Skip to content

‘Dun Frans Camilleri’

 

‘Dun Frans Camilleri’
kitba ta’ Joe Julian Farrugia
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, Festa 2003.

 

stampa

caption

 

F’innu popolari, bħal f’kanzunetta jew kull ħaġa ohra li tista’ tkun kantata, il-lirika hija importanti daqs il-kompożizzjoni. Il-mużika tagħti x-xejra jekk hix ċelebrazzjoni ta’ ferħ jew ta’ niket, filwaqt li 1-kliem huwa aktar speċifiku u juri 1-ħsieb eżatt tal-kittieb. Il-lirika ta’ l-Innu Popolari lil San Pietru nkitbet minn Dun Frans Camilleri għall-mużika ta’ Carmelo Pace.  Iżda min kien eżatt Dun Frans Camilleri?

Dun Frans Camilleri twieled il-Marsa nhar id-29 ta’ Jannar 1919 minn Ġanni Camilleri u Ġużeppina mwielda Barbara. Missieru Ġanni kien magħruf bħala Ta’ l-Isqof minhabba li kien jaħdem il-kurja.  Dun Frans twieled fi Triq Ħal-Qormi li ħafna jassoċjawha mal-Ħamrun, iżda li ħajt minnhom jaqa’ taħt il-parroċċa tal-Marsa. Wara kienu marru joqogħdu fi Triq Magri fil-Marsa u aktar tard, meta ħafna mill-aħwa żżewġu marru joqogħdu fi Triq Carini f’Santa Venera.

Meta Frans kien tifel, kien abbati fil-knisja ta’ San Gejtanu. Huwa studja fl-iskola primarja tal-Gvern, f’Saint Pauls School, is-Seminarju tal-Furjana u ħa l-kors tat-Teoloġija fl-Università. Huwa qaddes fl-1943.  Huwa ried jiddedika ħajtu għal Alla u għal oħrajn għal dejjem, kif kiteb huwa stess fil-poeżija Sacerdos in Aeternum.

Il-ħidma ta’ Dun Frans tista’ tinqasam fi tlieta; reliġjuża, soċjali u artistika. Kien għal żmien twil rettur tal-knisja ddedikata lill-Madonna tal-Portu Salvu fi Triq Irjali l-Ħamrun magħrufa bħala ta’ Santunuzzu.  Huwa kien fl-Għaqda ta’ Qari Tajjeb u għamel xi snin segretarju tagħha wkoll. Din l-għaqda kienet stampat madwar kwart ta’ miljun librett dwar ħajjiet ta’ qaddisin u tagħrif reliġjuż ieħor. Kien ukoll assistent ekkleżjastiku u propagandista ta’ l-Azzjoni Kattolika.

Il-ħidma soċjali ta’ Dun Frans kienet mifruxa sewwa. Huwa kien membru tal-Kummissjoni Emigranti.  Kien editur ta’ Il-Ħuġġieġa u Lil Ħutna.  Kien direttur spiritwali ta’ l-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun minn meta qaddes sa mewtu, tal-Ħamrun Spartans, tal-Hobbies Society, tal-Malta Playing Fields Association u il-Chorus Melitensis.  Kien ukoll membru fl-Għaqda tal-Viżitaturi tal-Ħabs.

Dun Frans kien iħobb ħafna l-ilsien Malti. U dan mhux biss għax oħtu Bice kienet miżżewġa lil ħu l-Profs. Ġuże Aquilina.  Kien jgħallem il-Malti fil-Kulleġġ San Alwiġi u fis-Seminarju u ‘llum insibu diversi nies fl-aktar karigi għoljin fil-pajjiż li fit-tagħlim ta’ l-ilsien Malti għaddew minn taħt Dun Frans.

Huwa kien ħa sehem fil-ġlieda għall-għarfien ta’ ilsien tal-poplu bħala l-ilsien uffiċjali ta’ Malta.  Kien issieħeb fl-Akkademja tal-Malti sa minn meta sar qassis, kif ukoll fl-Għaqda kittieba tal-Malti.  Kien jikkontribwixxi bil-kitbiet tiegħu f’rivista bħal Il-Malti u Leħen il-Malti.

Kien kiteb għadd kbir ta’ poeżiji u kien jiffirmahom bl-inizzjali DFC.  Kien ippubblika ħames kotba.  Dawn huma tliet kotba ta’ poeżija: Moħba tal-Qalb (1945); Fil-Ġnejna tat-Tfulija (1948/49) u L-Għanja ta’ Ħajti (1964).  Kellu wkoll ktieb jismu Innijiet (1948), u ktieb ta’ essejs bl-isem ta’ Lejn id-Dawl (1950). Barra minn hekk kien qaleb għall-Malti innijiet u sekwenzi għall-Missal.

Meta fiċ-ċentinarju tal-miġja ta’ San Pawl f’Malta fl-1960 kien sar konkors biex jingħażel innu għall-okkażjoni, Dun Frans kien rebaħ b’mużika tas-Surmast Joseph Abela Scolaro, is-surmast tal-Banda San Gejtanu.

Il-kitbiet ta’ Dun Frans ma kellhomx għarfien biss f’Malta.  Huwa kien saħansitra ġie mistieden minn assoċjazzjoni f’Kalifornja biex jieħu sehem f’pubblikazzjoni bl-isem Great Living Poets of the World.

Minbarra l-kitba, Dun Frans kien ukoll dilettant kbir tal-fotografija. Kien iħobb jieħu ritratti ta’ xeni Maltin u kien jiddeletta kemm f’ritratti suwed u bojod kif ukoll bil-kulur.  Ritratti tiegħu sabu ruħhom f’għadd kbir ta’ kalendarji u kartolini kemm f’Malta kif ukoll barra.  Kien jistenna l-aħjar żmien u staġuni għar-ritratti tiegħu.  Kien ukoll iqatta’ ħafna ħin jistenna x-xemx tiġi fl-aħjar pożizzjoni biex ir-ritratti jkunu ta’ l-aħjar kwalità kreattiva kif tixtieqhom għajn ta’ veru artist.

Dun Frans kien ħabib kbir ta’ Oreste Kirkop u tista’ tgħid li kien bil-ħidma tiegħu li aħbarijiet dwar is-suoċess ta’ Oreste f’Hollywood kienu jaslu u jiġu ppubblikati fil-ġurnali Maltin biex il-poplu jkun jaf bihom.

Bħala karattru, Dun Frans kien bniedem kalm u ċajtier.  Huwa kellu għal qalbu 1-batut u ż-żgħir.  Huwa għex fil-faqar u anke lil ommu kien jgħidilha, “Ibkini biss jekk ninsa lill-batut.”  Kien jogħxa jgħin lil ħaddieħor u ma kienx iħares lejn uċuħ.  Kien jisħaq ħafna għall-għaqda fil-Ħamrun, speċjalment bejn iż-żewġ baned fil-jiem tal-festa.  Għalkemm kien direttur spiritwali ta’ banda minnhom, kien ukoll kiteb għall-banda l-oħra u ta sehmu biex kien intlaħaq ftehim bejn iż-żewġ Għaqdiet.

Huwa kien iħobb l-isport, speċjalment il-futbol u kellu simpatija lejn il-futbol Ġermaniż.  Bħala mużika kien iħobb kollox iżda jippreferi dik klassika.  Kien jagħmel ukoll xogħol sabiħ ferm bil-bebbux.  Kellu inkwatri u ħwejjeġ oħra li kien jaħdem bil-bebbux. Kien ukoll dilettant kbir tal-qsari u s-siġar.  Kien ghamel anke żmien jagħti pariri lid-dipartimenti tal-Gvern dwar tisbieħ ta’ lokalitajiet bis-siġar.

Ta’ min isemmi inċident żgħir dwar Dun Frans.  Mela darba kien sejjer jara partita futbol tal-Juventus fl-Italja u f’ħin minnhom inqala’ xi ħaġa xejn sabiħa u l-ajruplan kellu jibqa’ jdur fl-arju sakemm jispiċċa l-fuel kollu.  Minħabba li Dun Frans kien saċerdot fost dawk in-nies kollha kulħadd beda jdur fuqu u jitolbu l-assoluzzjoni li ma jmurx jiġri xi ħaġa kbira. Minkejja li beda jipprova jikkonsla lil kulħadd, fil-fatt Dun Frans kien l-aktar wieħed imwerwer!!

Lejn l-aħħar ta’ ħajtu, Dun Frans naqsu sew id-dawl u minkejja li b’xi mod baqa’ jikteb, kienet għafsa ta’ qalb kbira għalih li ma setax ikompli fil-fotografija.

Dun Frans Camilleri miet nhar il-5 ta’ Diċembru 1990 fl-età ta’ 71 sena.  Il-ħidma tiegħu b’riżq il-Malti, l-arti u l-proxxmu batut mhux faċli tintesa.

Sena wara mewtu kienet ittellgħet wirja dwar ix-xogħlijiet tiegħu.  Issemmew toroq għal ismu ġewwa l-Ħamrun, San Pawl il-Baħar u f’Santa Venera.  Jonqos biss li tissemma’ triq għalih fil-Marsa, post twelidu u fejn għex parti sew minn ħajtu.  Issemmiet għalih ukoll waħda mill-iskejjel tal-Ħamrun kif ukoll is-sala prinċipali tal-Każin San Gejtanu.  Minkejja li miet, huwa jibqa’ ħaj fil-kitbiet letterarji kif ukoll fl-għadd kbir ta’ innijiet li ħallielna.

L-aħħar poeżija li kien kiteb kienet iddedikata lil Dun Ġorġ u kien jisimha Li Kieku Ma Kontx Int.  Nixtieq nispiċċa bi strofa minn din il-kitba:

 

Għax mhux bil-ħobż
Biss jgħix il-bniedem,
Imma b ‘kull kelma
li tgħid Int, Ġesu:
Kliemek mhuwiex minn rajk
‘mma mill-fomm l’Alla:
Dak kollu li tgħid Int.
iridu Hu.

 

Dan l-artiklu miktub minn Joe Julian Farrugia deher fil-ġurnal it-Torċa ta’ nhar il-Ħadd 13 ta’ Ottubru 2002 u kien jifforma parti mis-sensiela Ulied is-Seklu l-ieħor li titratta l-aktar personalitajiet magħrufa f’pajjiżna mwielda fis-seklu li għadda li taw kontribut lill-kultura f’pajjiżna u li ‘llum m’għadhomx magħna.

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: