Qrabat ta’ dawn in-nies, li l-imġiba tagħhom qed tnikkithom għall-aħħar, wara li rabbewhom kif suppost, ma tantx għandhom moħħ jiċċelebraw magħna! Naħsbu fuqha din il-ħaġa?

Naqilbu ftit il-folja… għandi għalikom issa xi ġrajjiet li seħħew barra minn xtutna fl-imgħoddi fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu, u li forsi minħabba li konna moħħna iżjed fil-festa ftit li xejn kellna ħin għalihom meta seħħu jew meta kien qed jiġi mfakkar l-anniversarju tagħhom. Sintendi dawn li ġejjin huma biss ftit minnhom.

 

1 ta’ Awissu

  • 1774 Joseph Priestley jiskopri l-ossiġnu.
  • 1976 Is-sewwieq tal-Formola Uno Niki Lauda f’kundizzjoni kritika wara inċident ikrah fil-Grand Prix tal-Ġermanja.
  • 1981 Jiftaħ l-istazzjon mużikali televiżiv MTV.  L-ewwel kanzunetta li nstemgħet fuqu – Video Killed the Radio Star ta’ Buggles.

 

 

2 ta’ Awissu

  • 1934 Adolf Hitler jinħatar Fuhrer tal-Ġermanja Nażista.
  • 1980 Splużjoni qawwija fi stazzjon tal-ferrovija f’Bologna l-Italja tħalli mill-inqas 75 persuna mejta.
  • 1990 L-Iraq jinvadi l-Kuwajt, invażjoni li tat bidu għall-gwerra tal-Golf.

 

4 ta’ Awissu

  • 2000 Ċelebrazzjonijiet kbar fir-Renju Unit fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twelid tar-Reġina Omm. Ir-Reġina Omm, kif nafu, mietet ftit wara, nhar it-30 ta’ Marzu 2002.

 

5 ta’ Awissu

  • 1962 L-attriċi popolari Marilyn Monroe, 36 sena, tinsab mejta f’sodditha, f’ċirkostanzi li kienu jindikaw li dan kien suwiċidju.
  • 1973 Tlieta maqtula u 55 oħra midruba meta żewġ persuni ta’ nisel Għarbi jiftħu n-nar fuq lawnġ tal-passiġġieri fl-ajruport ta’ Ateni.

 

6 ta’ Awissu

  • 1890 William Kemmler isir l-ewwel persuna li tingħata l-piena kapitali permezz tas-siġġu elettriku.

  • 1945 Tintefa’ l-ewwel bomba atomika minn ajruplan ta’ l-Istati Uniti, Enola Gay, fuq il-belt Ġappuniża ta’ Hiroshima.

  • 1961  L-Unjoni Sovjetika tgħaġġeb lid-dinja meta tillanċja f’orbita lill-Maġġur Gherman Titov għal ġurnata sħiħa.

  • 1991  Ilkoll kemm aħna smajna bl-internet, websites u x’naf jien, iżda kien f’dan il-jum li Tim Berners – Lee ħareġ bl-idea għall-ewwel darba ta’ World Wide Web (www).

 

7 ta’ Awissu

  • 1947 Thor Heyerdak itemm il-qasma tiegħu ta’ l-Oċean Paċifiku wara 101 ġurnata fuq sempliċi ċattra bl-isem ta’ Kon tiki.

  • 1998 Mill-inqas 200 persuna maqtula u ħafna oħra korruti fi splużjonijiet ta’ l-Ambaxxati Amerikani fl-istati Afrikani tal-Kenja u t-Tanżanija.  Splużjonijiet li seħħew fi ftit minuti biss bogħod minn xulxin.

 

8 ta’ Awissu

  • 1974 Richard Nixon iħabbar li kien se jirreżenja minn President ta’ l-Istati Uniti, l-ewwel persuna fil-kariga li għamlet dan.

 

Nota:  Peress li l-artiklu oriġinali bl-isem “Ftit minn kollox” ta’ Mario Sant għandu fih taħlita ta’ temi differenti, qiegħed naqsam dan l-artiklu f’biċċiet separati sabiex jiġi relevanti għas-sezzjoni li qed nitfgħu fiha.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: