Skip to content

Id-Daqq tal-Qniepen fil-Festa Titulari ta’ San Pietru Appostlu Birżebbuġa

  
 
 

Id-Daqq tal-Qniepen fil-Festa Titulari ta’ San Pietru Appostlu Birżebbuġa
kitba ta’ Christ Bonnici B.A (Hons)
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, Soċjeta` Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990, Festa 2006

 

Naħseb li lkoll smajna din it-taqbila komuni li tintuża f’bosta festi titulari ta’ diversi parroċċi:

Doqqu doqqu Qniepen doqqu,
Doqqu, doqqu kbar u żgħar,
Għax din hija l-Festa l-Kbira,
Il-Festa tat-Titular.

It-tradizzjoni tad-daqq tal-qniepen fil-festa titulari għandha kultura qawwija. Matul is-sena, ma jistax isir daqq ta’ qniepen bejn id-9.00 ta’ filgħaxija u s-6.00 ta’ l-għada filgħodu.  Matul is-sena nsibu biss tliet eċċezzjonijiet:

  • ·    Il-Lejl tal-Milied.
  • ·    Id-Daqq tal-Glorja f’Sibt il-Għid
  • ·    Il-FestaTitulari (1)

Inkludejt ftit ħsieb fuq dan biex nuri li din it-taqbila għandha għeruq anke fil-Liturġija, minħabba li l-qniepen jindaqqu bħala parti mil-Liturġija, għaldaqstant il-Knisja wkoll tagħti importanza ferm ikbar lill-festa titulari milli festi oħra fl-istess parroċċa, anke jekk mil-lat estern setgħu kibru daqs il-festa tal-parroċċa.

Il-qaddis patrun, jew il-qaddisa patruna ta’ dik il-parroċċa partikolari hu dak il-qaddis li minħabba tradizzjoni antika jew għażla popolari jkun meqjum b’ċerta venerazzjoni mill-kleru u mill-poplu ta’ post partikolari bħala protettur u interċessur tagħhom quddiem Alla.  Fil-kunċett Ruman, il-kelma Patronus kienet tfisser persuna ta’ ċerta importanza u l-awtorità li magħha kien ikollha marbuta klijentela ta’ nies li min-naħa tagħhom kienu jiddependu minnha f’ kull bżonn (2).

Fil-liġi tal-Knisja, kull knisja mbierka jew ikkonsagrata jrid ikollha titolu ta’ xi qaddis, jew misteru tal-Fidi, ta’ l-Anġli, jew tal-Madonna. Ladarba dan it-titlu jkun ingħata ma jistax jerġa’ jinbidel, u ta’ kull sena għandha ssirlu l-festa. Tant kemm il-Liġi tal-Knisja tenfasizza l-importanza tal-qaddis patrun li tistipula li t-titular jista’ jinbidel biss permezz ta’ Indult Appostoliku. Hekk nistgħu nirreferu għax-xewqa ta’ l-Isqof Mauro Caruana għall-parroċċa ta’ Birżebbuġa meta fl-1926 bidel it-titular minn dak ta’ Marija Addolorata, kif kien meta twaqqfet il-parroċċa fl-1913 għal dak ta’ l-Appostlu San Pietru. Biex inkomplu nuru l-importanza tal-qaddis patrun, il-Knisja tistipula wkoll li isem il-qaddis ghandu jiġi msejjah fit-tqeghid ta’ l-ewwel ġebla tal-Knisja, jingħad mal-Litanija tal-Qaddisin u jitniżżel bil-kitba fil-parċmina li tindifen fl-Altar Maġġur. F’ każ li l-knisja tiġi pprofonata b’mod formali, it-titular jiġi sospiż. imma jekk il-knisja terġa’ sservi biex fiha tingħata glorja lil Alla, it-titular irid jerġa’ jkun dak il-qaddis li kien qabel l-att tal-profanazzjoni (3).

Wara dik l-introduzzjoni forsi nifhmu aħjar ir-raġuni għaliex fil-ġimgħa tal-Festa Titulari, il-Qniepen uniċi li għandna jsebbħu l-Kampnar lokali jdoqqu tant b’mod solenni u għal tant tul ta’ ħin, ghax kif ngħidu fit-taqbila: Il-festa l-kbira għax hi l-festa tat-titular….

Il-programm tad-daqq solenni tal-qniepen fil-festa titulari ta’ l-Appostlu San Pietru jieħu mill-ewwel xejra differenti minn jiem oħra ta’ matul is-sena proprju mill-jum tat-Tnejn filgħodu, il-jum tal-Ħruġ Solenni tal-Vara min-Niċċa. Dan meta t-tokki tat-tmienja filgħodu, minflok ikunu bil-qanpiena l-fustanija jindaqqu proprju bil-qanpiena l-kbira.  Hekk ukoll isir f’nofsinhar, madankollu wara t-tokki tal-qanpiena l-kbira, tindaqq mota solenni ta’ madwar nofs siegħa, li permezz tagħha tħabbar il-ferħ tal-Parroċċa fil-bidu tal-festa titulari tagħha. Mota (5) oħra bil-kbir tindaqq fis-5.45pm, meta minflok biż-żewġ qniepen iż-żgħar, ir-Rużarju jindaqq bil-qniepen kollha. Barra minn hekk, il-quddies tal-ġurnata, minflok jindaqq bil-qanpiena ż-żgħira ddedikata għal Santa Katarina, jindaqq bit-tielet qanpiena, li hi msemmija għal San Ġużepp.

Hekk kif il-mument mistenni joqrob, għall-ħabta tas-7.15pm, il-Qniepen lokali jsellmu kif xieraq il-Vara Artistika u Devota tal-Patrun tagħna San Pietru Appostlu kif dan jingħata l-merħba mistħoqqa fuq iz-zuntier b’moti differenti li jħabbru l-ferħ tal-Parroċċa kollha f’din il-festa ta’ Missierha.

Il-jum tat-Tlieta hu inqas impenjattiv, u dan minħabba li fih id-daqq tal-qniepen isir bit tlitt iqniepen, u għalhekk il-qanpiena l-fustanija u l-qanpiena l-kbira ma jindaqqux. Biex niftiehmu aħjar, fdan il-jum, id-daqq tal-qniepen ikun simili ħafna għal dak li jindaqq nhar ta’ Ħadd matul il-jiem tas-sena.

Nagħtu mbagħad bidu għall-jiem tat-Tridu Solenni, meta d-daqq tal-Qniepen jiżdied b’mod konsiderevoli, u dan għaliex filwaqt li t-tokki tat-tmienja filgħodu u ta’ nofsinhar ikunu l-istess bħall-jiem ta’ matul is-sena, jiġifieri bil-qanpiena l-fustanija, madankollu, wara t-tokki ta’ nofsinhar, minbarra mota waħda, jindaqqu tlieta. Madankollu, għal dawn il-moti jintużaw l-erbat iqniepen, u għalhekk, il-qanpiena l-kbira, iddedikata għall-Patrun tagħna San Pietru Appostlu, ma tindaqqx.  L-istess proċedura tirrepeti ruħha qabel il-quddiesa tas-6.30pm, fejn bejn is-5.45pm u s-6.30pm jindaqqu għal darb’ oħra t-tliet moti li jkunu ndaqqu f’nofsinhar.

Waqt il-Konsagrazzjoni jintużaw it-tielet qanpiena u dik fustanija, filwaqt li waqt it-Tqarbin tindaqq mota oħra bl-erbat iqniepen bħala tradizzjoni li wara li tintemm il-Quddiesa tat-Tridu ser ikun hemm il-Kurunella, l-Antifona u l-Benedizzjoni Sagramentali.  Wara jkun imiss li tindaqq il-Barka Solenni bl-istess erbat iqniepen, li ttemm kull Funzjoni tat-Tridu Mqaddes. Hekk kif il-Funzjoni tal-Knisja tintemm, għal darb’ oħra jindaqqu t-tliet moti li jkun ndaqqu f nofsinhar u qabel il-Quddiesa ta’ filgħaxija.

B’dan il-mod jibqgħu sejrin it-tlitt ijiem tat-Tridu Solenni, għalkemm il-Ħamis, wara l-Funzjoni, minflok tliet moti, jindaqqu erbgħa, u fl-ahħar waħda, li tibda bil-qanpiena l-kbira nfakkru t-Twaqqif Solenni ta’ l-Ewkaristija fil-Jum ta’ Ħamis ix-Xirka.

Tajjeb li nsemmu hawnhekk, li fil-Jum Għażiż ta’ l-Ewwel ta’ Awwissu, fejn il-Knisja Universali tiċċelebra l-Ħelsien ta’ l-Appostlu Missierna San Pietru mill-Ħabs, u għalhekk il-Festa Titulari tagħna, jiġi meta jiġi dan il-jum, id-daqq tal-qniepen fil-parroċċa tagħna jkun bil-kbir, u ghalhekk il-jum kollu ikun mera tal-Festa Liturġika tat-22 ta’ Frar: bi tliet moti bil-kbira f nofsinhar, kif ukoll filgħaxija.

Bejn it-7.45 u t-8.30 tas-Sibt filgħodu, jindaqqu għal darb’ oħra t-tliet moti li jkunu ilhom jindaqqu mill-jum ta’ l-Erbgħa, u anke d-daqq tal-Konsagrazzjoni waqt il-quddiea tat-8.30am ikun l-istess bħal dak li jkun indaqq fit-tlitt ijiem tat-Tridu. Madankollu, hekk kif jintemm it-Tqarbin, u l-Konċelebrant jintona l-Kant Solenni tat-Te Devm, u b’hekk jingħata l-bidu uffiċjali tal-festa titulari b’mod liturġiku, minħabba li l-jiem ta’ qabel huma meqjusa bħala ta’ preparazzjoni, jinġibdu ħames tokki bil-qanpiena l-kbira u wara dawn, il-qniepen kollha tal-Parroċċa jissieħbu magħha biex iħabbru l-ferħ tagħhom f din il-festa kbira.

Jasal u mbagħad il-ħin ta’ 11.45am, fejn minflok f’ 12.00pm jinġibdu t-tokki mill-Qanpiena l-Kbira, u mmedjatament wara għal madwar siegħa sħiha jindaqqu erba’ moti bil-qniepen. Dawn jitqassmu hekk:

 

1. l-ewwel mota: miż-żgħira sal-kbira

2. it-tieni mota: il-fustanija, il-kbira, it-tielet, it-tieni u ż-żgħira

3. it-tielet mota: mill-kbira saż-żgħira

4. ir-raba’ mota: miż-żgħira sal-kbira

 

L-istess ħaġa ssir qabel it-Translazzjoni Solenni tar-Relikwija, jiġifieri bejn l-4.30pm u s-6.15pm, filwaqt li waqt it-Translazzjoni Solenni, bħall-Purċissjoni tal-Ħadd, huma l-uniċi żewġ purċissjonijiet tal-Parroċċa li jindaqqu b’mod differenti mill-oħrajn li jsiru matul is-sena, u għalhekk, qabel il-mota twila miż-żgħira sal-kbira, jinġibdu tliet tokki bil-qanpiena l-kbira, u hekk tintwera d-differenza bejn id-daqq tal-Purċissjonijiet Titulari u l-Purċissjonijiet l-oħra fil-Parroċċa tagħna.

L-erba’ moti tal-festa jindaqqu għal darb’ oħra s-Sibt filgħaxija wara l-aħħar quddiesa, il-Ħadd filgħodu qabel il-Quddiesa Solenni, il-Ħadd f nofsinhar u f Jum il-Festa qabel il-Quddiesa Solenni ta’ filgħaxija.

Barra minn hekk, hemm diversi tradizzjonijiet ta’ daqq ta’ qniepen li jindaqqu biss fil-festa titulari u mhux f festi oħra tal-Parroċċa tagħna. Hekk insemmu s-Sibt filgħaxija, meta qabel il-Ħruq tan-Nar ta’ l-Art tindaqq il-mota tal-Matutin. Din tibda bil-Qanpiena l-Kbira u mbagħad wara ftit tal-ħin ta’ daqq solo, jissieħbu magħha f daqqa l-qniepen l-oħra kollha.  Id-daqq tal-Quddies bejn is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd minflok ikun bit-tielet qanpiena, bħalma jkun kull nhar ta’ Ħadd u f’kull festa oħra ta’ matul is-sena, jindaqq bil-qanpiena l-fustanija. Madankollu, il-Quddiesa tas-6.00am tal-Ħadd, tindaqq bil-Qanpiena l-Kbira biex tfakkar it-tradizzjoni antika ta’ meta kienet tindaqq il-Pater Noster.  Waqt l-Elevazzjoni, fil-Konsagrazzjoni wkoll hemm daqq differenti tal-qniepen, dan minħabba li qabel it-tliet tokki tal-qanpiena l-kbira, it-tokki tal-qanpiena l-fustanija jkunu doppji minflok singli.

Hekk kif tidħol il-Purċissjoni u tindaqq il-Barka Solenni, minflok bi tliet tokki bħalma tindaqq fil-festi l-kbar l-oħra tal-Parroċċa, din tindaqq b’ ħames tokki.

 
Konklużjoni

Inħossni kuntent ferm li ta’ kull sena flimkien ma’ bosta dilettanti oħra nitilgħu fil-kampnar f’dawn il-jiem għeżież. Insellem minn hawn lil dawk kollha li bis-saħħa tagħhom, aħna d-dilettanti kkonservajna t-tradizzjoni tad-daqq tal-qniepen b’dan il-mod hekk solenni fil-ġimgħa tal-festa titulari. Madankollu, mhux l-istess jista’ jingħad għall-festi interni li jsiru fil-Parroċċa tagħna, għax minkejja li matul dawn l-aħħar sitt snin ingħataw forma, bl-introduzzjoni mill-ġdid tal-Għosrien fil-jiem tat-Tridu, Translazzjoni dinjituża, u Paneġierku denju, imma b’danakollu, kontra qalbi nistqarr li tlifna kollox f’dik li hi l-mużika tal-festa interna. Fiż-żmien, meta kont għadni ma twelidtx jien, kienet tindaqq fost l-oħrajn il-mużika ta’ Carlo Diacono… x’ġara llum? Għaliex intilef kollox?  Nemmen li fil-Parroċċa għandna Kor adegwat li żgur li hu kapaċi, biex għallinqas mill-funzjoni tat-Te Devm ‘il quddiem isir dak li jsir f’parroċċi oħra, għax kontra qalbi nammetti, li d-dilettanti tal-festa ta’ ġewwa, għandhom raġun ma jattendux għall-festa tagħna, minħabba li tant immodernizzajna, li tlifna kollox!  Għaliex ma nerġgħux nisimgħu l-Antifona u l-Innu tal-Għasar bil-Latin? Għaliex ma nagħtux lok biex il-Primi u s-Sekondi Vespri jsiru kif suppost: qabel il-Quddiesa, b’mod dinjituż, bil-Latin u b’mużika ta’ livell?

Ili ħafna snin inġarrab ġo fija, u bħala dilettant tal-festi ngħir meta nattendi parroċċi oħra, uħud minnhom lanqas għandhom festa daqs nofs tagħna, madankollu nitpaxxa mmur f’dawn il-parroċċi għax verament jagħmlu festa interna denja! Nispera li dan l-artiklu jqanqal lil min hu verament responsabbli fir-raħal tagħna biex nerġgħu niċċelebraw il-festa ta’ dari, biex jiċċaqlaq ħalli kif irnexxielna nikkonservaw it-tradizzjoni tad-daqq tal-qniepen, hekk ukoll nerġgħu niftaħru li nagħmlu l-isbaħ festa interna ad unur il-Prinċep ta’ l-Appostli, SAN PIETRU!

B’dik in-nota negattiva, nagħlaq dan l-artiklu tiegħi, l-ewwel wieħed fuq dan il-ktieb billi nawgura l-isbaħ xewqat għal festa kbira l-ewwelnett lill-Appostlu Missierna San Pietru: il-mutur ewlieni li jmexxina matul sena sħiħa, lill-familja tiegħi, lill-Kappillan u lill-Kleru, lil dawk kollha li jaħdmu minn qalbhom għall-festa, f’kull settur u lill-Birżebbuġin kollha, huma min huma, u jinsabu fejn jinsabu, partikolarment lill-Membri tas-Soċjetà tagħna, li permezz tal-merħba li tawni, verament nammetti li nħossni sibt it-tieni familja reali tiegħi…. GRAZZI!!

 
Referenza:

(1)       Joseph Goggi, Qniepen f’Malta u Għawdex u f’Pajjiżi Oħra\ (BDL,Malta,2003),p.xii.

(2)       Anthony Mangion u Karmenu Zerafa; Santa Katarina: Il-Festa u s-Soċjetà   tagħha fiż-Żurrieq; (1989), p. 1.

(3)       ibid., p. 3 u 4.

(4)       Ġibda waħda b’qanpiena partikolari  li tagħmel  il-ħoss tal-qanpiena li minnha jinġibed, eż. tokk bil-kbira jirreferi ġibda waħda bil-qanpiena  l-kbira,  l-istess għal tokk bil-fustanija, eċċ….

(5)       Id-daqq tal-qniepen f’burdata partikolari, eż mota ta’ ferħ, mota ta’ niket, transitu, mota bil-kbira, il-mota tar-Rużarju, il-mota ta’ l-Ave Marija,eċċ…

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: