Skip to content

Notamenti Storiċi ta’ Wirt Kulturali Arkeoloġiku f’Birżebbuġa.

 

Notamenti Storiċi ta’ Wirt Kulturali Arkeoloġiku f’Birżebbuġa.
kitba ta’ Michael Balzia
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 2003.

 

stampa

caption

 

Ftit noti qosra fuq il-kontroversja tat-Tempju ta’ Melqart u Rovini kemm ta’ Borġ In-Nadur u l-Villa Rumana ta’ Kaċċatura.

 

It-Tempju ta’ Melqart (Erkole)

  1. L-ewwel persuna li tkellem fuq dan it-tempju kien il-ġeografiku Ptolomew (196 A.D.) li ta l-ewwel lonġitudini u latitudini tiegħu.  Skond Ptolomew, il-latitudini tiegħu kien ta’ 38 grad u 45 minuta filwaqt li l-lonġitudini kien ta’ 34 grad u 5 minuti.
  2. L-awditur tal-Gran Mastru L’lsle Adam, J.Quintinus li ra l-fdalijiet tat-tempju fl-1528, kiteb li dan it-tempju kellu ċirkomferenza ta’ tliet mili u li Ptolomew kien poġġa lill-maqdes f’dik il-parti ta’ Malta li tinsab fix-Xlokk (fil-port ta’ Marsaxlokk).  Waqt li qabel ma’ Ptolomew, huwa kompla jgħid li r-rovini kienu jikkonsistu f’ħaġar kbir u ta’ ċerta ħxuna.
  3. Jidher li Quintinus, kien qiegħed jirreferi għall-fdalijiet tat-Tempju ta’ Żmien il-Bronż f’Borġ in-Nadur u possibilment seta’ nkluda wkoll il-fdalijiet f’Tas-Silġ, xi żewġ kilometri ‘l bogħod.  Kemm Fazello kif ukoll Haxac (Manuskritt Nru. 465 tal-Bibljoteka Nazzjonali) jaqblu li t-Tempju ta’ Melkart kien fejn illum hemm il-fdalijiet ta’ Borġ in-Nadur.
  4. L-istoriku Malti Gan Franġisk Abela jikteb li t-Tempju ta’ Erkole kien jinstab f’Tas-Silġ.  Dan jikkonfermah il-Konti Gian Antonio Ciantar. Pero’ B. Niderstedt (Malta Vetus et Nova) li kiteb ftit tas-snin biss wara Abela, jikkonferma t-teorija li t-Tempju ta’ Melkart kien fil-Bajja ta’ San Ġorġ.  L-istoriku Għawdxi Gian Piet Agius de Soldanis, fil-kitba tiegħu ta’ l-1769 fuq l-istatwa ta’ Erkole, jikkoreġi lil Niderstedt u jgħid li din instabet ħdejn il-Kappella tal-Madonna f’Tas-Silġ f’Marsaxlokk.
  5. Jean Houel waqt li jikkonferma li t-Tempju nstab f’Tas-Silġ, mal-kitba tiegħu ta litografija ta’ ħajt kbir ta’ ġebel imdaqqas u jgħid li dan il-ħajt kien jifforma parti mit-Tempju ddedikat lill-alla Erkole.
  6. Fil-bidu tas-Seklu 19, Onorato Bress kien għadu bejn ħaltejn fejn jinstab dan it-tempju.  Waqt li fuq naħa jiddeskrivi l-ġebel kbir u jinċità lil Quintinus u Fazellus, min-naħa l-oħra jiddeskrivi l-litografija ta’ Houel u jinċita’ lil Abela u Ciantar.
  7. Lejn l-aħħar tas-seklu 19, A.A. Caruana jerġa’ jdur għat-teorija li t-Tempju ta’ Melqart jinstab fil-Qala ta’ San Ġorġ u jiddikjara li t-teorija ta’ Houel hija żbaljata.  Il-Ġermaniż Albert Mayr iddikjara li t-Tempju ta’ Borġ in-Nadur huwa preistoriku u li t-Tempju ta’ Melqart kien jinstab fuq il-Għolja tas-Silġ.
  8. Gatt Rutter iddikjara li “At the top of the hill above the bay (ta’ San Ġorġ) once stood the temple of Hercules”.
  9. L-istoriku Gian Antonio Ciantar fl-1772 kiteb li xi bronż ta’ żmien il-Feniċi li kien jintuża bħala ċappetti tal-bibien tat-Tempju ta’ Melqart ittieħed sabiex minnu ssir qanpiena li tinsab fil-Knisja Kolleġġjali ta’ San Lawrenz fil-Birgu.

 

Fdalijiet Rumani f’Ta’ Kaċċatura

  1. Il-Villa Rumana (Punika) li tinsab fix-Xagħra tal-Kaċċatura (Ta’ Medwiet) hija villa tal-kampanja.  Hija tinsab fil-Lbiċ ta’ Għar Dalam.
  2. L-ewwel skavi saru fl-1881, għalkemm munita ta’ żmien il-Gran Mastru Pinto (1741-1773) li kienet instabet qalb l-iskavi ndikat li dawn setgħu bdew qabel.
  3. F’Mejju, 1915, taħt is-superviżjoni ta’ Dr Thomas Ashby, assistit minn Sir Temi Żammit, mgħejjun finanzjarjament minn Sir Rennell Todd, l-ambaxxatur Ingliż f’Ruma, Mrs. A.W. Van Buren (Miss E.M. Douglas), studenta tal-’British School of Archaelogy – Rome (din ikkatalogat il-fuħħar kollu li nstab), l-iskavi setgħu jissuktaw.
  4. L-iskavi ta’ qabel is-sena 1915 kienu kixfu parti kbira mill-’peristillum’.  Dr. Filippo Vassallo kien għamel xi abbozz ta’ pjanta ta’ l-iskavi tas-sena 1881 (dawn saru taħt is-superviżjoni ta’ A.A. Caruana) u fihom inkluda xi partijiet tan-naħat t’isfel tal-bini kif ukoll il-ġiebja.  Dawn il-pjanti kienu nstabu minn Sir Temi Żammit.
  5. Il-Villa kienet tikkonsisti minn ‘peristilium’ idawwar minn 16-il kolonna, taħtu bir imqatta’ fil-blat imdawwar minn kmamar għal użu ieħor.  Wara l-’peristilium’ kien hemm taraġ li kien jieħu għal kmamar oħra.  Bir ieħor, f’forma ta’ qanpiena kien jilqa’ fih l-ilma żejjed tal-bir li tkellimt fuqu qabel.  Permezz ta’ kanali fil-blat samm, dawn iż-żewġt ibjar kienu jingħaqdu ma’ ġiebja xi 40 pied ‘il bogħod.
  6. Fuq din il-ġiebja kiteb Dr. Cesare Vassallo fil-ktieb tiegħu ‘Dei monumenti antichi del Gruppo di Malta (cenni storici)’ – 1876 li kien tal-fehma li l-ġiebja kienet punika (ta’ Żmien il-Feniċi).  Minħabba din kienet mimlija bit-terrapin (dan tneħħa fuq l-insistenza ta’ Salvatore Cachia Zammit) huwa ma setax jikkalkula l-għoli tagħha.
  7. Barra l-bini, imma mhux ħafna bogħod fuq in-naħa tal-Majjistral, hemm speċi ta’ vojt fil-blat li jidher li kien qiegħ ta’ ġiebja li fiha kien jinħażen l-inbid jew iż-żejt.
  8. F’Settembru tas-sena 1893, inbena ħajt sabiex jippriserva l-ġiebja.
  9. Fi żmien il-Gwerra (1940-43), din il-villa sofriet xi ħsarat minn ‘direct hit’ fosthom:- inqalgħu xi ġebel ta’ ħitan qodma, l-art ta’ waħda mill-kmamar sfrondat, il-kolonni li kienu jiċċirkundaw il-‘peristilium’ waqgħu, kif ukoll kien hemm ħsarat fl-’impluvium’ kif ukoll fil-ġiebja.  Dawn ġew irranġati wara li għaddiet il-Gwerra.
  10. Ftit ‘il bogħod mill-Villa hemm qabar imħaffer fil-blat.
  11. Fil-post magħruf bħala n-Nwadar fl-inħawi ta’ Bengħisa nstab ħajt li jidher li kien jagħmel parti minn Villa Rumana.

 

Borġ In-Nadur

  1. Għalkemm Borġ in-Nadur litteralment tfisser ‘fortizza fuq għolja’, il-kumpless fih innifsu jikkonsisti f’bini ta’ diversi fażijiet tal-preistorja Maltija:- dak megalitiku, dak ta’ żmien ir-Ramm kif ukoll ta’ żmien il-Bronż.
  2. Jinsab bejn Wied Dalam u Wied Saptan u jinkludi madwar żewġ ettari (hectares) ta’ art.  F’Borġ In-Nadur, insibu bini megalitiku li jikkonsisti minn bitħa kbira ovali (madwar 28.5 metri mit-Tramuntana u 16.5 metri mill-Punent għal-Lvant bid-dħul għaliha fin-nofs tal-faċċata li tħares lejn il-Lvant).  L-intrata hija monumentali, xi 3 metri wiesgħa.  Fuq in-naħa tal-punent hemm daħla żgħira li tagħti għall-bini fit-tond.  Lejn it-Tramuntana tal-bieb monumentali jinstab dolmen fil-fortifikazzjoni ta’ Borġ in-Nadur hemm u ħaġra kbira wieqfa (the great upright).  Skond Dr. Margaret A. Murray, dan il-bini seta’ intuża aktar tard minn ċiviltajiet oħra.
  3. Bejn is-snin 1922-1927, Dr. Margaret A. Murray għamlet xi skavazzjonijiet ta’ żmien il-Bronż.  Dawn ġew ippubblikati fi tliet kotba bl-isem ta’ “Excavations in Malta” – 1923-1929.
  4. Għalkemm magħruf probabilment mis-16-il seklu (żmien il-Kavallieri), ħadd ma kien ta każ tiegħu.  Xi skavazzjonijiet setgħu saru qabel l-1881, iżda dawn intilfu maż-żminijiet.  Xi ħjiel żgħir dwaru jinstab fil-kitba ta’ Gian Franġisk Abela (1647), Abela e Ciantar (1771), Houel (1798), Vassallo (1851 u 1876) fejn dan ta disinn tad-fdalijiet kemm ta’żmien il-Bronż kif ukoll ta’ żmien ir-Ramm li kienu jidhru dak iż-żmien, A.A. Caruana (li għalkemm fi żmienu sar xi studju, dan qatt ma nstab) u Mayr (1901).  Fis-sena 1959, Trump għamel xi skavazzjonijiet ġodda u sab xi għarajjex ovali li wrew li wara l-ħajt fortifikat kien hemm speċi ta’ Ċittadella.
  5. Is-sur ta’ Borġ in-Nadur (c.1450 Q.K.) huwa ta’ żmien il-Bronż u huwa tip ta’ bini magħruf bħala ‘Cyclopean’.  Huwa twil madwar 60 metru u l-għoli tiegħu jvarja bejn wieħed u ieħor minn 3.5 sa 4.5 metri u l-wisgħa 1.5 metri.  Huwa magħmul minn ħaġar li jvarja bejn 2.2 metri u 0.7 metri, imqiegħed mingħajr ebda tikħil jew lavur.
  6. Quddiem fejn xi darba kien hemm id-daħla għall-fortizza jidhru raddi tar-roti (Cart Ruts) ħerġin ‘il barra lejn il-wied.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: