Skip to content

‘Toroq Ġodda’

 
‘Toroq Ġodda’
kitba ta’ Arthur Grima
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 1999.

 

stampa

caption

 

Toroq Ġodda

Dan l-aħħar, fir-raħal ta’ Birżebbuġa, ġew imsemmija xejn inqas minn seba’ triqat. Tlett sqaqien u żewġ wesgħat ġodda. Sintendi dawn kollha ingħataw isem. Fost dawn l-ismijiet ta’ toroq ġodda, niltaqgħu ma’ erba’ minnhom li għandhom konnessjoni mal-Parroċċa ta’ Birżebbuġa. Fuq dawn ħa nikteb xi ħaġa dwar it-tifsira ta’ l-isem tagħhom.

 

Triq Dun Vinċenz Fenech 1903 -1978

Dan Dun Vinċenz kien qassis minn Ħal Lija. Nistħajjel li wieħed jistaqsi, allura x’konnessjoni għandu ma’ Birżebbuġa u wisq iżjed mal-Parroċċa? Kien propju l-Kappillan Dun Anġ Fenech li kien Kappillan bejn l-1932 u l-1952 li ġab lil Dun Vinċenz lejn ir-raħal. Fil-fatt, Dun Vinċenz kien jiġi n-neputi ta’ Dun Anġ u tant kienu dejjem flimkien li lil Dun Vinċenz kont taħsbu l-anġlu kustodju tiegħu.

Dun Vinċenz ħa l-quddiesa f’Ħal Lija, iżda minn dakinhar ‘il quddiem dejjem baqa’ jqaddes fil-Parroċċa ta’ Birżebbuġa. F’dawn iż-żminijiet li qed insemmu, kienu żminijiet ibsin għall-Kappillan Dun Anġ Fenech għax filfatt kienet qiegħda’ tinbena l-Knisja Parrokkjali.  Dun Vinċenz barra li kien iqaddes, kien jagħmel ħafna xogħol manwali fil-knisja. Meta staqsejt dwar il-karattru li kellu dan Dun Vinċenz, kulħadd qalli li kien umli ħafna u ta’ ftit kliem, waqt li kienet tispikka l-ħarsa tal-qdusija li kellu. Meta l-Kappillan Dun Anġ Fenech spiċċa minn Kappillan ta’ Birżebbuġa u mar bħala Monsinjur tal-Katidral, Dun Vinċenz mar miegħu, u hekk spiċċat il-ħidma ta’ Dun Vinċenz f’Birżebbuġa. Huwa miet fis-sena 1978.

 

Triq Mons. Spir Penza – Promotur tal-Parroċċa – 1860 -1924

Jekk f’Birżebbuġa ssemmew toroq għal xi persuni li b’ħidmithom għamlu ġieh lil dan ir-raħal, żgur li kien jonqos li xi darba tissemma’ triq għal Mons. Spir Penza. Li ma kienx għall-ħidma tiegħu fil-bidu ta’ dan is-seklu, żgur li Birżebbuġa ma kienx jitwaqqaf bħala Parroċċa hekk malajr. Dun Spir twieled f’Bormla fis-sena 1860, ħa l-edukazzjoni tiegħu f’Bormla fejn wara kompla fis-Seminarju. Dan wassluh biex laħaq qassis u iżjed tard Kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Bormla.

Fost il-ħidma li wettaq ġewwa Bormla, Dun Spir insibuh iwaqqaf is-Sede tal-Azzjoni Kattolika. Kull meta kien jasal is-Sajf, Dun Spir kien jerħila lejn Birżebbuġa għall-vaganzi. Hawnhekk, wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li Birżebbuġa kien meqjus bħala post ta’ villeġġjatura. Ma kienx jonqos li kull meta Dun Spir kien ikun hawn, kien iqaddes għall-villeġġanti u ftit residenti. Sena wara l-oħra dawn in-nies kienu dejjem jiżdiedu u dan il-fatt lil Dun Spir kien iħasbu. Għax fil-waqt li fis-sajf kienu jkunu moqdija, fix-xitwa ma kienx ikun hemm saċerdot. Dan il-ħsieb qanqal lil Dun Spir biex fis-sena 1907 fetaħ daqsxejn ta’ kappella f’remissa ddeddikata lil Marija Addolorata.

Wara l-ftuħ ta’ din il-kappella, bdiet tidher aktar il-ħtieġa li Birżebbuġa ssir Parroċċa. Tant li Dun Spir mar ikellem lill-Isqof Pietru Pace dwar il-bżonn li titwaqqaf din il-parroċċa. Din ix-xewqa ma tantx damet biex issir realtà. Tant li b’ħidmet Dun Spir u n-nies tal-post, Birżebbuġa saret Parroċċa nhar id-9 ta’ Settembru, 1913, bl-ewwel titular ikun dak ta’ Marija Addolorata. Inċidentalment, kellu jkun Bormliż ieħor biex sar l-ewwel Kappillan tal-Parroċċa. U dan ma kien ħadd ħlief Dun Karm Buġelli.

 

Triq il-Kanonku Rikardo Attard – 1908-1992

Il-Kanonku, jew Dun Rikard kif kien magħruf min-nies tar-raħal, kien saċerdot li ħadem ‘il fuq minn nofs seklu fil-Parroċċa ta’ Birżebbuġa. Meta ħa l-quddiesa, Dun Rikard ma kienx qassis djoċesan, iżda beda bħala Patri Dumnikan bl-isem ta’ Patri Anġeliko. Fost l-ewwel ħidmiet tiegħu, Dun Rikard insibuh fil-Kunvent tad-Dumnikani fil-Birgu fejn kien ukoll bħala Prokuratur tal-festa ta’ San Duminku.

Kien lejn in-nofs tas-snin 40, meta Dun Rikard ġie fil-Parroċċa ta’ Birżebbuġa. Biss, issa bħala qassis Djoċesan u mhux iktar bħala Patri Dumnikan. F’dawn is-snin, il-Knisja Parrokkjali kienet lesta mill-bini tagħha, iżda kien jonqosha bosta ħwejjeġ oħra biex tkun lesta minn kollox.

Fost l-ewwel ħidmiet li wettaq dan Dun Rikard, insibuh bħala Viċi Parroku, kariga li dam fiha sas-sena 1975. Min jaf kemm assista moribondi fl-aħħar siegħat ta’ ħajjithom, u kemm akkumpanja mejtin fil-funerali lejn iċ-ċimiterji. Barra dan, huwa kien ukoll bħala l-Assistent Ekklesjastiku tal-Azzjoni Kattolika. Il-Kanonku żgur li jibqa’ mfakkar għall-umoriżmu li kellu lejn kulħadd.

Interessanti l-fatt li dan Dun Rikard kien iħobb mhux ftit il-Każin tal-Banda San Pietru, tant li fost it-tifkiriet li għandha l-Għaqda, hemm il-Bandiera tal-festa li kien irregala hu stess waqt li kien berikha f’dik l-okkażjoni. Mhux ta b’xejn li l-Għaqda kienet ħatritu bħala President Onorarju għal għomru. Meta miet f’Settembru fl-1993, l-Għaqda ħasbet biex tagħtih l-aħħar tislima kif kien xieraq. Dan għamlitu billi l-Banda San Pietru daqqet waqt il-funeral tiegħu li kien sar fit-23 ta’ Settembru, 1993.

 

Triq it-22 ta’ Frar

Dan l-isem ta’ din it-triq ifisser ħafna għall-Parroċċa ta’ Birżebbuġa, għal fatt li din id-data għandha konnessjoni mal-Patrun tagħna, San Pietru. Barra din id-data nsibu żewġ dati oħra li wkoll għandhom x’jaqsmu ma’ San Pietru, u dawn huma id-29 ta’ Ġunju li jaħbat il-martirju ta’ San Pietru u San Pawl, u l-1 ta’ Awissu li jfakkar id-dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Ktajjen f’Ruma. Dan il-jum għall-Parroċċa ta’ Birżebbuġa, huwa s-sollennità ta’ San Pietru fil-Ktajjen, it-titular tal-knisja parrokkjali preżenti (mill-1937 ‘il quddiem). Niġi issa għall-isem ta’ din it-triq – 22 ta’ Frar. Dan il-jum ifakkarna fil-Katedra ta’ San Pietru. Din il-kelma Katedra, jiġifieri siġġu, tfakkarna fis-setgħa ta’ San Pietru mogħtija lilu minn Ġesu biex imexxi l-knisja tiegħu, u hekk isir l-ewwel Vigarju ta’ Kristu. F’dan il-jum għandna niftakru fil-lealtà tagħna lejn il-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru. Fil-Parroċċa nhar it-22 ta’ Frar ta’ kull sena ssir Quddiesa Kantata.

Barra dawn l-erba’ toroq li semmejt, dawn huma l-kumplament ta’ l-ismijiet tat-toroq l-oħra:  Triq Għar Dalam – Triq Wied Ħas Saptan – Triq F.M. Ferretti – Sqaq il-Kunċizzjoni – Sqaq ta’ Salvun -Daħlet il-Mitjar il-Qadim – Wesgħa Karmenu Caruana (Politiku) 1916 – 1992 – Wesgħa Ramon Perellos (Gran Mastru) 1679-1720.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: