Skip to content

Birżebbuġa – Ħarġa Speċjali tal-Festa – Awissu 1982

 

Birżebbuġa – Ħarġa Speċjali tal-Festa – Awissu 1982
kitba ta’ Alex Azzopardi.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2002.

 

stampa

caption

 

Waqt li kont qiegħed infittex qalb il-fuljetti, programmi u materjal ieħor marbut mal-festa tagħna, ġie f’idejja l-Fuljett Parrokkjali Birżebbuġa – Ħarġa Speċjali tal-Festa 1982. Iż-żmien itir u ma jistenna lil ħadd. Lanqas temmen li minn fuq dak il-fuljett għaddew għoxrin sena. Hekk kif b’nostalġija kbira fettilli nibda inqalleb dawk il-folji, dehrli li jkun interessanti jekk fl-artiklu tiegħi ta’ din is-sena, naqsam magħkom u nfakkarkom ftit, dwar il-mod kif iċċelebrajna l-festa ta’ għoxrin sena ilu, u xi tagħrif ieħor li kien deher f’dik il-ħarġa.

L-ewwelnett ma nistgħux ma nsemmux il-Kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Pawl Buttiġieġ, li fil-messaġġ tiegħu, fost affarijiet oħra, semma li l-festa tas-sena ta’ qabel swiet lill-parroċċa Lm2500 u għall-festa ta’ l-1982 fost il-ħruġ ewlieni, kien hemm stmat li jintefqu Lm700 għad-dawl, Lm700 għan-nar u Lm400 għall-baned. Fuq l-istess suġġett kien id-diskors tas-Segretarju tal-Kumitat Festi Esterni, fejn appella lill-poplu ta’ Birżebbuġa, biex ikun ġeneruż fl-offerti tiegħu u jghin lill-kumitat fl-attivitajiet li jorganizza, jekk id-dilettanti tal-festa riedu li l-marċi tal-Ġimgħa u tal-Ħadd filgħodu jibqgħu jsiru!!

Fost l-attivitajiet li l-Kummissjoni Assistenza Soċjali organizzat għal żmien il-festa, insibu għoti ta’ demm mill-Blood Bank, telefonata b’xejn bil-polza lil xi ħadd mill-ġenituri li kellhom lil uliedhom imsefrin u kienu ilhom aktar minn sena ma jiltaqgħu, filwaqt li diversi familji żammew għandhom tfal mill-Istituti.

Interessanti naraw li għal dik il-festa kellu jieħu sehem għall-ewwel darba s-St. Peter’s Choir. Dik is-sena wkoll, preċiżament fl-okkażjoni ta’ l-Ewwel Tqarbina ġie mżanżan l-orgni l-ġdid, li kien ġie mogħti minn benefattur.

Il-Programm tal-Festi ta’ Ġewwa kienu mifruxa fuq erbatax-il ġurnata, mit-Tlieta 20 ta’ Lulju sat-Tnejn 2 ta’ Awissu 1982. Il-ħruġ ta’ l-istatwa min-niċċa kien karaterizzat minn quddiesa fuq iz-zuntier quddiem il-vara ta’ San Pietru, diskors mic-Chairman tal-Kunsill Parrokkjali u preżentazzjoni tal-fjuri mit-toroq, drawwa li għadha ħajja sal-lum.

Naraw li fl-Ewwel u fit-Tieni Jum tat-Tridu ntwera feature bis-slides dwar il-ħajja ta San Pietru fejn Il-Government Housing Estate u fil-kappella ta’ Bengħajsa. Features bis-slides kienu saru wkoll fil-jiem ta’ qabel f ‘St. Stephen Street u ħdejn Il-flats li kien għad hemm f’Kalafrana.

Il-Konċelebrazzjoni ta’ Jum il-Festa li bdiet fid-9.00am, tmexxiet minn Mons. Carmelo Sciberras u b’Omelija minn Patri William Axiaq OFM Cap.

Il-festi ta’ barra kienu ċċelebrati fi tlett ijiem, b’Mixgħela Ġenerali, marċijiet u logħob tan-nar, il-Ġimgha, is-Sibt u naturalment il-Ħadd, l-1 ta’ Awissu, Jum il-Festa.  Dik is-sena kellna banda waħda mistiedna, il-Banda Our Lady of Consolation tal-Gudja (illum Għaqda Mużikali Marija Assunta) li akkumpanjat parti mit-triq tal-purċissjoni. Naqraw ukoll li n-nar ta’ l-art u ta’ l-ajru kienu maħdumin mid-dilettanti tan-nar tal-Qrendi.

Fil-fuljett ta’ għoxrin sena ilu, kien ġie mħabbar li wara ħafna ħsieb u diskussjonijiet, ġie deċiż li jinbeda l-proġett taċ-Ċentru Parrokkjali, billi jsir tqassim aħjar tas-Sagristija min-naħa ta’ New Street in Church Square (illum Triq is-Sajjied).  U minn sular wieħed jitilgħu għal tliet sulari, proġett li ġie mwettaq u rriżulta li huwa ta’ siwi mmens għall-parroċċa tagħna.

Fl-istess paġna tal-fuljett ta’ għoxrin sena ilu, kien tħabbar ukoll li l-parroċċa kienet se tikri garaxx ħdejn Il-flats biex iservi għall-quddies, tagħlim tad-duttrina, u attivitajiet reliġjużi għan-nies ta’ l-inħawi tal-Housing Estate u l-madwar, li f’dawk iż-żminijiet kienu qed jiżviluppaw b’ritmu mgħaġġel.  Dan il-garaxx ġie rranġat u f’Novembru 1983 infetħet il-kappella tar-Ragħaj it-Tajjeb.

Kien ukoll fil-fuljett ta’ għoxrin sena ilu li ġie ppubblikat id-disinn tal-bankun u l-bradella l-ġdida ta’ San Pietru. Fost diversi disinni ntgħażel dak tas-Sur Frans Treeby.  F’Novembru ta’ l-1981 l-isketch kien tqiegħed għall-wiri fil-knisja.  L-istima komplessiva għax-xogħol tal-mastrudaxxa u l-iskultura kienet tlaħħaq madwar Lm5000.

Mastru Ġużeppi Galea ta’ Ħal Luqa għamel ix-xoghol ta’ l-injam. Il-preġju prinċipali tal-bankun, kellhom ikunu l-iskultura tal-kwadranti tan-nofs.

Dawn kellhom jippreżentaw erba’ episodji importanti mill-ħajja tal-Qaddis Patrun. i) Fuq il-faċċata San Pietru qed jinħeles mill-ktajjen, ii) San Pietru jitlob l-ghajnuna ‘1 Ġesu meta naqsitu l-fidi u kien se jegħreq, iii) ix-xena tal-ħasil tar-riġlejn u, iv) l-għoti tas-setgħa minn Kristu lil Pietru bħala Kap tal-Knisja.

Il-bradella u l-bankun iżżanżnu fil-festa ta’ l-1984, għalkemm kienu għadhom mingħajr skultura. Fil-fatt l-iskultura tqiegħdet fil-post aktar tard, apparti l-iskultura ta’ l-erba’ kwadranti tan-nofs.

Għaddew għoxrin sena minn mindu ġie ppubblikat dan id-disinn u sal-lum il-kwadranti għadhom nieqsa minn dawk l-erba’ episodji msemmija.

Għall-bidu jidher li kien hemm problema biex jinstab skultur għalihom. Forsi kien hemm problema finanzjarja minħabba proġetti oħra li saru wara. Imma hi x’inhi r-raġuni, jibqa’ l-fatt li l-bankun għadu mhux lest.

Naħseb li hija x-xewqa ta’ ħafna, li d-disinn oriġinali ma twarrabx, biex forsi xi darba naraw din l-opra, li fuqha żżomm il-vara għażiża u maestuża ta’ San Pietru kompluta kif jixraq.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: