Skip to content

Analiżi ta’ l-Innu Popolari lil San Pietru Appostlu Missier il-Birżebbuġjani

 

‘Analiżi ta’ l-Innu Popolari lil San Pietru Appostlu Missier il-Birżebbuġjani.’
kitba ta’ Christopher Bonnici
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 2004.

 

stampa

caption

 

Fl-ewwel strofa bl-ewwel kelma “Dak”, ninnutaw li hemm biss bniedem wieħed li għandu setgħa jmexxi lil kulħadd (ġnus u slaten).  Mill-ewwel vers nindunaw, li dan il-qaddis għandu xi setgħa speċjali.  Fl-istess waqt juri l-umiltà li kien iħaddan dan il-qaddis.  Għalkemm hu mexxej tal-ġnus u s-slaten ma jinqediex bihom biex imexxi, imma biċ-ċkejknin u l-fqar.  Għalhekk, bħal Kristu, m’għandux xi saltna materjali, u la hu bħalu, bilfors li għandu x’jaqsam mal-persuna ta’ Kristu.  U min imexxi f’isem is-Saltna ta’ Kristu, jekk mhux il-Papa, kif fil-fatt kien l-Appostlu Missierna San Pietru?  Camilleri qed jagħmel referenza għall-iskrittura Mqaddsa, meta Sidna Ġesu Kristu qal lill-Appostli meta kellimhom fuq is-Saltna tas-Smewwiet:

 

Ħallu t-tfal iż-żgħar jiġu għandi, għax tagħhom u ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet (i).

 

Wara kollox, San Pietru kien ukoll sajjied, jiġifieri Kristu għażel bħala l-ewwel mexxej tal-Knisja lil sajjied, mhux xi bniedem edukat ħafna.  Imbagħad jasal għall-ewwel darba r-ritornell, li nitrattaw iktar tard.

It-tieni strofa turi s-sejħa ta’ San Pietru bħala Appostlu.  Skond l-Evanġelju ta’ San Mattew, Kristu qal lilu u lil ħuh Sant’ Andrija:

 

Ejjew warajja u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin.  U minnufih telqu x-xbiek u marru warajh (ii).

 

Fl-aħħar żewġ versi, Camilleri juri l-għaqal ta’ San Pietru meta fost it-tnax-il Appostlu kien hu li għaraf lil Kristu bħala Iben il-Mulej:

 

Imma intom min tgħidu li jien? staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: Int il-Messija, Bin Alla l-Ħaj (iii)

 

Ngħaddu mbagħad għat-tielet stanza.  Camilleri juri fatt ieħor importanti fil-ħajja ta’ San Pietru.  Il-fatt tat-Trasfigurazzjoni li ġara fuq il-Muntanja Tabor.  Quddiem Pietru, Ġakbu u Ġwanni, Kristu tbiddel u sar jiddi.  Hekk Camilleri juri li Kristu ried lil Pietru jgħaddi minn din l-esperjenza, biex jara lill-Imgħallem tiegħu jiddi fil-glorja tas-smewwiet.  Permezz ta’ din l-esperjenza, Dun Frans juri li San Pietru kompla jimla’ qalbu bit-tama fl-istess Ġesu, u dak li kien qallu li hu l-Iben ta’ Alla Ħaj, rah jiġri quddiem għajnejh, minħabba li nstema’ l-leħen jgħid:

 

Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu (iv).

 

Ir-raba’ strofa turi mument solenni fil-ħajja ta’ San Pietru.  Wara li kien diġa’ Kap tal-Knisja, meta ġie biex jiddefendi lil Kristu, għal tliet darbiet f’Jum il-Passjoni tiegħu, bħall-Appostli l-oħra minbarra San Ġwann, San Pietru beża’.  U wasal biex jiċħad għal tliet darbiet lill-Imgħallem tiegħu.  Imma Camilleri jgħid li għalkemm ġara dan, u l-Patrun tagħna:

 

ħareġ ‘il barra jibki biki ta’ qsim il-qalb (v).

 

Dun Frans bħal ikellem lil San Pietru u jgħidlu

 

Meta ċħadtu fit-tbatija,
Bkejt dnubietek f’wied ta’ dmugħ.

 

Camilleri juri li iva, id-dnub ta’ Pietru kien kbir, imma wkoll kienet kbira l-ħniena li waslet mingħand Kristu nnifsu.  Forsi għandna wkoll riferenza oħra għall-Iskrittura, meta fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, wara li Kristu Rxoxta, San Pietru hu mistoqsi għal tliet darbiet jekk iħobbx lil Kristu.  Mela wara li ċaħad għal tliet darbiet, ipatti għal tliet darbiet bil-konferma tiegħu (vi).  Mela, Kristu stess, għen lil San Pietru biex jindem mill-ġdid quddiem sħabu l-Appostli, għalkemm kien nidem bid-dmugħ tiegħu diġa’, imma minħabba li kien il-mexxej, ried jammetti l-iżball tiegħu quddiem l-Appostli u jkun “mill-ġdid merfugħ”.  Ir-riferenza lejn it-test Bibbliku ta’ San Mattew, terġa’ tidher.  Fil-ħames strofa, Camilleri juri lil San Pietru kif urieh Kristu nnifsu:

 

Lilek nagħtik l-Imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet.  Dak li tħoll fuq l-Art, ikun maħlul fis-Smewwiet, u dak li torbot fuq l-Art ikun marbut fis-Smewwiet (vii).

 

Minħabba dan kollu, Camilleri jsejjaħ lil San Pietru bħala l-maħfra tad-dnubiet. Fl-ewwel vers ta’ din il-kwartina, “Qabel tela’ lejn is-Sema”, turi differenza għal ħatra ta’ San Pietru bħala Kap tal-Knisja.  Kristu ma tax din is-setgħa lil San Pietru qabel tela’ s-Sema, imma qabel il-Passjoni, minħabba li fit-tliet Evanġelji, dak ta’ San Mattew, San Mark u San Luqa, il-ħatra ta’ Pietru hi aċċennata qabel il-Passjoni ta’ Kristu. (Ara Mattew, Kap. 16, Versi 13-20, Mark, Kap. 8, Versi 27 – 30, u Luqa, Kap. 9, Versi 18-21).

Tasal imbagħad l-aħħar strofa, li fiha, il-poeta jitlob lil Pietru, billi jsejjaħlu Mqaddes biex iżomm il-Knisja ħajja fuq il-pagani.  Jitlob biex iħares lill-insara kollha biex ma jaqgħux fid-dnub, u hekk miegħu iżommhom magħqudin.

 

Ir-ritornell u l-effett tiegħu

Ħlief fl-aħħar strofa, ir-ritornell, kull darba jikxef l-isem tal-qaddis min hu.  Dan minħabba li fl-aħħar strofa biss juri l-isem tal-qaddis.  Matul ir-ritornell, Camilleri jkellem direttament lil San Pietru u jgħidlu li lilu għażel.  Hekk, il-poeta jenfasizza li Pietru biss hu l-Mexxej Imqaddes, magħżul biex permezz tiegħu, il-Knisja ta’ Kristu titwaqqaf fl-art.  Imma dan mhux Pietru waħdu waqqaf il-Knisja.  Pietru waħdu kien inkapaċi jagħmel dan kollu, imma bl-għerf li tah Kristu u bis-setgħa li ġiet mis-sema, xandar lil Ġesu fl-ibliet.

Dan ir-ritornell, jorbot kull strofa ma’ oħra billi hemm x’hemm fl-istrofa, anke f’dik li tirrakkonta ċ-ċaħda tiegħu, xorta waħda, Kristu lil Pietru għażel biex permezz tiegħu iwaqqaf il-Knisja fl-art, u għalhekk, bis-saħħa tar-ritornell, il-poeta jenfasizza l-imħabba li kellu Kristu għal San Pietru, li ma stmerrx jagħżel lilu, għalkemm kien ċaħdu.  ħidlu “Tinsiex li lilek għażel biex il-Knisja twaqqaf fl-art”, mela kif għamilt dan kollu f’ħajtek, ibqa’ għamel dan magħna anke issa. Anke fl-aħħar strofa, wara t-talba biex miegħu iżommna magħqudin, Camilleri bħal qisu jrid jg

 

Riferenza għal xi episodji fil-ħajja ta’ San Pietru matul l-Innu

L-istatwa tirrappreżenta l-fatt li San Pietru nħeles mill-ktajjen tal-ħabs, u taħt saqajh insibu l-ktajjen (viii) kif ukoll l-isem tal-Parroċċa tagħna hu “San Pietru Appostlu fil-Ktajjen”, imma f’dan l-innu għalkemm insibu bosta riferenzi għall-ħajja tal-Patrun tagħna, kemm bħala l-Ewwel Papa, kemm fit-Trasfigurazzjoni, kemm bħala Appostlu, kif ukoll dak li ċaħad lil Kristu fil-Passjoni, imma riferenza għall-Atti ta’ l-Appostli, fejn insibu l-fatt ta’ l-arrest u l-ħelsien ta’ San Pietru mill-Anġlu, m’għandniex (ix). Lanqas ma nsibu riferenza għall-Martirju ta’ San Pietru li miet imsallab rasu ‘l isfel għall-imħabba ta’ Alla.

Nagħlaq dawn il-ħsibijiet billi nrodd ħàjr lil Dr. Charles Briffa li mexxieni matul dan ix-xogħol u nawgura l-Festa t-Tajba lill-ġenituri tiegħi, il-Kappillan u l-Kleru flimkien mal-Birżebbuġjani kburin li huma wlied San Pietru.

 

Magnvs Sanctvs Petrvs

 

Referenzi

  1. Evanġelju skond San Luqa; Kapitlu 18, Vers 16.
  2. Evanġelju skond San Mark; Kapitlu 1, Versi 17 u 18.
  3. Evnaġelju skond San Mattew; Kapitlu 16, Versi 15 u 16.
  4. ibid.; Kapitlu 17, Vers 5.
  5. ibid.; Kapitlu 26, Vers 75.
  6. Evanġelju skond San Ġwann; Kapitlu 21, Versi 15 sa 17.
  7. Evanġelju skond San Mattew; Kapitlu 16, Vers 19.
  8. Joseph Grech, Vari ta’ Malta u Għawdex, (PEG, Malta, 1998), p. 25.
  9. Atti ta’ l-Appostli, Kapitlu 12, Versi 6 sa 11.
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: