Skip to content

L-Għasar x’ikun?

 

L-Għasar x’ikun?

stampa

 
Introduzzjoni

L-Għasar hija t-talba ta’ filgħaxija, it-talba uffiċjali tal-Knisja għal filgħaxija.  L-Għasar jew il-vespri hija t-talba ta’ filgħaxija.  Għaliex mela jeżistu xi talb ieħor ta’ filgħodu u ħinijiet oħra?  Iva hekk hu.  Il-knisja għandha talb speċifiku għall-ħinijiet differenti tal-ġurnata, u mhux hekk biss imma jekk dik il-ġurnata taħbat il-ġurnata speċjali ta’ xi qaddis jew festa importanti tal-knisja, il-knisja għandha t-talb tal-ġurnata speċifikament għal dik l-okkażjoni.  Fil-festi tagħna fl-antik kien isir ħafna minn dan it-talb b’mod solenni fuq l-artali tal-knejjes: bil-kant, bl-orkestra u vuċijiet.  Illum mit-talb kollu li kien isir ma fadal xejn ħlief il-vespri jew l-għasar, it-talba ta’ filgħaxija.  Qabel ma taraw kif suppost isiru l-Ewwel u t-Tieni Għasar għall-festa ta’ San Pietru fil-Ktajjen f’Birżebbuġa, nixtiequ nagħtukom tagħrif dwar din iċ-ċerimonja.  L-ewwal ħaġa li rridu nifhmu hija li Għasar mhuwiex quddiesa imma hija ċerimonja apparti, ċerimonja mimlija talb u kant fejn jingħata ġieħ lil Alla u tingħata venerazzjoni lill-qaddis li għalih tkun qiegħda tiġi ċċelebrata l-festa. Għalkemm aħna ċerti li ħafna minn dawk li jattendu l-Għasar jattendu wkoll il-quddies, tajjeb li nisħqu li la darba l-Għasar mhuwiex quddies, importanti ħafna mela li fil-festa barra l-Għasar nattendu wkoll għall-quddies.  Imma nerġgħu mmorru lura għall-Għasar.  B’kollox fil-festa jsiru żewġ Għosrien prinċipali: l-Ewwel Għasar u t-Tieni Għasar f’Lejlet u f’Nhar il-festa rispettivament.  Fil-ġranet tat-tridijiet ukoll isiru xi forma ta’ għosrien imma dawn ikunu ta’ natura ħafifa u ġieli biex jagħmlu distinzjoni bejn dawn u l-Għosrien prinċipali ta’ Lejlet u Nhar il-festa hawn min jiddeskrivi l-Għasar tat-Tridu bħala ‘Għasar votiv’.

 
L-Għasar u l-Ktieb tal-Brevjarju Ruman

Biex nifhmu x’ikun Għasar irridu l-ewwel nifhmu li l-knisja għandha żewġ kotba importanti, il-Missal Ruman li fuqu jkun hemm miktub liema qari għandu jsir fil-quddies u ktieb ieħor li jgħidulu Brevjarju Ruman.  Filwaqt li l-quddiesa ssir minn fuq il-Missal, l-għosrien isiru minn fuq il-Brevjarju Ruman.  Imma l-Brevjarju x’ikun?  Sa mill-qedem il-knisja għamlet ktieb apposta biex min ikun irid jitlob matul il-ġurnata ikun jista’ jagħmel dan minn fuq il-Brevjarju.  Fi ftit kliem il-Brevjarju Ruman huwa l-ktieb uffiċjali li minnu jista’ jsir it-talb kollu tal-ġurnata.  Kull ġurnata tinqasam f’diversi ħinijiet, pero’ l-aktar importanti huma t-talba ta’ filgħodu magħrufa bħala Lawdi u t-talba ta’ filgħaxija magħrufa bħala l-Vespri.  Din il-kelma li għadni kif użajt issa ‘Vespri’ żgur li smajtuha x’imkien.  Filfatt il-Vespri, jiġifieri t-talba ta’ filgħaxija, mhijiex ħlief l-Għasar li jsir fil-festa.  Vespri u Għasar huma l-istess ħaġa.  Dan ifisser li meta fil-knisja jsir l-Għasar tkun qiegħda sempliċiment issir it-talba ta’ filgħaxija mill-brevjarju.  Bħalma għidtilkom diġa` għal kull festa jeżistu 2 għosrien prinċipali: l-Ewwel Għasar u t-Tieni Għasar.  L-Ewwel Għasar isir dejjem Lejlet il-Festa wara t-Translazzjoni, filwaqt li t-Tieni Għasar isir f’Nhar il-Festa qabel ma toħroġ il-purċissjoni.  l-Ewwel Għasar huwa aktar importanti mit-Tieni Għasar.

 
Il-Festi u l-Vespri (Għosrien)

Dan ifisser li fil-festa Titulari aħna l-Maltin u Għawdxin għandna drawwa li l-Vespri, jiġifieri t-talba ta’ filgħaxija minflok issir fil-privat kif suppost issir mis-saċerdoti kollha kuljum, din tingħad fil-pubbliku, fuq l-artal tal-knisja biex in-nies ta’ dak ir-raħal ikollhom għal ta’ l-inqas iċ-ċans darba f’sena li jfaħħru ‘l qaddis tagħhom bl-istess Vespri li jkun miktub għalih.  Naturalment fejn is-soltu l-Vespri jsir biss bil-qari jew forsi l-iktar b’xi orgni jew kant Gregorjan, fil-ġurnata tal-festa tal-qaddis, dan isir il-knisja u b’solennita` kbira bis-saħħa ta’ daqq u kant polifoniku mill-aktar rikk.  Importanti ngħidu li t-talb isir dejjem lil Alla u l-qaddisin jissemmew biss b’venerazzjoni.  Pereżempju jekk wieħed jiftaħ il-Brevjarju Ruman u jfittex it-talb kollu ta’ matul il-ġurnata tat-22 ta’ Frar jinnota li fit-talb kollu ta’ dik il-ġurnata jissemma San Pietru għax f’dik il-ġurnata nkunu qed niċċelebraw il-festa tal-Katedra ta’ San Pietru.  Mela tajjeb nerġgħu nirrepetu li l-festi li niċċelebraw fil-knisja speċjalmet dik li tolqot il-liturġija tas-sigħat, fuq ġewwa, jiġifieri l-festi interni, huma bbażati fuq il-Brevjarju.

 
Lejlet il-Festa u l-Ewwel Għasar (L-Ewwel Vespri)

Punt ieħor importanti li rridu nifhmu huwa li l-Knisja tibda tiċċelebra l-festa ta’ qaddis partikulari minn ġurnata qabel.  Pereżempju, il-festa tal-Katedra ta’ San Pietru għalkemm issir fit-22 ta’ Frar, fil-ġurnata ta’ qabel jiġifieri fil-21 ta’ Frar issir dik li aħna nsejħulha l-vġili u li aħna bil-Malti nsejħulha ‘Lejlet il-Festa’ filwaqt li bl-Ingliż nużaw il-kelma eve, kif appuntu naraw fil-kliem bħal Christmas-Eve.  Anke l-festi tagħna li niċċelebraw fl-irħula għandhom il-vġili tagħhom.  Anke l-festa tagħna ta’ San Pietru għandha l-vġili tagħha.  Mela tajjeb li nifhmu li għalkemm il-festi tagħna jibdew mill-ħruġ min-niċċa u jsiru t-tridijiet jew in-noveni, għall-knisja, il-festa proprja tibda minn Lejlet il-Festa bit-Translazzjoni.  Fit-Translazzjoni, ir-relikwija tal-qaddis fil-każ tagħna San Pietru, tinġarr minn knisja oħra jew post sagru ieħor għall-knisja fejn fiha tkun qiegħda tiġi ċċelebrata l-festa.  It-Translazzjoni tissinjifika l-passaġġ glorjuż ta’ dak il-qaddis minn din l-art għall-glorja tal-ġenna.  Kif tidħol it-translazzjoni jingħata bidu għall-Ewwel Għasar.  Tajjeb imma li ngħidu li festi sekondarji ma jgawdux minn dan il-privileġġ u la jkollhom vġili tal-festa u lanqas l-Ewwel Għasar.  Filfatt għall-festi Sekondarji il-ġurnata ta’ qabel il-festa tkun biss l-aħħar tat-Tridu.

 
L-Ewwel Għasar

Kif għidna diġa` l-Ewwel Għasar huwa pjuttost aktar importanti mit-Tieni Għasar.  Tajjeb li ngħidu li l-Ewwel Għasar huwa riservat biss għall-Festa Titulari u huwa sewwasew wieħed mill-ftit elementi li għadu jaghmel distinzjoni bejn Festa Titulari u Festa Sekondarja.  Tant hu hekk li l-festi hekk imsejħa Sekondarji fil-programm tagħhom, għad li jagħmlu translazzjoni, il-ġurnata ta’ qabel il-festa tkun biss il-ġurnata ta’ l-Aħħar tat-Tridu u mhux Lejlet il-Festa.  Dan ma jgħoddx biss għal dawk il-festi sekondarji li jsiru b’pompa kbira anke fuq barra bħal dawk ta’ Lourdes il-Qrendi, San Ġużepp f’Ħal Għaxaq, f’Ħal Kirkop u f’Ħaż Żebbuġ, l-Imqabba tal-Ġilju, Tal-Karmnu fiż-Żurrieq, taċ-Ċintura u tar-Rużarju fil-Gudja, imma anke festi sekondarji li jsiru matul is-sena kważi fil-parroċċi kollha bħal ngħidu aħna tal-Madonna tar-Rużarju f’Ottubru.

 
Kif ikun Għasar?

L-Għasar isir b’dan il-mod li ġej.  Tajjeb ngħidu li qabel ma’ jibda l-Ewwel Għasar issir il-purċissjoni tat-Translazzjoni.  Mad-dħul tal-purċissjoni tat-Translazzjoni, il-kor, l-orkestra u l-vuċijiet ikantaw l-Innu ta’ l-Ewwel Għasar.  Imbagħad iċ-ċelebrant jintona l-kliem Deus in adjutórium meum inténde li bil-Malti tiġi O Alla ejja eħlisni.  Kull Għasar li jsir, dejjem jibda b’dan il-vers.  Fil-bidu kont naħseb li din tingħad biss f’Birżebbuġa, għax kont naħseb li għandha x’taqsam mal-ħelsien ta’ San Pietru mill-Ktajjen, imma fil-verita` din hija t-talba li tiftaħ kull Għasar madwar id-dinja.  Imbagħad jitkanta l-Innu ta’ l-Għasar.  Ħafna drabi l-Innu ta’ l-Ewwel Għasar ikun differenti minn dak tat-Tieni Għasar.  Dan ma jkunx l-Innu Popolari li aħna s-soltu ndoqquh bil-baned ukoll imma l-Innu ta’ l-Għasar, innu li jkun ta’ tifħir lil Alla u li jagħti ġieħ lill-qaddis.  Wara l-kant ta’ l-Innu ta’ l-Għasar, jibda l-kant ta’ l-antifoni u tas-salmi.  B’kollox ikun hemm 3 salmi.  Bejn salm u ieħor jitkantaw l-antifoni.  Wara l-kant tat-tielet salm u ta’ l-aħħar antifona, issir il-lezzjoni qasira, li ġeneralment ikun xi qari mill-Bibbja.  Fl-Għasar tal-festa tagħna, dan il-qari jittieħed minn Kapitlu 12 ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, mill-ewwel vers sat-tielet vers.  Fit-tmiem ta’ dan il-qari verament qasir, il-kongregazzjoni twieġeb Deo grátias li bil-Malti tiġi Inroddu ħajr lil Alla.  Wara jsir ukoll dak li aħna nsejħulu ir-Responsorju Qasir.  Prattikament iċ-ċelebrant jintona xi talb li għalih il-kongregazzjoni tirrispondi lura.  Fil-każ ta’ l-Għasar tal-festa tagħna ta’ San Pietru, iċ-ċelebrant jintona Tu Es Petrus (Inti Pietru) u l-kongregazzjoni twieġeb Et super hanc petram ædificábo Ecclésiam meam (U fuq din il-blata Jiena nibni l-knisja tiegħi).  Wara titkanta l-antifona ad magnificat, li hija dik l-antifona li ħafna nies ikunu qed jistennew u li jkunu jafuha u jħobbuha.  Jgħidulha ad magnificat, l-ewwel nett biex jiddistingwuha mill-bqija ta’ l-antifoni li jitkantaw mas-salmi u t-tieni nett tissejjaħ ad magnificat għax appuntu titkanta qabel it-talba tal-Magnificat.  Anke f’dan il-każ: l-Antifona ad magnificat ta’ l-Ewwel Għasar ġieli tkun differenti minn dik tat-Tieni Għasar.  Fil-każ tagħna l-antifona ad magnificat ta’ l-Ewwel Għasar hija Tu Es Pastor, filwaqt li dik tat-Tieni Għasar jisimha Solve.  Imbagħad naturalment, jitkanta l-Magnificat, dik it-talba sabiħa li ngħidu lill-Madonna. Wara l-kant tal-Magnificat, terġa` titkanta l-antifona prinċipali. U mbagħad, iċ-ċelebrant jagħmel il-qari tal-Preċi.  Mat-tmiem il-Preċi, tingħad il-Pater Noster jew kif nafuha bil-Malti, il-Missierna u wara ssir l-Oremus jiġifieri t-Talba.  L-Għasar jiġi fi tmiemu bil-Benedizzjoni Finali li bil-Latin insejħulha Benedictio et Dimissio.  Wara l-Ewwel Għasar, tibda mill-ewwel iċ-ċerimonja tal-Barka Sagramentali.  Interessanti ngħidu li Lejlet il-festa tkun l-unika ġurnata fejn fiha ma jingħatax l-Oskuli, jiġifieri l-Bews tar-Relikwija.  Li kieku kellna npoġġu ċ-ċerimonja ta’ l-Għasar f’point form biex dak li jkun ikollu idea ċara u ħafifa ta’ kif dan suppost isir, bejn wieħed u ieħor dan isir b’dan il-mod:

 

Sekwenza ta’ l-Għasar (Vespri)

   
1.

Deus in adjutórium meum inténde

   
2. l-Innu ta’ l-Għasar.
   
3. Antifona 1
  Salm 1
  Antifona 1
  Antifona 2
  Salm 2
  Antifona 2
  Antifona 3
  Salm 3
  Antifona 3
   
4. Lezzjoni Qasira
   
5. Responsorju Qasir
   
6. Antifona Ad Magnificat
  Magnificat
  Antifona Ad Magnificat
   
7. Preces
   
8. Pater Noster
   
9. Oremus
   
10. Benedictio et Dimissio
 

 

 
X’apparat jintuża waqt l-Għasar?
 
 
Kif ikun ġeneralment il-programm ta’ Lejlet il-Festa?

Il-Programm tal-festa ta’ Lejlet il-festa jew tal-Vġili tal-festa jkun dan li ġej:  Filgħodu jkun hemm quddiesa li fiha jitkanta l-Innu ta’ Ringrazzjament Te Deum.  L-Innu tat-Te Deum isir bħala ringrazzjament għall-ġranet tat-Tridu, ringrazzjament lil Alla talli fit-tliet ijiem tat-Tridu l-parruċċani kellhom l-opportunita` li jirringrazzjaw u jippreparaw ruħhom spiritwalment għall-jumejn prinċipali tal-festa, jiġifieri għal-Lejlet u Nhar il-Festa.  Ġeneralment qabel it-Translazzjoni ssir quddiesa letta u mbagħad wara jingħata bidu uffiċjali għall-festa bil-purċissjoni tat-Translazzjoni, mnejn it-relikwija tal-qaddis tinġarr minn post sagru barra l-Knisja sal-Knisja fejn tkun qiegħda ssir il-Festa.  Mad-dħul tal-Purċissjoni tat-Translazzjoni jindaqq l-Innu ta’ l-Għasar.  Wara jingħata bidu għall-Għasar fil-forma u fis-sekwenza li semmejna fuq.  Wara tmiem l-Ewwel Għasar tingħata l-Barka Sagramentali.  Din hija wkoll l-unika ġurnata fejn l-Oskuli, jiġifieri l-Bews tar-Relikwija ma jingħatawx.

 
 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: