Skip to content

Trunċieri, Fugassi u Napuljun

 

Trunċieri, Fugassi u Napuljun
kitba u riċerka ta’ Michael Balzia
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 1998.

 

stampa

caption

 

It-Trunċieri ta’ Wied il-Buni u oħrajn …

Nhar is-6 ta’ Ottubru, 1760, seħħ avveniment stramb fl-Istorja ta’ Malta li affettwa l-ewwel snin li ġew wara. Quddiem il-Port il-Kbir dehret l-Corona Ottomana li wara rewwixta li seħħet fuq l-istess ġifen, l-Insara mmexxija minn Pietro de Giovanni Gelali delle Bocche de Cattaro ġiebuh lejn Malta.  Fuq il-ġifen kien hemm 68 Nisrani (7 minnhom feruti), 13-il Grieg Xismatiku, 40 Tork (15 midruba) u tlieta mejta. Il-priża kienet tinkludi madwar 70 kanun tal-bronż. Fix-xahar ta’ wara, 14 ta’ Novembru, il-Corona Ottomana tbierket mill-ġdid u ngħatat l-isem ta’ Santissimo Salvatore. Iżda l-istorja ma waqfitx hawn. Dan l-inċident tant irrabja lis-Sultan Mustapha III li dan saħansitra hedded li jattakka lil Malta jekk dan il-ġifen ma jingħatax lura.

Il-Kavallieri flimkien mal-Maltin immexxijin mill-Gran Mastru Pinto dehru jilqgħu l-isfida għaliex fi żmien qasir daru dawra madwarhom u raw x’kien hemm bżonn sabiex jiddefendu lill-Gżira mit-Torok; fosthom li jibnu trunċieri ġodda fil-Bajja ta’ Marsaxlokk fil-postijiet imsejħa Bengħisa, Tumbrell u Xrobb il-Għaġin.

Sabiex iħejji l-pjani meħtieġa u jagħti pariri siewja fuq id-difiża, fil-5 ta’ Lulju, 1761, wasal f’Malta flimkien ma’ ħames inġiniera u l-Logutenent-Kurunell Pontleroy, il-Brigadier Francesco Carlo de Bourlemaque. Bourlemaque għamel diversi rapporti tal-fortifikazzjonijiet eżistenti kif ukoll sawwar oħrajn ġodda. Fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, in-naħa ta’ Birżebbuġa, huwa ppropona li fil-Ponta ta’ Bengħisa ssir pjattaforma għal tliet busijiet; trunċiera żgħira ħdejn il-Batterija ta’ Bengħisa; passaġġ fit-trunċieri ta’ Bengħisa sabiex jgħatti wieħed mill-ġnub ta’ l-istess swar, kif ukoll ridott ieħor b’4 kanuni ma’ dak li diġà kien hemm ġewwa Kalafrana. Barra minn hekk huwa ppropona li kemm il-Bajja ta’ Birżebbuġa kif ukoll dik ta’ San Ġorġ jiġu mdawwra bil-ħitan ta’ difiża. L-Ordni rrikonoxxit il-kontribuzzjoni ta’ fejda li ta dan il-Brigadier billi nhar l-10 ta’ Diċembru, 1761 rregalatlu salib tad-deheb b’ornament tad-djamanti.

Matul l-aħħar żmien tal-ħakma ta’ l-Ordni f’Malta, it-trunċieri ta’ Wied il-Buni jew kif kienu magħrufin aħjar “Trinderamento Beneisa” kienu mgħammra b’diversi numru ta’ kanuni. Fl-1783 dawn kienu jiddefendu l-inħawi b’disgħa kanuni ta’ tminn libbri l-wieħed u kanun ieħor ta’ 18-il libbra. Dawn kienu tal- ħadid. L-istess għadd u kalibru baqgħu jinżammu fis-snin 1785, 1787 u 1790. fl-1792, dawn il-fortikazzjonijiet ġew armati bi tlettax-il kanun: 4 kanuni ta’ 18-il libbra l-wieħed u 9 oħra ta’ 8 libbri l-wieħed.

Fil-ġurnata tal-lum, wieħed għadu jista’ jara parti żgħira minn dawn l-ispeċi ta’ swar li kienu jiċċirkundaw l-inħawi ta’ Wied il-Buni li wara abbandun totali, fl-1967, beda jitneħħa parti mill-ħajt u l-mili u l-livellar tal-foss. Dak li baqa’ minnu kien skedat bħala Grad 1 skond it-termini tal-Policy UCO tal-Pjan ta’ Struttura.  Jekk fl-inħawi ta’ Wied il-Buni għad baqa’ parti mis-sur li kien ippjana l-inġinier Bourlemaque, fl-inħawi tal-Qajjenza, kull nitfa ta’ fdal li seta’ kien hemm intilfet meta l-art bdiet tiġi żviluppata f’bini. Fil-Mappa li ppubblika Capt. William Henry Smyth R.N. K.S.F. f’Londra fl-1822, it-trunċieri ta’ dawn in-naħat ma kienux inklużi. Pero meta wieħed jifli sewwa Survey Sheet numru 143 ippubblikata fl-1912, dan jasal għall-konklużżjoni li dawn xi ftit jew wisq kien għadhom jidhru.

 

Fugassi

Għalkemm fl-1716 kien hemm ħsieb li jitħaffru madwar il-kosta ta’ Malta għadd ta’ fugassi – b’14 minnhom fil-bajjiet ta’ Birżebbuġa – dan ma seħħx qabel it-28 ta’ Settembru, 1740 meta l-inġinier Francesco Maradon spara l-ewwel fugassa mix-Xatt tal-Belt Valletta fid-direzzjoni tal-Ponta ta’ Dragut. Fl-1770 kienu jinstabu fix-xtut ta’ Malta madwar 50 waħda.

Il-fugassa kienet speċi ta’ ħofra fil-blat faċċata tal-baħar b’anglu ta’ 45 grad u kienet forma ta’ lembut; iktar ma wieħed jinżel fil-fond, iktar il-ħafra kienet tidjieq. Fil-qiegħ kien ikun hemm il-porvli mgħotti b’fallakka u fuq din kien jitqiegħed ġebel u materjal iebes ieħor. Tiela’ mill-ġenb tal-ħofra kien ikun hemm il-miċċa (fuse) biex ikun jista’ jitqabbad il-porvli.

Illum, il-fugassi li kienu jgħassu x-xtajtiet tar-raħal tagħna spiċċaw mirduma jew imfarrka. Il-Maġġur M.B.H. Ritchie fil-kitba tiegħu ‘Fougasses of Malta’ li huwa qara fl-Aula Magna ta’ l-Università, Valletta, nhar is-7 ta’ Diċembru, 1926, jgħid li fil-Bajja ta’ San Ġorġ, ħdejn il-Kappella ta’ San Ġorġ huwa kien ra żewġ fugassi: waħda kienet isservi ta’ kantina ta’ dar privata u oħra taħt dar qrib. Fugassa oħra tidher fil-pjanta li tinsab fil-Bibljoteka Nazzjonali, Valletta (Nni. 197-Bl) li ġġib id-data tat-23 ta’ Frar, 1761.

Il-fugassi ntużaw jew le? Fil-ktieb tiegħu ‘Expedition d’Egypte’, De la Jonquiere, jikkwota minn ittra li Kavallier ħabib tiegħu kien bagħatlu, jgħid li meta nhar l-10 ta’ Ġunju, 1798, id-Diviżjoni Franċiża ta’ Cività Vecchia ttantat tinżel fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, il-kavallieri rtiraw fit-trunċieri ta’ qrib il-baħar, sparaw xi mitralja u wara li xegħlu l-fugassi, daħlu jistkennu taħt il-kanun tat-Torri ta’ San Tumas (sic).

 

Napuljun Jieħu Lil Malta

Diġà sa minn Mejju, 1797, Napuljun kien tefa’ ħarstu fuq Malta u qies lil din il-Gżira ta’ importanza mhux ftit għar-Repubblika ta’ Franza. Huwa ried li jieħu ‘l Malta qabel ma nazzjonijiet oħra bħal l-Ingilterra jitħajru jagħmlu l-istess.

Nhar id-9 ta’ Ġunju, 1798, għall-ħabta ta’ l-erbgha ta’ wara nofsinhar, Napuljun deher fuq ix-xefaq tal-Gżejjer Maltin fuq ‘Il-Flagship L’Orient’. Il-ġeneral Desaix ingħata struzzjonijiet sabiex dak il-lejl (9 ta’ Ġunju) ibaħħar u jniżżel it-truppa tiegħu f’xi post addattat bejn il-Bajja ta’ San Tumas u Wied ix-Xoqqa (wied-e-Sciatt). Madwar 300 sa 400 ruħ kellhom ikunu fuq ix-xatt qabel is-sebħ, b’Duchayla b’erba’ bastimenti jkopri l-inżul.

Bl-għajnuna ta’ xi ġakbini li kellhom il-wiċċ li juru l-mogħdija lill-għadu b’permezz ta’ lantemi, Desaix niżel f’Wied ix-Xoqqa u waqt li ħataf it-Torri ta’ Bengħisa u t-trunċieri nofshom kompluti ta’ dik ix-xaqliba, huwa attakka l-fortizzi ta’ mal-kosta tal-Bajja ta’ Marsaxlokk minn wara. Il-Kavallier Franċiż Dupin kien kap tat-trunċiera magħrufa bħala ta’ “Lehtrice” (L’Aħtrieq) li kienet tinsab fid-daħla tal-Port ta’ Bengħisa fil-mument ta’ l-invażjoni Franċiża.

Kollox ma kollox, dan l-aweniment fl-Istorja ta’ Malta li tiegħu din is-sena (1998) qegħdin infakkru l-mitejn anniversarju, ma seħħx mil-lum għall-għada, iżda beda jinħema matul l-aħħar żmien ta’ l-Ordni f’Malta – l-aktar minn wara r-Rivoluzzjoni Franċiża tal-1789, meta Napuljun, prodott ta’ l-istess Rivoluzzjoni beda jwaqqaf imperu fl-Ewropa.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: