Skip to content

San Ġorġ Preca u Bengħisa.

 

Il-Beatu Dun Ġorġ Preca u Bengħisa.
kitba ta’ Arthur Grima.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2001.

 


caption

 

Introduzzjoni

Naħseb li ma hawn ħadd f’pajjizna li qatt ma sema’ b’Dun Ġorġ Preca jew kif forsi aktar hu magħruf: ‘Dun Ġorġ tal-Mużew’.  Dawk li għandhom ċertu età, jafuh iżjed mill-qrib u forsi semgħuh jippriedka u jagħmel xi konferenza, forsi wkoll f’Birżebbuġa stess.  Dun Ġorġ, f’Birżebbuġa kien jagħmel il-konferenzi fil-Qasam (Mużew) tas-Subien meta dan kien għadu fi Triq San Pawl, fil-villa msejħa ‘Villa Josepha’.  Bla dubju ta’ xejn, Dun Ġorġ jibqa’ l-aktar imsemmi bħala l-fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija MUSEUM.

 

Dun Ġorġ isir beatu

Kien proprju nhar id-9 ta’ Mejju 2001 meta l-Papa Ġwanni Pawlu II, mar jibbeatifika lil Dun Ġorġ Preca flimkien ma’ żewġ Maltin oħra – Nazju Falzon u Adeodata Pisani.  Li għandhom komuni dawn it-tliet persuni huwa li tul ħajjithom taw xhieda b’għemilhom għall-evanġelizzazzjoni u l-imħabba lejn Kristu.  Dak li seħħ dakinhar tal-beatifikazzjoni għal dawn ħutna kien ifisser li issa waslu fuq l-għatba tal-qdusija u hekk, iżjed ‘il quddiem, ikunu mgħollija għall-ġieħ ta’ l-altari.

 

Min kien Dun Ġorġ Preca?

Dun Ġorġ Preca twieled nhar it-12 ta’ Frar 1880 fil-Belt Valletta.  Minn hemm il-familja tiegħu marru joqogħdu Birkirkara u aktar tard marru l-Ħamrun, fejn baqgħu hemm sa ma mietu.  Fit-tfulija tiegħu Dun Ġorġ nafu li kien pjuttost marradi u bosta kienu tal-fehma li ma kellux ħajja.  Imma la din tkun ġejja minn Alla, kollox isir possibbli, tant li Dun Ġorg għex mhux ħażin u tul ħajtu ħadem bis-sħiħ biex ħalla warajh monument hekk kbir (il-MUSEUM).

Intant, fit-22 ta’ Diċembu 1906 huwa sar saċerdot u sena wara, fl-1907, waqqaf is-Soċjetà tal-Museum li kienet approvata fl-1932 mill-Isqof Dom Mauro Caruana.  Dun Ġorġ miet nhar is-26 ta’ Lulju 1962.  Il-mewt ta’ Dun Ġorġ kienet il-bidu tal-ferħ fis-saltna tas-smewwiet fejn, wara l-ħidma tiegħu fuq din l-art, huwa mar igawdi lil Alla fl-eternità. Madankollu, wieħed jista’ jgħid li minn wara mewtu, is-Soċjetà tal-Museum baqgħet dejjem tissaħħaħ u għadha wieqfa sal-lum.  Dan huwa xhieda li mis-sema, Dun Ġorġ qiegħed jibgħat xita ta’ grazzji fuq is-Soċjetà li waqqaf.

 

Dun Ġorġ Preca f’Bengħajsa

Wara li rajna fuq fuq xi ħaġa dwar ħajjet Dun Ġorġ, niġu issa ħalli naraw il-konnessjoni li Dun Ġorġ kellu ma’ Bengħajsa.  Tul ħajtu kollha, sakemm saħħtu baqgħet tippermettilu, Dun Ġorġ kien iżur l-oqsma kollha tal-Museum li kienu mifruxa ma’ Malta kollha.  Ma kienx jonqos li jiġi wkoll f’dak ta’ Birżebbuġa biex jagħmel xi konferenza.  Hemm kont tara n-nies ġejjin bi ħġarhom u b’dik il-ġabra u l-attenzjoni jisimgħu lil Dun Ġorġ jippriedka fuq Alla u t-tagħlim Tiegħu.  Ħafna drabi kien jiġri li meta xi ħadd kien isir jaf li Dun Ġorġ ġej f’Birżebbuġa, xi nies minn Bengħajsa kienu jirranġaw biex meta jkun hawn ir-raħal jitla’ wkoll Bengħajsa biex jagħmlilhom xi konferenza.  Fis-snin 40 u 50, f’Bengħajsa kien hemm popolazzjoni mhux ħażin, u meta kienet tiġri l-kelma li ġej Dun Ġorġ, tista’ tgħid li ma kien jibqa’ ħadd fid-djar u fl-irziezet, tant li kienu jiġu minn Ħal Far u Wied Żnuber.  Dawn kienu żewġ postijiet li f’dawk iż-żminijiet kienu jgħixu n-nies fihom.  II-laqgħat x’aktarx li kienu jsiru nhar ta’ Ħamis fuq iz-zuntier tal-Kappella tal-Kunċizzjoni.  Ċertu Mikiel Schembri flimkien ma’ ibnu Ġużeppi (magħrufa bħala ‘tal-Qamħa’), li kienu jieħdu ħsieb il-Kappella tal-Kunċizzjoni, darba minnhom qabel il-konferenza kienu ħadu lil Dun Ġorġ fir-razzett tagħhom u wrewh mejda kbira.  Meta raha Dun Ġorġ qalilhom: “Din soda.”  Minn dakinhar, kull meta kien jiġi biex jippriedka Dun Ġorġ, kienu jieħu din il-mejda mir-razzett tagħhom għal fuq iz-zuntier, jifirxu tapit fuqha u jqegħdulu siġġu biex minn fuqha Dun Ġorġ ikun jista’ jippriedka.  Din il-mejda għadha teżisti u llum tinsab miżmuma b’għożża kbira mill-familja Schembri.  In-nies tant kienet tiġi bi ħġarha biex tisma’ lil Dun Ġorġ, li ma kienx ikun baqa’ post fuq iz-zuntier u kienet tibda timtela t-triq ukoll.  Saħansitra, xi rġiel kienu jitilgħu fuq il-ħitan tas-sejjieh.  Xi ħaġa li ma kienet tonqos qatt kienet li wara li kien jispiċċa l-konferenza, Dun Ġorġ arah iqassam il-ħelu imbierek minnu stess.  Din kienet tkun xi ħaġa li dawk preżenti kienu jistennew bil-ħerqa, għax dan il-ħelu għalihom kien xi ħaġa ta’ devozzjoni.

Il-mezzi ta’ trasport f’dawk is-snin kienu ferm limitati.  Biex kien jasal f’Bengħajsa, Dun Ġorġ kienu jmorru għalih bit-trakk ċertu Ġużeppi Polidano ‘tal-Borda’ jew Pawlu Cachia ‘tal-Piti’.  Hekk kif tispiċċa l-konferenza dawn kienu jieħdu ħsieb iwassluh lura lejn il-Ħamrun.  Dawn il-laqgħat kienu jsiru kemm qabel kif ukoll wara t-Tieni Gwerra Dinjija.  Qabel il-gwerra, Dun Ġorġ kien jgħidilhom li fuq Malta ġej flaġell kbir.

Dun Ġorġ kellu wkoll il-waqtiet umoristiċi tiegħu, bħal meta darba minnhom ċerta waħda Ġużeppina Farrugia ‘ta’ Peppina tal-Buż’ kienet ġejja bil-lajma għal-laqgħa u Dun Ġorġ lemagħha ġejja u qalilha: “Katarina, isa ħaffef għax se jispiċċa r-rożolin!” Dan ir-rożolin kien speċi ta’ xorb ħelu.  Darb’oħra waqt li kien qiegħed jippriedka Dun Ġorġ waqaf jiċċassa u ftit wara qal lill-migemgħa: “Rajt viżjoni: xi ħadd minnkom dalwaqt imur il-ġenna.” Fil-fatt, xi jiem wara kienet mietet tifla ċkejkna.  Dawn il-laqgħat f’Bengħajsa, Dun Ġorġ baqa’ jagħmilhom sa ma saħħtu kienet baqgħet tippermettilu.  Minbarra t-tifkiriet dwar Dun Ġorġ li baqgħu fl-imħuħ tan-nies li għadhom ħajjin, fil-kappella nsibu inċiżjoni bix-xbiha tal-Wiċċ ta’ Kristu li Dun Ġorġ kien irregala hu stess lil din il-Kappella tal-Kunċizzjoni.

It-tagħlim tad-duttrina f’Bengħajsa u fil-kappella tal-Kunċizzjoni

Barra dawn il-laqgħat, fil-Kappella tal-Kunċizzjoni kien isir ukoll it-tagħlim tad-duttrina mis-soċi tal-Museum.  Loreta Dalli ‘taż-Żigu’ u Ċensa Aquilina ‘tal-Pikles’, żewġ soċi mill-fergħa tax-xebbiet, kienu jitilgħu ta’ kull ġimgħa biex jgħallmu d-duttrina lit-tfal ta’ l-inħawi.  Tant kien hemm tfal dak iż-żmien li kien hemm tliet klassijiet.  Dawn kienu jqegħduhom waħda fiz-zuntier, waħda fil-kappella u waħda fis-sagristija.

Biex insemmi l-aħħar ħaġa dwar is-sehem ta’ Dun Ġorġ u s-Soċjetà tal-Museum f’Bengħajsa, nispiċċa b’xi ħaġa oħra li kienet issir fi żmien meta bħala rettur tal-kappella kien hemm Mons. Pietru Pawl Saydon.  Fil-lejl tal-Milied kienet issir il-funzjoni ta’ bil-lejl fil-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa, waqt li f’Bengħajsa din il-funzjoni kienet issir fit-tlieta ta’ filgħodu.  Dan kien isir biex it-tifel li kien jagħmel il-priedka tal-Milied f’Birżebbuġa, is-soċi tal-Museum ikunu jistgħu jtellgħu lill-istess tifel f’Bengħajsa biex jagħmel il-priedka hemm ukoll.  Ara dan il-povru tifel x’lejl imqajjem kien jagħmel!

 

Għeluq

llum il-ġurnata ma għadux isir tagħlim fil-kappella ta’ Bengħajsa mis-soċi tal-Museum, għax it-tfal li joqogħdu hemm illum naqsu ħafna, tant li kważi tgħoddhom fuq ponot subgħajk.  Biss, iż-żerriegħa li żera’ Dun Ġorġ Preca f’Bengħajsa kibret u għadha tagħmel il-frott.  Dan jixhdu l-gruppi ta’ soċi tal-Museum minn diversi fergħat li minn żmien għal żmien ifittxu l-Kappella tal-Kunċizzjoni biex jagħmlu xi laqgħat jew irtiri.

Naħseb li fil-kitba tiegħi tajt stampa, kemm jista’ jkun ċara, ta’ meta l-Beatu Dun Ġorġ Preca kien jiġi f’Bengħajsa u l-konnessjoni tas-Soċjetà tal-Museum mal-Kappella tal-Kunċizzjoni.  Nagħlaq billi nirringrazzja lin-nies ta’ Bengħajsa li minn għandhom sibt kull għajnuna.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: