Skip to content

Notamenti Storiċi fuq xi Siti Arkeoloġiċi li wieħed isib f’dan ir-raħal ta’ Birżebbuġa.

 

Notamenti Storiċi fuq xi Siti Arkeoloġiċi li wieħed isib f’dan ir-raħal ta’ Birżebbuġa..
kitba ta’ Michael Balzia.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2002.

 

 

.

caption

 

Għar Dalam

  • Għar Dalam huwa għar naturali li jinsab fit-triq li minn Bir id-Deheb tieħu għal Birżebbuġa, xi 550 metru ‘1 bogħod mill-Bajja ta’ San Ġorġ
  • Jinsab xi 15.5 metru ‘1 fuq mill-baħar u huwa twil 145 metri li 80 metru biss huwa aċċess għall-pubbliku.
  • Huwa fforma lejn l-aħħar tal-perjodu msejjah “Pleistocene” (Żmien is-Silġ) madwar 130,000 sena ilu u jinstab imħaffer fis-soluzzjoni tal-franka (karst phenomena).
  • L-attrazzjonijiet speċjali ta’ dan l-għar huma:- a) saffi ta’ depożiti ta’ l-annimali li kienu jgħixu fi żmien l-“Ice Age” u b) Stalagmiti u Stalaktiti.
  • Malta qatt ma kellha “Ice Age”, iżda dan il-perjodu fl-Ewropa Ċentrali li dam madwar 1 sa 2 miljun sena influwenza lil Malta billi ġab xita kontinwa u b’hekk iffurmaw il-widien. Meta fi żmien l-“Ice Age”, ix-xmajjar saru silġ, il-livell ta’ l-ilma tbaxxa u dehru dawk li nsejħulhom “Pontijiet ma’ l-Ewropa” u xi ftit ma’ l-Afrika tat-Tramuntana. Nistgħu ngħidu fiċ-ċert li Malta kienet magħquda ma’ l-Ewropa iżda hemm dubju jekk kinetx magħquda wkoll ma’ l-Afrika.   L-annimali li nstabu f’Għar Dalam huma kollha Ewropej inklużi l-iljunfanti.   Fi Trafalgar Square, Londra, kien instab għadam ta’ dan l-annimal. Wara, meta kollox ġie għan-normal, il-livell ta’ l-ilma għola mill-ġdid u Malta saret gżira.
  • Għar Dalam huwa formazzjoni ta’ żewġ għerien, wieħed faċċata ta’ l-ieħor, b’Wied Dalam jifridhom.  F’dan l-għar, insibu stalagmiti (speċi ta’ kolonni li jitilgħu mill-art) u stalaktiti (speċi ta’ kolonni neżlin mis-saqaf). Dawn huma magħmulin minn soluzzjoni ta’ franka u ilma (bħall-ġebla tal-kitla) li ħadu eluf ta’ snin sabiex jiffurmaw.
  •  F’Għar Dalam insibu 6 saffi ta’ depożiti.   Dawn huma:- (mill-qiegħ nett):- a) “Bone free Layer” (ħxuna ta’ c. 180 ċentimetri), magħmul minn ġebel iebes u jinstab eżatt fuq iż-żonqor; b) “Hippopotamus Layer” (ħxuna ta’ c. 70-127 ċentimetru) u magħmul minn saff ta’ l-għadam ta’ l-iljunfanti: c) Ċagħaq u ġebel żgħir bi ħxuna ta’ c 25 sa 45 ċentimetru; d) saff ta’ għadam taċ-ċriev, ors kannella, lupu aħmar u volpi (Cervus Layer), ħxuna ta’  165 sa  185 ċentimetru: e) saff ta’ ġir (Calcareous Sheet) bi ħxuna ta’ xi 2.5 ċentimetri u f) saff ta’ għadam ta’ annimali domestiċi, fuħħar, wadab, żniet u ornamenti personali. Dan is-saff huwa wiesa’ xi 74 ċentimetru.
  •  Fl-1917, waqt tħaffir fiċ-“Cervus Layer”, instabu żewġ dras li l-iskoperta tagħhom kienet qajmet polemika jekk qattx il-bniedem “Neanderthal” għix f’Malta.
  • Għar Dalam jissemma l-ewwel darba fl-1647 minn Ġann Franġisk Abela.
  • Beda jiġi skavat fl-1865 minn Arturo Issel (Ġenoviż 1842-1922). Dakinhar kien instab fdal ta’ iljunfant kif ukoll fuħħar.
  • Fl-1892, John Hnery Cooke kompla jiskava l-“Hippopotamus Layer”.
  • Giuseppe Despott flimkien ma’ Dr J.G. Baldacchino u George Sinclair skavaw l-għar fis-sena 1922.
  • Fl-1930, inbena mużew sabiex fih jippriservaw il-fdalijiet. Infetaħ għall-pubbliku f’Marzu 1933.
  • Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija (1940-43), l-ewwel beda jintuża bħala xelter mir-residenti tal-qrib, imbagħad fl-1 ta’Ottubru 1940, kien rekwiżizzjonat mis-Servizzi Ngliżi sabiex wara beda jintuża bħala ‘store’ għall-“Aviation Fuel”.  Infetaħ għat-tieni darba fl-1 ta’ April, 1947.
  • Sfortunatament misruq fil-lejl bejn is-7 u 8 t’April, 1980.
  • Dan l-aħħar ġie mkabbar billi nbniet estensjoni ġdida tal-mużew. Dan għadu ma ġiex inawgurat.

 

Għar Ħasan

  • Għar Hasan jinstab fin-Nofsinhar ta’ Malta imdawwar minn Birżebbuġa, Kalafrana u Ħal Far.  Huwa jinstab madwar 60-120 metru ‘1 fuq mill-baħar.  L-aċċess għalih sar fil-bidu tas-seklu 20.
  • Kemm J.P. Badger, fl-1838, Cooke fl-1891 kif ukoll Evans, 1900 (li rraporta li f’dan l-għar kien hemm nixxiegħa li kienet tiġbed lejha diversi tajr) kitbu fuq id-diffikultajiet li kienu jħabbtu wicchom magħhom dawk kollha li xtaqu jżuru dan l-għar.
  • Deskrizzjonijiet oħrajn ta’ l-għar insibuhom fil-kitbiet ta’ Pearce (1967) u Anati (1990). T.R. Shawn fis-snin 50 ta deskrizzjoni dettaljata ta’ dan l-għar u nkluda wkoll pjanta.
  • Fid-daħla ta’ l-għar wieħed jiltaqa’ ma’ tlett passaġġi, distinti minn xulxin, b’dak tal-lemin iwassal l-esploratur għal tieqa fuq il-baħar xi 60 metru ‘1 ġewwa mill-entratura ta’ l-istess għar.  B’kollox jekk wieħed jgħodd il-passaġġi kollha, dawn bejn wieħed u ieħor jammontaw għal 425 metri.
  • Il-fawna f’dan l-għar hija fqira. Fih instabu xi friefet il-lejl u kwalita’ ta’ susa.
  • Fuq naħa waħda ta’ Għar Ħasan hemm blata kbira li jsejħulha ‘Il-Mara’ għax għandha għamla ta’ mara b’tarbija f’idejha. Fuq in-naħa l-oħra tidher Filfla.
  • Fi żmien il-Gwerra (1940-43), Għar Ħasan serva bħala xelter għan-nies ta’ l-inħawi.
  • L-ewwel darba li Għar Hasan jissemma fid-dokumenti huwa Atti Notarili li jġib is-sena 1517.  Huwa mniżżel bħala gar ilhasan. Għalkemm l-isem huwa marbut mas-Saraċin li seraq tfajla Maltija u żammha fl-għar miegħu, il-kelma ħasan bl-Għarbi tista’ tfisser post inaċċessibbli jew saħansitra żiemel.
  • Għar Hasan jissemma minn Ġann Franġisk Abela meta jgħid li f’dan l-għar kien hemm għadira li minnha kienu jixorbu diversi tajr tas-sema.
  • Bosta huma dawk il-kittieba li kitbu fuq il-leġġenda tiegħu, fosthom Aldo Farini (Arnaldo Fabriani), Patri Manwel Magri u Victor Fenech.
  • Peress li hija leġġenda, it-tmiem ta’ l-istorja jvajra:- a)      waqt li kien qiegħed jniżżel ix-xbejba, ssikkat mill-Maltin, Hasan telaq il-ħabel u wara qabeż warajha; b)     wara li x-xbejba rnexxielha tidrob lil Ħasan bi stallett, dan waqt li kien jitkagħweġ bl-ugieġħ, ġibed lit-tfajla u t-tnejn spiċċaw isfel; c) ix-xebba rnexxielha toqtol lil Hasan waqt li kien rieqed, irnexxielha taħrab u tmur lura għand niesha.

 

 

Għar Friefet

    • Dan l-għar li jinstab fil-bidu tat-Telgħa tal-Geru`. Illum huwa magħluq b’kanċell taħt żewġ blokki ta’ appartamenti fil-wesgħa fejn jiżbokkaw Triq Għar Dalam u Triq F.M. Ferretti.
    • Dan l-għar huwa maghruf l-aktar għall-kolonja ta’ friefet il-lejl li jżomm fih. Huwa wiesa’ madwar 25 pied u fond mal-150 pied jew aktar.
    • F’Lulju  1963, tim mill-R.A.F. Luqa. taht id-direzzjoni ta’ S.A.C. J.E. Thomason sabu daħla oħra fl-istess għar u fiha nstab xi fuhħar preistoriku (era ta’ Borġ in-Nadur).
    • Xi wħud huma tal-fehma li dan l-għar jinfed ma’ dak ta’ Għar Dalam.
    • Fil-bidu ta’ l-aħħar gwerra (madwar is-sena 1940), dan l-għar kien jintuża bħala xelter min-nies ta’ dawk in-naħat.
    • Madwar kull għar tinbet dejjem xi leġġenda.  F’Għar Friefet jgħidu li kien jgħix serp kbir iswed li ġieli kien joħroġ u jiekol l-annimali ta’ l-irziezet tal-qrib.

  

Għar in-Ngħaġ

  • Dan l-għar jinsab fit-tarf ta’ Wied il-Mixta, xi nofs mil mill-Fortizza ta’ Bengħisa.
  • Il-bokka ta’ l-għar hija madwar 1.5metru għoli u wiesa’ xi 3 metri.  L-għar huwa twil madwar 10.5 metri u jiftaħ fid-direzzjoni tat-Tramuntana.
  • L-ewwel skavazzjonijiet fih saru fl-1936 minn Sir Temi Żammit, bl-għajnuna ta’ J.G. Baldacchino wara li fil-bidu ta’ dik is-sena kienet inġibdet l-attenzjoni lill-Awtoritajiet tal-Mużew li fih kien instab xi fdal uman.
  • F’dan l-għar instabu tlett saffi ta’ depożiti.  L-ewwel wieħed, xi 0.75 metri ħxuna kien jikkonsisti minn ħamrija ħamra mħallta ma’ ġebel u fiha nstab xi fuħhar puniku.   It-tieni saff magħmul minn trab ta’ kulur bejn griż u aħmar, kellu fih biċċiet ta’ franka maħruqa.  L-għoli ta’ dan is-saff kien bejn wieħed u ieħor ta’ 0.30 metri. F’dan is-saff instab xi fuħħar preistoriku u materjal ieħor, inkluż għadam ta’ l-annimali. Xi biċċiet ta’ faħam maħruq instab ukoll f ‘dan is-saff. Barra minn hekk, xi metru ‘1 bogħod mid-daħla ta’ l-għar instab fuklar.  It-tielet u l-aħħar saff, madwar 1.10 metri ta’ ħxuna kien magħmul minn ramel, li fih ma kien hemm ebda fdalijiet ta’ importanza.
  • Il-fuħħar tat-tieni saff kien ta’ Żmien ir-Ramm, Mġarr, Ġgantija u Tarxien.  L-għadam maħruq li instab fil-fuklar kien tan-ngħaġ u ħanżir. Hawnhekk instab xi arzell tajjeb għall-ikel.

 

Menhirs u Dolmens

  • Il-Menhir ta’ Ħal Far, dik li llum jinstab quddiem l-E.T.C. kien jinstab wara l-Kappella ta’ Sant’Anġlu ta’ Ħal Far. Il-wisa’ tal-bażi huwa ta’ 1.67 metri u l-ħxuna hija ta’ bejn wieħed u ieħor ta’ 0.61 metri. Huwa għoli 2.89 metri.
  • Id-Dolmen ta’ Wied Żnuber, induna bih il-Professur Napuljun Tagliaferro li nforma lil Sir Temi Żammit u dan inkludih fil-“Museum Annual Report” tas-snin 1913-14.  Il-ġebla msaqqfa tikkonsisti minn ħaġra kbira li hi twila 3.66 metri u wiesa’ 1.83 metri bi ħxuna ta’ 0.915 metri.
  • Id-Dolmen ta’ Borġ in-Nadur (Dolmenic Niche) tinsab daqs 70 metru fuq il-majjistral tal-ħajt fortifikat ta’ Borġ in-Nadur.   Hija twila 4.05 metri, wiesa’ 2.10 metri u ħoxna minn 0.45 metri sa 0.60 metri.
  • Birżebbuġa Dolmen kien jinsab fuq il-Majjistral ta’ Borġ in-Nadur u fuq ix-Xlokk tal-Villa Rumana fi triq li mill-Brolli tieħu lejn Ħal Għaxaq. In-niċċa tikkonsisti fi tlett ħaġriet xi 1.07 metri wiesa’, 1.37 metri għoli u ħxuna ta’ madwar 0.84 metru.  Il-blata ta’ fuq hija nieqsa.

 

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: