Skip to content

TIFKIRIET … mill-Avukat Paul Mallia – wieħed mill-ewwel villeġġanti

 

TIFKIRIET … mill-Avukat Paul Mallia – wieħed mill-ewwel villeġġanti
Rakkont minn Dr. Paul Mallia innifsu.
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: 75 Sena Parroċċa. (Edizzjoni Speċjali Settembru-Ottubru 1988)

 

stampa

caption

 

Birżebbuġa li dwarha se nitkellem kienet bil-wisq differenti minn dik li nafuha llum. Kienet kważi kollha raba: il-ftit bini li kien hawn kien jinsab f’San Ġorġ, madwar il-Knisja tad-DuIuri, fi Pretty Bay, Żurrieq Road u New Street. Nies tal-post kienu ftit, l-aktar bdiewa mxerrda fl-irziezet qrib ir-raba tagħhom. Kien post ħelu u kwiet, ideali għal mistrieħ, baħar nadif u kaħlani mimli ħut, mingħajr dawl elettriku, mingħajr vetturi biex iniġġsu l-arja u naturalment, mingħajr il-kruha ter-rigs li għarrqu l-bajja!

Peress li ma kienx hawn karrozzi, I-aktar li kienu jiġu għall-villeġġatura kienu nies li ma jkollhomx għalfejn joħorġu spiss minn Birżebbuġa bħas-saċerdoti u l-avukati (peress li fis-sajf il-Qorti jieqaf).

 

Il-Familja tiegħi f’Birżebbuġa

Aħna konna ngħixu fil-Birgu, ma omm’ommi li kellha binha kanonku I-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz: Dun Lawrenz Micallef “Tal-Kaptan”. Nannti kellha dar villeġġjatura fi New Street, l-ewwel numru 42 u mbagħad f’numru 23, bieb ma’ bieb mal-familja Salerno u l-ħanut “The Paddy” u biswit I-imħażen “Ta’ Tira”.

Billi nannti kienet imdaħħla fiż-żmien, ommi ma kinitx tridha tiġi hawn waħedha. Allura minħabba li hi ma setgħetx tiġi magħha għax missieri kien jaħdem id-Dockyard, kienet tibgħat lil xi ħadd mit-tfal man-nanna biex ngħinuha. Meta tfarfart ftit kont niġi jien man-nanna.

Kien żmien il-bidu tat-tletinijiet meta jien kont immur I-iskola tal-Gvern fl-Armerija tal-Birgu. Iz-ziju tiegħi kien jixtieq jinżel Birżebbuġa minn kmieni għax fil-31 ta’ Lulju kien ikollu jinżel il-Birgu għall-mota tan-Novena ta’ San Lawrenz, jibqa’ hemm sa’ l-għada ta’ Santa Marija u jiġi Birżebbuġa wara. Għalhekk iz-ziju kien jagħmilli “transfer” u fl-aħħar ġranet ta’ l-iskola minflok il-Birgu kont nattendi I-iskola ta’ Birżebbuġa, li kienet tinsab minflok il-lukanda “Seabreeze”.

ll-ġarr mill-Birgu għal Birżebbuġa kien “avveniment” speċjali. Ġorġ ‘tal-pitrolju” kien jarmalna l-karozzin u kienet ħaġa tal-għaġeb kif kien jistiva kollox ġo fih barra, naturalment, li fih kienu jirkbu nannti u zijuhi. Jien kont nitla’ fuq is-saldatur bil-gaġġa ta’ l-għasfur f’idejja.

It-triq ta’ dak iż-żmien kienet imħarbta ġmielha. Konna nitilqu mill-Birgu kmieni ħafna u naslu hawn qrib nofsinhar. Meta naslu, sakemm nannti kienet tpoġġi l-affarijiet f’posthom, kienet tibgħatni għand Kurċifissa, mara li kellha ħanut tal-merċa fi New Street, u kont nagħmel l-ewwel xirja. Kienet tgħaddi wkoll ta’ Kalambrina bil-bajd u l-ħaxix. Din Kalambrina kienet kuljum iġġibilna l-baqta u t-tut.

 

Tfulija fis-sempliċità

Kif għidt, f’Birżebbuġa ma kienx hawn dawl elettriku u ħadd ma kien għadu sema’ bi fridges. Kellna bir li fih konna ndendlu bomblu bl-ilma tax-xorb (kellna vit wieħed “tal-kaxxa” wara l-bieb) u fis-satal konna nqiegħdu l-butir u l-laħam.

Billi jien kont abbati I-Birgu, kont inġib il-libsa miegħi biex inservi fil-Knisja tad-Duluri. Il-Kappillan kien Dun Anġ. Fenech u s-saċerdoti tal-post kienu Dun Manwel Bonniċi magħruf għall-ħeffa li biha kien iqaddes u jqarar u Dun Vinċenz Fenech, in-neputi tal-Kappillan. Fis-sajf iżda kienu jaslu numru ta’ saċerdoti minn band’oħra fosthom iz-ziju tiegħi u I-Kanonku Dun Goffredo Lubrano mill-Isla. II-Kappillan, li ħadem ħafna u ħafna għal Birżebbuġa, kien iqabbadna xi xogħol, bħat-tindif ta’ tubi jew bejgħ ta’ biljetti għal xi lotteriji. Meta kien jagħmel xi fiera, kien jeħodni miegħu fuq karettun Bengħisa biex jiddobba xi patata, basal, ħaxix, tiġieġ u fniek li kont nibża’ minnhom bħal bard.

ll-gurnata konna nibdewha kmieni. Kont immur ma’ nannti għall-quddiesa ta’ l-ewwel, ta’ l-4.30a.m. jew il-5.00a.m. Wara konna nieħdu l-kafe’ fl-iskutella u biskuttell u nkomplu bil-qadi u x-xogħol tad-dar. Għalhekk konna norqdu kmieni, imma niftakar li I-kbar kienu joħorġu mejda f’nofs Żurrieq Road eżatt quddiem New Street u joqogħdu jilagħbu d-Draughts u d-Dominoes għad-dawl tal-lampa tal-mantel. Niftakar ukoll il-kant ta’ kanzunetti Naplitani fuq l-akkompanjament tal-kitarra li kien idoqq ferm tajjeb is-Sur Bonnici li kien jiġi ħu l-Master-in-Charge ta’ l-iskola tas-subien. Il-perċimes tal-logħob kien is-Sur Furtunato Borg, ħu l-professur Karlozz, li kien Chief Public Weigher. It-tifla tas-Sur Borg iżżewġet lil kuġin tiegħi li kien joqgħod magħna.

Kont, kif għidt, midħla sewwa tal-Knisja. F’xi żmien, il-Kanonku Lubrano, ftiehem mar-Rettur tal-Kappella tas-Sagra Familja f’Żurrieq Road, biex jibda jqaddes hemm. Billi konna noqogħdu viċin lili ħatarni sagristan biex niftaħ il-Kappella u nlestilu dak li jkun hemm bżonn għall-quddiesa. Kont nistaqsi kuljum liz-ziju tiegħi x’kulur ta’ pjaneta noħroġ għall-għada. Din il-Kappella kellha portiku ħelu ħafna li sfortunatament tneħħa; taħtu kien joqgħod il-Ħajbu li konna nibżgħu minnu għax minħabba I-ħmieġ li kellu seta’ “jrikkbilna” xi ħaġa.

 

Tgħid liema hu l-aħjar żmien?

Ma niftakarx it-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tal-Knisja I-ġdida għax dak iż-żmien kien għad għandi tliet snin u kont għadni ma bdejtx niġi ma’ nannti. Niftakar iżda, li meta tlestiet l-ewwel parti n-naħa ta’ l-artal tal-Madonna tar-Rużarju, kont jien li għent l-ewwel quddiesa li saret fil-Knisja l-ġdida. Il-Kappillan kien iħeġġiġġna nġemmgħu biex nixtru rużun li kien jiswa 2s 6d (30c taf llum) u niftakar darba l-qatgħa li ħadna meta waqa’ wieħed f’nofs il-Knisja!

Dawn huma ftit mill-affarijiet li niftakar ta’ tfuliti f’Birżebbuġa; naturalment ma stajtx inniżżel kollox. Niftakar per eżempju l-ewwel karrozza ta’ Ċelest li, skond il-kuġin tiegħi, fit-telgħa tal-Geru kien ikollhom jinżlu biex jimbuttawha. Dan Ċelest kien intraprendenti ħafna u kellu Cine bla sound, f’garaxx f’Żurrieq Road. Is-serati li kienu jsiru fih kienu ħaġa ta’ l-għaġeb bl-għajjat u ċ-ċapċip meta ‘l-ġuvni jsalva x-xebba’. Quddiemna, kif għidt, kien hemm Imħażen ‘ta’ Tira’, u kienet xena impressjonanti ‘Magħsir ta’ l-inbid min-nisa ħafjin. U l-bexxiexa tat-triq? Insomma, żminijiet sbieħ li ma jerġgħux jiġu u ma nafx kemm aħna aħjar illum – bl-iffullar tal-bajja, l-għajat tan-nies, id-dħaħen tal-karrozzi, it-tlielaq tal-muturi u r-rigs faċċata ta’ fejn noqgħod issa.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: