Skip to content

IL-FESTA

 

‘Birżebbuġa u l-Festa Tagħha Matul is-Snin’
Kitba ta’ Conrad D’Amato
Feature mill-‘Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa’, f’Jum Birżebbuga 7-9-2008


Part 1 of 2

 

Part 2 of 2

 

L-element festiv f’Birżebbuġa ra l-bidu tiegħu lejn nofs is-seklu dsatax meta f’dak iż-żmien fid-diversi kappelli li konna nsibu mxerrdin madwar dan ir-raħal kienu jiġu ċċelebrati l-festi tagħhom.  Dawn il-festi kienu jiġu ċċelebrati fuq skala żgħira kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra.  Hekk pereżempju nsibu l-festa ta’ San Ġużepp li kienet tiġi ċċelebrata fir-raba Ħadd ta’ Lulju u l-festa tal-Madonna Għajnuna tal-Insara li kienet tiġi ċċelebrata fix-xahar ta’ Mejju.  Dawn iż-żewġ festi esterni kienu jiġu ċċelebrati fil-Bajja ta’ San Ġorġ u din il-bajja flimkien mat-toroq żgħar tal-madwar kienu jkunu armati b’diversi armar li kien popolari f’dawk iż-żminijiet bikrija.  Festi oħra kienu l-festa tas-Sagra Familja fil-kappella tagħha li tinsab fi triq iż-Żurrieq, il-festa ta’ Sant Anġlu f’Ħal Far u fl-aħħar il-festa tal-Kunċizzjoni f’Bengħajsa, festa li hija l-unika tifkira li fadal ta’ dawn il-festi filjali li għadha tiġi ċċelebrata sal-lum kull 8 ta’ Diċembru.  Barra minn hekk tajjeb li nsemmu li peress li lejn l-aħħar tas-seklu dsatax Birżebbuġa kienet saret post popolari għall-villeġjatura, fil-Bajjiet tagħha kienu jsiru diversi fieri li kienu jkunu organizzati minn diversi baned bħala mezz ta’ rikreazzjoni għall-membri tagħhom.  Il-poplu kien jallegra ruħu jisma’ lill-banda ddoqq diversi valzi u marċi oħrajn li f’dak iż-żmien kienu jkunu magħrufa bħala Venezjani.

Pero’ ġara li mas-sebħ tas-seklu għoxrin, il-popolazzjoni bdiet tikber u allura bdiet tinħass il-ħtieġa li f’dan il-raħal ikun hawn knisja ikbar sabiex tkun tista’ taqdi aħjar il-ħtiġijiet spiritwali tal-poplu li f’dak iż-żmien kien jammonta għal madwar 657 ruħ, li kienu mxerdin f’madwar 132 dar.  Din il-knisja ddedikata lil Marija Addolorata nbniet bit-tħabrik ta’ Dun Spiridione Penza li kien saċerdot Bormliż villeġjant f’Birżebbuġa u nfetħet nhar l-14 ta’ Awwissu tal-1907.  Maż-żmien din il-knisja għamlet avvanzi kbar fejn fost l-oħrajn naraw li nhar is-17 ta’ Awwissu tal-1910, il-poplu fqajjar ta’ Birżebbuġa laqa’ bil-ferħ il-miġja tal-vara titulari tad-Duluri li kienet rigal mogħti mill-Kanonku Dun Achille Refalo.  Il-miġja ta’ din il-vara qanqlet entużjażmu kbir u għalhekk kull tielet Ħadd ta’ Settembru kienet bdiet tigi ċċelebrata l-festa titulari kemm fil-knisja kif ukoll fil-Bajja s-Sabiħa.  Il-knisja minn ġewwa kienet tkun armata kif jixraq b’diversi armar bħal damask, ventartali u l-apparat kollu li kien meħtieġ għal fuq l-artal.  Il-funzjonijiet fil-knisja kienu jsiru b’devozzjoni kbira fejn kienu jinġiebu fost l-aqwa predikaturi li konna nsibu f’dawk iż-żminijiet.  Dawn il-funzjonijiet kienu jkunu akkumpanjati mil-orkesra ‘San Andrea’ ta’ Ħal-Luqa.  Filgħaxija l-faċċata tal-knisja kienet tkun mixgħula b’għadd kbir ta’ tazzi taż-żejt għall-illuminazzjoni.  It-toroq ta’ madwar il-kappella u x-xatt tal-Bajja s-Sabiħa kienu jintramaw b’diversi pavaljuni, bnadar u liedna tal-ħaxix.  In-nar u l-baned qatt ma naqsu u f’dak iż-żmien kienet tiġi ddoqq il-Banda Unjoni ta’ Ħal Luqa li kienet takkumpanja l-purċisjoni bl-istatwa titulari tad-Duluri.  Dan kollu kien jiġi organizzat minn grupp ta’ nies li kienu mmexxijin minn Agostino Borg, li kien il-prokuratur tal-festa.  Dan il-progress kollu wassal lil Birżebbuġa għall-iktar ġurnata importanti tagħha, dik tad-9 ta’ Settembru tal-1913 meta dakinhar l-Isqof Pietru Pace għolla lill-knisja ċkejkna tad-Duluri għad-dinjita’ ta’ parroċċa awtonoma u indipendenti u ħatar lill-Kanonku Dun Karm Bugelli bħala l-ewwel kappillan tagħha.  Insibu li fl-ewwel snin tal-parrokkat tal-kappillan Dun Anġ Fenech din il-festa kompliet tikber fejn naraw li nhar il-festa fil-Bajja s-Sabiħa bdew jiġu organizzati il-ġostra, tiġrijiet ta’ l-għawm u tiġrijiet tad-dgħajjes tal-qlugħ.

Pero’ ġara li l-popolazzjoni kompliet dejjem tikber u għalhekk inħasset il-ħtieġa li tinbena knisja ikbar peress li l-knisja ta-Duluri kienet saret wisq żgħira.  Għalhekk nhar id-29 ta’ Awwissu tal-1926 l-Isqof Mauro Caruana qiegħed b’mod solenni l-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali ddedikata lil San Pietru.  Pero’ nistħajjel lil xi wħud li jsaqsu …  “Kif il-knisja l-ġdida ġiet iddedikata lil San Pietru meta l-parroċċa kienet iddedikata lil Marija Addolorata?”  Kienet ix-xewqa personali ta’ l-Isqof Mauro Caruana li l-knisja l-ġdida tkun iddedikata lil San Pietru peress li f’Malta ma kienx hawn parroċċa ddedikata lil dan il-qaddis, il-prinċep tal-appostli.  Pero’ ġara li r-reazzjoni tal-parruċċani għall-bdil fit-titular mill-Madonna għal San Pietru ma kinitx waħda posittiva pero’ minkejja kollox il-bini tal-knisja tkompla.  F’Settembru tal-1936 ġiet iċċelebrata għall-aħħar darba l-festa titulari tad-Duluri, u nhar is-16 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara ġie trasportat is-Sagramet mil-knisja l-antika għall-knisja l-ġdida fejn dakinhar inbidel it-titular tal-parroċċa fejn issa ġiet iddedikata lil San Pietru.  Kien ġie magħżul l-ewwel Ħadd ta’ Awwissu sabiex fih tibda tiġi ċċelebrata l-festa peress li nhar l-ewwel t’Awwissu l-Knisja Kattolika kienet tiċċelebra l-festa ta’ San Pietru fil-Ktajjen.  Għall-bidu l-festa kienet waħda żgħira ħafna.  Il-knisja kienet għadha qed tinbena u għalhekk ma kinetx tippermetti li jsiru ċelebrazzjonijiet kbar.  Vara titulari ma kienx hemm u għalhekk il-purcisjoni kienet issir bir-relikwa.  Fuq barra l-festa kienet waħda żgħira minħabba n-nuqqas ta’ entużjażmu li kellhom il-parruċċani wara l-bdil fit-titular.  Pero’ biż-żmien l-affarijiet bdew jirranġaw u l-festa ta’ San Pietru ħadet ir-ruħ meta fl-1947 ċertu Carmelo Axiaq (minn tas-Seqra) wera x-xewqa li jħallas għal vara titulari.  Din l-istatwa ta’ l-injam inħadmet Ruma u waslet Birżebbuġa nhar id-29 ta’ Diċembru tal-1947 fejn kienet akkumpanjata minn għadd ta’ parruċċani mil-Bajja ta’ San Ġorġ sal-knisja fost id-daqq tal-marċi mill-Banda Santa Katerina taż-Żurrieq.  Din il-ġrajja nistgħu inqisuha bħala l-muftieħ li wassal sabiex il-festa titulari ta’ San Pietru bdiet tikber minn sena ghal sena.  Il-festa Interna bdiet tikber ukoll fejn f’dak iż-żmien l-orkesta kienet tkun immexxija minn Mro. Giuseppe Gonzi fejn fost l-oħrajn kienet tindaqq l-antifona miktuba mill-magħruf kompożitur Mro. Lorenzo Gonzi.  Iktar tard fiż-żmien tul il-parrokat tal-kappillan Dun Mikiel Spiteri, il-mużika fil-knisja kienet immexxija minn Mro. Francesco Diacono fejn fost l-oħrajn kienet tispikka l-antifona “Solve” miktuba minn missieru Mro. Carlo Diacono.  Fuq barra l-festa bdiet tikber ukoll tant li beda jiżdied l-armar fit-toroq, in-nar u anke is-sehem tal-baned li f’dak iż-żmien kienu kollha barranin.  Fl-1954 diversi żgħażagħ imħeġġin minn Mro. Oscar Borg bdew l-ewwel movumenti sabiex f’Birżebbuġa wkoll ikun hawn Banda bil-għan li tkabbar il-festa bis-sehem tagħha.  It-twaqqif uffiċjali tagħha sar fl-1957, bl-ewwel isem tagħha jkun ‘St Peter’s Philarmonic Band’ (illum Banda San Pietru fil-Katjjen).  L-ewwel dehra pubblika tagħha saret nhar il-Ħadd 25 ta’ Awwissu tal-1957 meta dakinhar il-Banda għamlet marċ u wara programm taħt id-direzzjoni ta’ l-ewwel surmast tagħha il-Professur Carmelo Żammit fejn dakinhar ġiet imbierka mill-kappillan Dun Ġużepp Minuti.

L-1959 kienet sena importanti għal Birżebbuġa għaliex proprju f’dik is-sena il-poplu laqa’ bil-ferħ il-miġja tal-vara titulari ġdida, xogħol mill-isbaħ fl-injam minqux mill-iskultur Fredinand Stufflesser.  Il-miġja ta’ din il-vara kompla qajjem l-entużjażmu, u nhar il-Ħadd 2 ta’ Awwissu tal-1959 saret l-ewwel purċissjoni biha fejn hekk kif feġġet għall-ewwel darba fil-bieb tal-knisja, il-Banda San Pietru daqqet l-innu ‘Omaggio a San Pietro’ li kien ġie miktub għal din l-okkażjoni mis-surmast tal-istess soċjeta’, il-Profs. Carmelo Żammit.  Maż-żmien din il-vara sarulha diversi xogħlijiet fejn fost l-oħrajn tajjeb insemmu l-induratura li saret fl-1974.  Għal din l-okkażjoni, il-vara tiutulari kienet inġarret fuq lanċa mill-Bajja ta’ Marsaxlokk sal-Bajja s-Sabiħa fejn wara kienet ġiet akkumpanjata mil-Banda San Pietru fost id-daqq ta’ marci brijużi.  Kien minn din il-ġrajja storika li mill-1979 bdiet tiġi organizzata dimostrazzjoni bl-istatwa fuq il-baħar mill-Bajja ta’ San Ġorg sal-Bajja s-Sabiħa fl-aħħar jum tat-tridu, appuntament li Birżebbuga hi ferm magħrufa għalih ta’ kull sena.

Il-festa esterna kompliet kibret fi żmien il-kappillan Dun Karm Frendo fejn dan il-kappillan żagħżugħ beda jħeġġeġ sabiex kull triq tagħmel is-sett tal-pavaljuni tagħha, bdew jintramaw il-gallarijiet b’diversi pavaljuni u anke kien beda jsir il-marċ ta’ filgħodu mil-Banda San Pietru.  Tul is-snin 80 id-dilettanti tan-nar li kienu ilhom jippreparaw għan-nar tal-festa għal diversi snin kienu ingħaqdu f’għaqda u bdew jorganizzaw in-nar għall-festa.  F’dak iż-żmien, in-nar barra li kien jinħaraq minn ġo għalqa f’Borġ in-Nadur, kien beda jinħaraq ukoll minn fuq barkun li kien ikun ankrat f’nofs il-Bajja s-Sabiħa.

Fl-ewwel ġranet tas-sena 1990 twaqqfet it-tieni soċjeta’ mużikali f’Birżebbuġa bl-isem ta’ ‘Banda Birżebbuġa’.  L-ewwel dehra pubblika tagħha saret nhar il-Ħamis 2 ta’ Awwissu fejn dakinhar għamlet marċ li fi tmiemu ġiet imbierka mill-kappillan Dun Ġużepp Farrugia fuq iz-zuntier tal-knisja.

Illum il-ġurnata l-poplu ta’ Birżebbuġa jistenna l-ewwel Ħadd t’Awwissu sabiex bil-mod popolari tiegħu jiċċelebra din il-festa tant għażiża.  Fil-knisja hekk kif ifeġġ it-tużell artistiku fuq l-artal maġġur u bil-mod il-mod jibda jidher id-damask ħamrani mal-ħitan u l-kolonni tagħha, id-dilettanti kollha jkunu għaddejjin bl-aħħar preparamenti sabiex il-festa ta’ dik is-sena tkun aħjar minn dik ta’ qabilha.  Ir-raħal jintrama b’diversi settijiet ta’ pavaljuni u bandalori, u l-każini tal-baned jaħsdu x-xogħol kollu li jkunu għamlu matul is-sena proprju f’din il-ġimgħa tant sabiħa.  Il-qofol tal-festa hi l-purċissjoni bl-istatwa artistika ta’ San Pietru, u la semmejna l-purċissjoni rridu nsemmu wkoll li din il-festa hi magħrufa wkoll għall-ammont kbir ta’ nies li jżuru dan ir-raħal u jimlew kull rokna tal-pjazza kbira waqt il-ħruġ u d-dħul tagħha.  Il-festa titulari tagħna hi wirt li ħallewlna missirijietna.  Għalhekk jeħtieġ li lkoll flimkien nagħtu s-sehem tagħna sabiex insaħħu dak kollu li hu tajjeb u fl-istess ħin inwarrbu u nirranġaw dak kollu li tul is-snin b’xi mod setgħa żvijja xi ftit mill-għan aħħari li għalih missirijietna bdew jorganizzaw il-festi f’raħalna ‘l fuq minn 150 sena ilu.

Paċi u Saħħa lil Kulħadd.

 

Dan il-feature ġie mtella’ mill-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuga A.D. 1993 b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali Birżebbuġa.  L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa A.D. 1993 jibagħtu r-ringrazzjament tagħhom lill-Kunsill tal-ispazju li ta’ kull sena joffrilhom biex jintwera dan il-feature multiviżiv.  Dan il-feature bit-titlu ”Birżebbuġa u l-Festa Tagħha Matul is-Snin“, intwera fil-pubbliku għall-ewwel darba nhar il-Ħadd 7 ta’ Settembru 2008, fit-Teatru l-Grieg li hemm fil-Bajja s-Sabiħa, f’serata imtellgħa annwalment mill-Kunsill Lokali, fl-okkażjoni ta’ ‘Jum Birżebbuġa’.  Dan il-feature imtella’ mill-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, għandu kitba ta’ Conrad D’Amato; narrazzjoni ta’ Anton Falzon; muntaġġ ta’ Emanuel Francalanza; riċerka ta’ Conrad D’Amato, Michael Balzia u Arthur Grima u għandu direzzjoni ta’ Arthur Grima.

 

 

Artikli f’din is-Sezzjoni: 

  • Biografija Dun Frans Camilleri
  • Ritratt mill-Imghoddi (Triq San Andrea)
  • Baned fi zjara u dik tal-lokal (Banda S.Pietru 1957)
  • Appuntament mal-istorja: Il-Marc ta’ filghodu u l-marc tal-vara fuq il-bahar.
  • Analizi ta’ l-Innu Popolari lil San Pietru Appostlu Missier il-Birżebbuġjani.
  • Curriculum Vitae ta’ Mro. Carmelo Pace
  • Is-Sunetti tal-festi
  • Dun Frans Camilleri
  • Mro. Carmelo Pace (1906 – 1993): Il-Kompozitur ta’ l-Innu Popolari ‘Lil San Pietru’
  • Il-Parrocci Maltin u l-festi
  • Id-Daqq tal-Qniepen fil-Festa Titulari ta’ San Pietru Appostlu Birżebbuġa.
  • Il-Kuluri tal-Festa Taghna
3 Comments leave one →
  1. gann b permalink
    August 3, 2012 2:29 pm

    ghandkom ir-ritratti tal-armar pls?

  2. Angelo Pickard permalink
    October 24, 2013 7:38 am

    Prosit ta din is-site. Informattiva hafna, keep it up

    Nixtieq nghaddi kumment ghax fittix il-kliem (lyrics) ta l-innu popolari ta’ San Pietru pero ma rnexxilix insibu. Tistghu izziduh pls jekk mhux diga jezisti f’din is-site.

    Thanks

Leave a reply to Angelo Pickard Cancel reply

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni.wordpress.com/

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.