Skip to content

L-użu ta’ l-antifoni fil-Liturġija

 

 

 

L-użu ta’ l-antifoni fil-Liturġija
kitba ta’ Christ Bonnici
(Lulju/Awwissu 2007)

 

Il-kelma Griega “antiphonon”, għandha bosta tifsiriet li kollha joqorbu lejn “kant alternat”. Fil-Latin, il-kelma saret “antiphona” u fil-Franċiż, “antienne”.[1]  Il-Malti ġibed il-linja latina u beda jirreferi għaliha bħala “antifona”. Min jaħseb li l-antifona hi biss dak l-innu sabiħ, li fil-maġġoranza tal-festi Maltin nisimgħuh bil-Latin u orkestrat, u li jitkanta fit-tridu, lejlet u nhar il-festa, ikun qed jaħseb ħażin.

 

X’inhi antifona?
L-antifona tikkonsisti f’vers jew iktar li jistgħu jkunu meħuda minn salm jew silta mill-Iskrittura Mqaddsa li jinagħdu jew jitkantaw qabel u wara kull salm u l-Magnificat, matul it-talb ta’ filgħodu (Matutin) u t-talb ta’ filgħaxija (Vespri).[2]  Kull żmien liturġiku għandu marbut miegħu dan it-talb li jingħad mis-saċerdoti, madankollu f’okkażżjonijiet speċjali minflok jingħad biss mill-membri tal-kleru, jingħad b’mod solenni, bil-kleru jilbes il-kapep, u flimkien mal-kongregazzjoni jingħad dan it-talb. Minbarra l-festi titulari u oħrajn, dan it-talb, għadu jitkanta f’bosta parroċċi f’okkażżjonijiet differenti bħall-Ġimgħa l-Kbira, il-Matutin qabel il-funzjoni ta’ nofs il-lejl fil-Milied Imqaddes, fl-Ottava tal-Milied, Corpus Christi u l-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, il-Kwaranturi, l-anniversarju tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja, eċċ… 

 

Eżempji ta’ uħud mill-antifoni:

Glória tibi, Trínitas æquális, una Déitas, et ante ómnia sæcula, et nunc et in perpétuum.
(Glorja lilek Trinità, Alla wieħed indaqs, kif kont sa mill-bidu tal-ħolqien, issa u tibqa’ għal dejjem).[3]

Sacérdos in ætérnum Christus Dóminus secúndum órdinem Melchísedech, panem et vinum obtulit.
(Is-saċerdot ta’ dejjem, Kristu l-Mulej, bħal Melkisedek offra ħobż u nbid).[4]

Minħabba restrizzjoni ta’ spazju, tajt biss żewġ antifoni liturġiċi, li ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ festi parrokkjali, imma huma meħuda mill-għasar tas-Solennitajiet tat-Trinità Qaddisa u Corpus Christi. Fil-każ tal-festa tagħna, dawn huma uħud mill-antifoni li jintużaw. Minkejja li qed inġibhom ukoll bil-Latin, minħabba li fil-parroċċa tagħna dawn jitkantaw bil-Malti, forsi uħud mill-qarrejja ser jarawhom għall-ewwel darba!

Herodes rex appósuit ut apprehénderet et Petrum ; quem, cum apprehendísset, misit in cárcerem, volens post Pascha producere eum pópulo.
(Is-Sultan Erodi qatagħha li jaqbad lil Pietru ukoll; meta arrestah tefgħu l-ħabs bil-ħsieb li wara l-Għid iressqu quddiem il-poplu)

Petrus quidem servabátur in cárcere ; orátio autem fiébat sine intermissióne ab Ecclésia ad Deum pro eo.
(Pietru, mela, kien arrestat fil-ħabs; u fl-istess ħin, il-Knisja kienet qed titlob ‘l Alla għalih bil-ħeġġa)

Misit Dóminus * Angelum suum, et liberávit me de manu Herodis, allelúja.
(il-Mulej bagħat l-Anġlu tiegħu, u ħelisni minn id Erodi, hallelujah)

Tu es Petrus, * et super hanc petram ædificábo Ecclésiam meam.
(Inti Pietru, u fuq din il-blata nibni l-knisja tiegħi) [5]

L-antifona tagħti ċ-ċavetta biex jinftiehem is-sens liturġiku u mistiku tas-salm li jkun ser jitkanta jew jingħad, naturalment skond it-tifkira li tkun qed tiġi iċċelebrata f’dak il-jum. Barra milli fit-talb ta’ filgħodu u filgħaxija, b’tifsira usa, fi żminijiet aktar antiki, il-kelma antifona bdiet tintuża anke fl-Introjtu, fl-Offertorju u fit-Tqarbin tal-Quddiesa.

Il-melodiji użati għal dawn l-antifoni, ġeneralment ikunu sempliċi fil-melodiji tagħhom, ġieli ta’ tnejn jew tliet noti. Tajjeb li nirrimarkaw li għas-salmi hemm numru ta’ melodiji li jistgħu jintużaw, madwar 47, b’waħda bi ftit tibdil minn oħra, li isservi biex takkomoda l-vers poetiku ħieles li fuqhom huma miktuba bosta mis-salmi.

Minkejja li l-użu ta’ ċerti innijiet kien ristrett biss bħala antifona, partikolarment dawk tal-Madonna, il-Papa Gregorju IX, fis-sena 1239, kien ordna li dawn jibdew jitkantaw b’mod awtonomu, dejjem skond il-festa li tkun qed tiġi iċċelebrata. Fost l-eżempji, f’manuskritt tas-Seklu 13, instab li “Alma Redemptoris Mater” u “Salve Regina” huma parti mill-Uffiċċju tal-Qari tas-Solennità ta’ Marija Annunzjata (25 ta’ Marzu). Fl-istess waqt, f’manuskritt li nstab f’Pariġi fis-Seklu 12, instab li “Alma Redemptoris Mater” u “Ave Regina Caelorum” huma parti mill-Uffiċċju tal-Qari tas-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna (15 ta’ Awissu), filwaqt li skond antifonarju tat-Tnax-il Seklu fil-Vatikan, “Regina Coeli” sar parti mill-Uffiċċju tal-Qari ta’ l-Ottava tal-Għid il-Kbir.[6]

Sa issa, dak kollu li tkellimna dwaru, hu mibni kollu fuq il-Kant Gregorjan, u l-antifoni-innijiet li għadhom kif issemmew bħala eżempju, minħabba li kienu intenzjonati li jitkantaw mill-kongregazzjoni, huma uħud mill-isbaħ li jinstabu fil-Kant Gregorjan, u għalhekk, aktar mill-antifoni li jitkantaw fil-bidu u fit-tmiem ta’ kull salm, li f’diversi okkażżjonijiet baqgħu jitkantaw b’mod Gregorjan sempliċi, dawn l-antifoni-innijiet sarulhom arranġamenti polifoniċi biex jitkantaw aktar mill-kongregazzjoni preżenti. Hu opportun li nirreferu għal Gradual Tu Es Petrus, kant polifoniku mill-isbaħ, a cappella tal-kompożitur Palestrina,[7] liema Gradual għadu jindaqq sal-lum qabel l-Evanġelju tal-Quddiesa l-Kbira, fin-Nadur Għawdex (29 ta’ Ġunju), għall-mużika ta’ Camilleri.

 

U f’pajjiżna…

Minbarra li antifoni differenti jitkantaw waqt il-Matutin u l-Vespri, l-antifona prinċipali tal-festa, tkun dik li titkanta qabel u wara l-Magnificat tal-Primi jew is-Sekondi Vespri. Din l-antifona, tintuża bosta drabi, fosthom qabel tingħata l-Barka Sagramentali fil-jiem tat-Tridu, kif it-Translazzjoni bir-Relikwija tidħol fil-Knisja, fi tmiem il-Quddiesa Solenni, u l-aktar mument li tkun mistennija, hekk kif il-vara titulari tixref lura fil-bieb tal-knisja wara l-purċissjoni.[8]  Bla dubju ta’ xejn, f’dan il-mument, toħroġ l-importanza li għad għandha l-antifona fil-festi tagħna. Mhux l-ewwel darba kont f’xi parroċċi u jaqbiżli d-dmugħ! Tara lill-parruċċani kollha jkantaw flimkien, f’għaqda sħiħa, il-kliem bil-Latin ta’ dik l-antifona. Nibqa’ b’ħalqi miftuħ għax meta nara l-popolarità tal-kant bil-Latin, u kemm għadu ħaj is-sinjifikat ta’ l-antifona fil-festi tagħna, ma nistax ma nixxennaqx!

Maestro di Cappella, jiġifieri d-direttur mużikali li jidderieġi l-mużika fil-knisja, kien mistenni li biex jogħġob lill-parruċċani li jimpjegawh biex jidderieġi l-mużika festiva fil-parroċċa tagħhom, kellu jiktbilhom “antifona sabiħa”. Permezz tagħha, jekk togħġobhom, kienu jibqgħu leali lejh, u jibqgħu jimpjegawh sena wara l-oħra. F’“antifona sabiħa”, il-parruċċani kienu jfittxu mużika robusta, kemm jista’ jkun allegra u melodjuża, naturalment sakemm kien jippermetti l-Motu Proprio; insomma… fi frażi sempliċi, silta mużikali b’impatt immeddjat u li jibqa’ fil-qalb u f’moħħ il-parruċċani.[9]

Fost l-isbaħ antifoni li wieħed jiltaqa’ magħhom matul is-sena festiva, nistgħu nirreferu għal
 

Lokalita`

Qaddis

Antifona

 

 

 

Birgu

San Lawrenz

Levita Laurentius

Bormla

Immakulata

Hodie Egressa Est

Furjana

San Publiju

O Melitae Digna Proles

Isla

M.Bambina

Gloriosae Virginis Mariae

Rabat/Kalkara

San Ġużepp

Josef Filii David

Ħal Lija

Salvatur

Surgite

Ħal Luqa

Sabt’Andrija

Cum Pervenisset

Kristu Re, Raħal Ġdid

Kristu Re

Habet in Vestimento

Marsaxlokk

Madonna ta’ Pompej

Beata Mater

Ħal Qormi

San Ġorġ

Fundatus

Rabat (Għawdex)

San Ġorġ

Beatus Georgius

Valletta/Rabat

San Pawl

Sanctae Paule Apostole

Siġġiewi

San Nikola

Ego Sum

Ħal Tarxien

Lunzjata

Gabriel Angelus

Valletta/Birgu

San Duminku

Pie Pater

Ħaż-Żebbuġ

San Filep

In Sepulchrum /
Hodie Philippus

Żejtun/Żurrieq

Santa Katerina

Prudens et Vigilans

Valletta/Żurrieq

Tal-Karmnu

Flos Carmeli

Nadur

San Pietru u San Pawl

Petrus Apostolus

 u l-aktar viċin tal-Patrun tagħna, Petrus Apostolus tan-Nadur.

Fi tmiem din ir-riċerka ċkejkna li għamilt dwar parti ċkejkna minn dan il-passatemp tiegħi – il-mużika tal-festi interni fil-festi Maltin, nixtieq li nawgura l-festa t-tajba lill-Birżebbuġjani kollha, huma min huma, huma fejn huma. J’Alla l-Appostlu Missierna San Pietru verament ma jdumx ma jieħu dak kollu li jixraqlu anke f’dawk li jirrigwardaw festi interni, għax minkejja li sar avvanz, fil-fehma tiegħi, ma nistgħux ngħidu li l-Patrun tagħna qed jingħata dak kollu li jixraqlu.

 

PASTOR OVIUM PRINCEPS APOSTOLORUM
ORA PRO NOBIS
VIVA L-APPOSTLU MISSIERNA SAN PIETRU!!
 


[1]  http://www.newadvent.org/cathen/01575b.htm

[2]  ibid

[3]  http://www.breviary.net/propseason/trinitytide/propseasonpent01.htm

[4]  http://www.breviary.net/propseason/trinitytide/propseasonpent015.htm

[5]  http://www.breviary.net/propsaints/propsaints08/propsaints0801.htm

[6]  http://www.newadvent.org/cathen/01575b.htm

[7]  ktejjeb li jinsab mas-CD ta’ kant Gregorjan mill-Iskola Gregorjana Vatikana ta’ Cambridge, Tv Es Petrvs, p. 50/51

[8]  ktejjeb li jinsab mas-CD ta’ l-Antifoni komposti mill-kompożitur Carlo Diacono, p. 3/4

[9]  ibid.; p. 4

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: