Skip to content

Il-Parroċċi Maltin u l-Festi

 

Il-Parroċċi Maltin u l-Festi.
kitba ta’ Alex Azzopardi
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2006.

 

stampa

caption

 

Fi żmien il-ħakma Għarbija, l-insara Maltin kienu miġburin madwar il-Grotta ta’ San Pawl, fir-Rabat.  Dak iż-żmien ir-Rabat kien subborg barra l-belt kapitali l-qadima, l-Imdina. Għalhekk nistgħu ngħidu li din il-komunità nisranija kienet qisha tifforma l-ewwel parroċċa ta’ Malta. It-tifsira tal-kelma parroċċa, bil-Grieg, hija ġabra ta’ nies li kienu jgħixu qrib xulxin.  Wara mitejn sena taħt l-Għarab, Malta għaddiet f’idejn in-Normanni mmexxijin mill-Konti Ruġġieru. II-Konti Ruġġieru rranġa l-organizzazzjoni ekkleżjastika li kienet ħadet daqqa ta’ ħarta taħt il-ħakma Għarbija.  Fin-naħa l-oħra tal-gżira, ġewwa l-belt marittima tal-Birgu, twaqqfet parroċċa oħra, dik ta’ San Lawrenz.  Id-data tat-twaqqif ta’ din il-parroċċa mhux eżatta, iżda huwa żgur li kienet viċin l-1127.

Fil-lista (rollo) li għamel l-Isqof Senatore De Mello fl-1436, apparti ż-żewġ parroċċi diġà msemmija, inkluda tmien parroċċi oħra. Xi rziezet li bdew jiffurmaw irħula żgħar, talbu li huma wkoll ikollhom parroċċa awtonoma biex ikunu jistgħu jaqdu s-sagramenti mingħajr il-bżonn li jivjaġġaw fit-tul, u dak iż-żmien kulħadd jaf li l-uniku mezz ta’ trasport kien karettun miġbud minn xi bhima. Mal-wasla tal-Kavallieri, il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet, u l-ħajja tjiebet. Fis-seklu sittax twaqqfu għaxar parroċċi u tmienja oħra fis-seklu sbatax.  Fis-seklu dsatax insibu għaxar parroċċi ġodda.   Fis-seklu għoxrin twaqqfu l-ikbar ammont ta’ parroċċi, b’kollox sitta u għoxrin waħda, fejn insibu konċentrazzjoni ta’ ħmistax-il parroċċa fl-għaxar snin bejn l-1965 u l-1975.  Fis-seklu preżenti, s’issa diġà għandna erba’ parroċċi ġodda.

Skond it-tradizzjoni u d-drawwa nisranija, kull parroċċa għandha tkun iddedikata lejn xi qaddis partikolari u din id-devozzjoni waslet biex qamu l-festi f’ġieħ dan il-qaddis patrun. L-ewwel bdew bħala ċelebrazzjonijiet interni, fejn kienu iktar jiffukaw fl-għoti ta’ karità lil min kien fqir. B’dan nikkonkludu, li l-maġġoranza tal-popolazzjoni – li kienet tgħix fil-faqar – kienet tistenna bil-ħerqa dawn il-festi biex tibdel ir-rutina tal-ħajja u għall-ġurnata fis-sena jgħixu ftit aħjar. Meta daħlu l-istatwi titulari u bdew isiru l-purċissjonijiet, fil-festa beda jqum anke dak li huwa estern.

Influwenzati mill-baned tar-reġiment Ingliż, mat-tieni nofs tas-seklu dsatax bdew jiffurmaw il-baned u dawn komplew jagħtu spinta lill-festi esterni, li sa dak iż-żmien kienu esklussivament f’idejn il-fratellanzi.  Mal-baned bdew iqumu wkoll il-partiti.  Għall-bidu l-pika kienet tkun ma’ xi raħal fil-qrib, iżda ġara li f’xi rħula qamet devozzjoni lejn xi qaddis ieħor u dawn wasslu għall-festi sekondarji. Xi parroċċi tant kibru li bdiet tinħass il-ħtieġa li jitwaqqfu parroċċi oħra fl-istess lokalità. Kien hemm ukoll xi knejjes, ġeneralment immexxija minn patrijiet li bdew ukoll jagħmlu festi esterni. F’ċerti lokalitajiet, inħolqu partiti ġodda għall-istess festa.

Hawnhekk se nagħtu ħarsa dwar kif inhuma maqsuma t-tmienja u sittin parroċċa ta’ Malta f’dak li huma festi.

 

Iktar minn Parroċċa Waħda fl-Istess Lokalità

F’ċerti lokalitajiet, maż-żmien inħasset il-ħtieġa li tiġi eretta parroċċa oħra. L-ewwel każ imur lura fis-sena 1571, meta fil-Belt Valletta, fejn diġà kien hemm il-parroċċa ta’ San Pawl (1570) saret it-tieni parroċċa, dik ta’ San Duminku (knisja ta’ Santa Marija tal-Portu Salvu). Fl-1968 twaqqfet it-tielet parroċċa, dik ta’ Santu Wistin. Hekk ġara f’Ħal Qormi, fejn mal-parroċċa ta’ San Ġorġ (1436) inħolqot il-parroċċa ta’ San Sebastjan (1936). Dan wassal għal rivalità kbira bejn dawn iż-żewġ parroċċi. F’Raħal Ġdid mal-parroċċa ta’ Kristu Re (1910) żdiedet dik tal-Madonna ta’ Lourdes (1974).

L-istorja tal-Ħamrun hija ferm interessanti għaliex dan il-post bidel ismu tliet darbiet.  Kien magħruf bħala Ta’ Braxia, wara Ta’ San Ġużepp u kif nafuh illum – Ħamrun. Meta fl-1881 sar parroċċa, ħafna ħasbu li awtomatikament se jkun iddedikat lil San Ġużepp, iżda jingħad li l-Isqof Gajtano Pace Forno kien diġà wiegħed lill-Misidjani biex il-knisja l-ġdida tagħhom tkun iddedikata lil San Ġużepp, u għall-Ħamrun għażel il-qaddis ta’ ismu, San Gejtanu. Meta fl-1968 twaqqfet it-tieni parroċċa tal-Ħamrun, dik tal-Kunċizzjoni, inċidentalment kienet ftit ‘il bogħod minn fejn oriġinarjament kien hemm l-ewwel knisja parrokkjali ta’ l-Imsida, u li kienet iddedikata lill-Kunċizzjoni. Fil-Marsa nsibu żewġ parroċċi – Trinità (1913) u Marija Reġina (1966). Birkirkara hija maqsuma fi tliet parroċċi, dik ta’ Sant’Elena (1402), San Ġużepp Ħaddiem (1973) u l-iktar parroċċa riċenti, Santa Marija (2005). F’Tas-Sliema nsibu l-ikbar numru ta’ parroċċi, erbgħa; Stella Maris (1878), Madonna tas-Sacro Cuor (1881), San Girgor il-Kbir (1943) u Ġesu Nazzarenu.

 

Festi Sekondarji

Fi tmien parroċċi madwar Malta, minbarra l-festa titulari jiġu ċċelebrati wkoll festi sekondarji mill-istess knisja. Aktarx li dawn bdew wara li xi kappillan ikun ġab miegħu xi devozzjoni li maż-żmien żviluppat f’festa sekondarja.

Il-parroċċi li jiċċelebraw festi sekondarji huma: Ħal Għaxaq (1626) – Santa Marija (t) u San Ġużepp (s); Ħal Kirkop – San Leonardu (t) u San Ġużepp (s), Imqabba (1598) – Santa Marija (t) u l-Madonna tal-Ġilju (s), Qrendi (1618) – Santa Marija (t) u l-Madonna ta’ Lourdes (s), Ħaż-Żebbuġ (1436) – San Filep (t) u San Ġużepp (s), Żurrieq (1436) – Santa Katerina (t) u l-Madonna tal-Karmnu (s). F’Ħal Tarxien (1592) minbarra l-Lunzjata (t) jiċċelebraw ukoll il-festa tal-Madonna tad-Duttrina. Il-każ tal-Gudja (1436 – parroċċa ta’ Bir Miftuh) huwa partikolari fejn insibu lil Santa Marija bħala titular filwaqt li jsiru żewġ festi oħra mill-fratellanzi tar-Rużarju u taċ-Ċintura.

 

Festa Waħda – Żewġ Baned

Bħal fil-każ tagħna, ta’ Birżebbuġa, f’Malta għandna diversi parroċċi li għalkemm jiċċelebraw festa waħda, insibu żewġ baned. F’dan il-każ ikun hemm konċentrazzjoni kbira ta’ attivitajiet esterni f’ġimgħa waħda.

F’dawn il-parroċċi nsibu żewġ baned li jiċċelebraw l-istess festa: Ħ’Attard (1575) – Santa Marija, Birkirkara (1436) – Santa Liena, Birżebbuġa (1913) – San Pietru, Ħal-Balzan (1655) – Lunzjata, Ħamrun (1881) – San Gejtanu, Kalkara (1898) – San Ġużepp, Ħal-Luqa (1634) – Sant’Andrija, Mellieħa (1844) – Marija Bambina, Mosta (1608) – Santa Maria, Naxxar (1436) – Marija Bambina, Ħal-Qormi (1436) – San Ġorġ, Raħal Ġdid (1910) Kristu Re, San Ġiljan (1891) – San Ġiljan, Siġġiewi (1436) – San Nikola, Ħaż-Żabbar (1616) – Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żebbuġ (1436) – San Filep, Żejtun (1436) Santa Katerina.

 

Festa Titulari fil-Parroċċa u Festa Sekondarja minn Knisja Oħra

Fir-Rabat jiċċelebraw festa titulari Corpus, festa prinċipali – San Pawl u festa sekondarja ta’ San Ġużepp li ssir fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu immexxija mill-Franġiskani. Fil-knisja parrokkjali tal-Birgu il-festa titulari ta’ San Lawrenz mentri fil-knisja tal-Lunzjata, immexxija mill-Patrijiet Dumnikani, jiċċelebraw il-festa sekondarja ta’ San Duminku.  Taghmel mal-parroċċa ta’ Santa Liena f Birkirkara nsibu l-knisja ta’ Sant’Antnin, fejn issir festa għall-istess qaddis.

 

Festa Waħda Partit Wieħed

Għad baqa’ għadd ta’ parroċċi li għandhom festa waħda u banda waħda.   Dawn huma: Balluta (1974) Madonna tal-Karmnu, Bormla (1586) – Kunċizzjoni, Ħad-Dingli (fl-1436 kienet teżisti parroċċa f’Ħal Tartani.  Dan ir-raħal għeb maż-żmien u minfloku għandna lil Ħad-Dingli, li wara li tneħħa minn parroċċa fl-1668 reġa’ sar parroċċa fl-1678 bit-titular ta’ Santa Marija), Fgura (1965) – Madonna tal-Karmnu, Furjana (1844) – San Publiju, Gżira (1921) – Madonna tal-Karmnu, Isla (1581) – Marija Bambina, Marsaxlokk (1897) – Madonna ta’ Pompei, Marsaskala (1949) – Sant’Anna, Imġarr (1898) – Santa Marija, Imsida (1867) – San Ġużepp, San Ġwann (1965) – Madonna ta’ Lourdes, San Pawl il-Baħar (1905) – Duluri u Santa Venera (1918) – SantaVenera.

F’xi rħula, li llum għandhom festa waħda, fl-imgħoddi kienet teżisti xi rivalità mal-festa titulari, li maż-żmien spiċċat għal kollox.  F’Ħal Balzan (1655) il-Lunzjata (t) ma’ San Valentinu, fil-Għarghur (1610) San Bartilmew (t) ma’ San Ġużepp, f’Ħal Lija (1594) is-Salvatur (t) ma’ San Alwiġi, f’Ħal Luqa (1634) Sant’Andrija (t) ma’ tad-Duttrina, fin-Naxxar (1436) Marija Bambina (t) ma’ tad-Duttrina, f’Ħal Safi (1598), San Pawl (t) ma’ tar-Rużarju, filwaqt li fis-Siġġiewi (1436) San Nikola (t) ma’ San Ġużepp.

 

Mingħajr Baned

Insibu wkoll xi lokalitajiet li għad m’għandhomx banda.  Burmarrad (1971) – Qalb bla Tebgħa ta’ Marija, Fleur De Lys (1975) – Madonna tal-Karmnu, Ta’ Xbiex (1969) – San Ġwann tas-Salib, Santa Luċija (1969) – San Piju X, Gwardamanġa (1968) – Fatima, Manikata (1975) San Ġużepp, Birkirkara (1973) – San Ġużepp Ħaddiem, Valletta (1968) – Santu Wistin u Ta’ l-Ibraġġ (1999) – Kunċizzjoni.

 

F’Birżebbuġa

Ir-raħal ta’ Birżebbuġa għandu storja mill-iktar rikka f’dik li hija ċiviltà qadima. Biżżejjed wieħed jirreferi għas-siti ta’ Għar Dalam u Borġ in-Nadur. Pero f’dik li hija storja aktar riċenti, il-komunità ta’ Birżebbuġa mxiet iktar bil-mod meta relatata ma’ rħula oħra.  Qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, Birżebbuġa kienet imfittxija l-iktar għall-villeġġjatura.  Iżda wara l-iżvilupp li sar f’Kalafrana u f’Ħal Far, il-popolazzjoni residenzjali żdiedet bil-bosta. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija ħafna kienu dawk li telqu minn dan ir-raħal biex ifittxu kenn f’irħula oħra.

Wara l-gwerra dan ir-raħal reġa’ beda jiffjorixxi.  Rajna l-ħolqien ta’ żewġ żoni residenzjali ġodda fil-limiti ta’ Birżebbuġa, magħrufa bħala Tal-Papa u l-Qajjenza. Dawn mhux biss ġabu żieda fil-popolazzjoni, iżda wkoll kabbru l-konfini abitati tar-raħal.  F’dak li huwa qadi spiritwali, l-inħawi ta’ Tal-Papa jinqdew bil-kappella tar-Ragħaj it-Tajjeb, filwaqt li l-iktar viċin tal-Qajjenza hija l-kappella ta’ San Ġorġ. L-iżvilupp ma jżommu xejn, u r-raħal taghna għandu fejn jespandi iktar. Min jaf għadx ikollna xi parroċċa ġdida anke f’Birżebbuġa?

Iż-żieda fil-popolazzjoni ġġib ukoll lok għall-għaqdiet ġodda. Hekk ġara fl-1990 meta rajna t-twaqqif tal-Banda Birżebbuġa. Bla dubju ta’ xejn, din il-banda għamlet ġid kbir lil Birżebbuġa kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-festa kif ukoll fit-tagħlim tal-mużika.  Min qatt kien jobsor li ulied dan ir-raħal, li jitgħallmu l-mużika mas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990, kienu se jirbħu x-shield tal-Gara Mużikali, kompetizzjoni nazzjonali bejn is-Soċjetajiet Mużikali, organizzata mill-Għaqda Każini tal-Banda fil-prattika u t-teorija tal-mużika?

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: