Skip to content

L-Edukazzjoni u l-Iskola f’Birżebbuġa (1940-2000) (It-2 Parti)

 

L-Edukazzjoni u l-Iskola f’Birżebbuġa (1940-2000) (It-2 Parti)
kitba u riċerka ta’ Michael Balzia
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2001.

 

stampa

caption

 

Fi żmien il-Gwerra

Hekk kif f’Ġunju 1940, faqqgħet il-gwerra f’Malta, ħafna mill-iskejjel kellhom jagħlqu,  fosthom  dik  ta’ Birżebbuġa (1)  Fis-sena 1943 din kienet tinsab imqassma fi tlett lokalitajiet:- fid-dar tas-Sorijet, jiġifieri Nru 3, Curate Fenech Street (2), f’dar Nru. 9 fl-istess triq (din id-dar inkriet mill-Gvern mingħand Joseph Vella mir-Rabat sa minn Diċembru  1942) (3) u żewġt ikmamar tas-sagristija tal-Parroċċa (Stds I u II) mislufa mill-kappillan Dun Anġ Fenech sa mill-bidu tal-Gwerra (4). Sister G. Antida Busuttil (5) u Sister Euphrosina Briffa (6) kienu fost l-aġenti-kapijiet li mexxew l-iskola f’dan iż-żmien ta’ qerda.   Peress li Birżebbuġa flimkien mal-Kottonera, Kalkara, San Pawl il-Baħar, Wardija u Wied il-Għajn kienet ikkunsidrata bħala post fejn wieħed ma setax jabita, l-għalliema kienu jingħataw kumpens fuq it-trasport (7). Meta bdiet tbatti l-Gwerra, nhar l-1 ta’ Settembru, 1943, l-R.A.F. irritorna lura l-iskola tax-Xatt (8), post li kien ingħata lis-Servizz fl-10 ta’Marzu, 1941 (9)

Meta, wara l-gwerra, il-popolazzjoni ta’ l-istudenti f’Birżebbuġa bdiet tikber mhux ħażin, inħasset il-ħtieġa li l-iskola titkabbar. Nhar il-17 ta’ Diċembru, 1945, l-awtoritajiet tar-‘Royal Air Force’ għaddew lid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni – b’permezz tal-familja Sant – dar Nru 51, Pretty Bay, li kienet qieħda iservi bħala ‘store’, u magħrufa bħala ‘Ħal Far Barrack Store’ (10). Din id-dar, illum imwaqqa’, kienet tinsab bejn il-‘Claridge Hotel’ u r-‘Red House\L-iskola, ‘B’Buga Boys’ Primary School’ (il-bniet flimkien ma’ l-infants baqgħu fejn hemm illum is-‘Sea Breeze Hotel’) kellha sitt klassijiet u bdiet tiffunzjona bħala tali min-nhar id-9 ta’ Ottubru, 1946 (11). L-ewwel surmast ta’ l-iskola l-ġdida kien Joseph Mifsud Bonnici, li fi żmien il-gwerra kien serva bħala t-tieni ‘protection officer’ tal-lokal (12).

 

B’Buġa Boys’ Primary School

Ftit wara li bdiet tiffunzjona din l-iskola, nhar l-4 ta’ Lulju, 1947 saret il-konsagrazzjoni tagħha lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ u lill-Qalb Safja ta’ Marija (13). L-Arċisqof ta’ Malta,  Mons. Sir Michael Gonzi, M.B.E. inkluda din l-iskola fil-Vista Pastorali li huwa kien qiegħed jagħmel f’Birżebbuġa nhar id-19 ta’ April 1947 (14).  L-iskola għaddiet f’idejn Reginald Vella Tomlin (15) fil-15 ta’ Settembru, 1948 meta s-surmast ta’ qabel beda jaħdem fid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni (16). Taħt dan is-surmast, l-iskola ħarġet ‘The Hawk’ (9 ta’ April 1953) (17), editur James Rizzo, flimkien ma’ bord kien jinkludi lis-Surmast. Miss M. Spiteri, Mr. J. Micallef Azzopardi u Mr W. Cachia (18) u kellha żjara mill-Gvernatur Sir Gerald Creasy u s-Sinjura tiegħu fl-20 ta’ Novembru. 1950 (19).  Mons. Mikiel Gonzi reġa’ żar din l-iskola fil-5 ta’ Ġunju. 1956 (20) kif ukoll nhar il-15 ta’ Diċembru 1970 (21), meta l-iskola kienet diġa` bdiet tiffunzjona minn fejn tinsab illum.

Fis-27 t’April. 1955, id-Direttur Edukazzjoni żar l-iskola u talab lis-Surmast jekk kienx jaf b’xi dar b’sitt ikmamar, tajba. Sabiex tkun tista’ tintuża bħala estensjoni ta’ l-iskola (22).  Fit-19 ta’ Awissu sar il-ġarr ta’ affarijiet ta’ ħames klassijiet għall-M.U.S.E.U.M. (subien) mill-iskola tal-bniet Tlett ijiem wara, mill-iskola tas-subien nġarru bankijiet u affarijiet sabiex setgħu jintramaw 6 klassijiet (23).  Pero’ dan il-post kien temporanju għaliex nhar it-2 ta’ Settembru, 1955, Vella Tomlin ingħata ċ-ċavetta tal-post magħruf bħala ‘Smiling Prince’, Nru 20/21, Pretty Bay, fejn illum hemm il-‘Malta Labour Party (24). Meta nbniet l-iskola l-ġdida, dan il-post tbattal u fl-4 ta’ Diċembru, 1957 ic-ċwievet ingħataw lir-‘Reconstruction and Housing Secretary’. Wara beda jintuża mid-Dipartiment tat-Telefon (25).

Fit-3 t’Ottubru, 1955, Reginald Vella Tomlin ħalla l-kariga ta’ l-iskola f’idejn Salvu Farrugia.  Huwa kellu taħt idejh 16-il klassi: 10 Primarja u 6 klassijiet ta’ l-‘infants’.  Disa’ klassijiet kienu jinstabu f’90 Pretty Bay u s-sebgħa l-oħra fi 21/22 (26).

 

Skola tal-Bniet 1945-1958

Nistgħu ngħidu li l-iskola tal-bniet, dik li qabel kienet magħrufa bħala ‘B’Buġa Mixed School’ segwit il-passi ta’ l-iskola tas-subien kemm fi żjarat ta’ persuni distinti kif ukoll fl-amministrazzjoni inġenerali. Fis-sena 1955, l-iskola kellha 15-il klassi: 14 kienu jinsabu f’dik ċentrali, Nru 114, Pretty Bay u oħra f’kamra Nru 39, Żebra Street (post li kien jappartjeni lill-Fergħa Nisa tal-Azzjoni Kattolika). F’din il-klassi kien jattendu 22 studenta (27).  Il-kapijiet ta’ din l-iskola wara l-gwerra kienu Amelia M. Agius Gerada (sas-sena 1949), Miss Nellie Jones (1949-1952), Mary Spiteri Fiteni (1952-1958) (28).  Il-problema tat-tfal ta’ Bengħisa kienet ilha tinħass.  Fil-15 ta’ Marzu 1951, Gaetano Cauchi, spettur ta’ l-iskejjel għamel żjara fl-iskola sabiex tiġi diskussa u riżolta din il-problema. Peress lin-numru tat-tfal li kienu jiġu minn dawn in-naħat kif ukoll min-naħat ‘Tal-Papa’ kien żgħir, u l-etajiet imħalltin, l-ispettur ma kienx tal-fehma li tinfetaħ skola ta’ l-‘infants’ hawnhekk.  Fit-18 ta’ Frar, 1965 ġie deċiż li jinbeda servizz ta’ trasport minn dawn l-inħawi għall-iskola primarja (29).  L-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Ġużeppi Mercieca żar din l-iskola nhar id-9 ta’ Mejju, 1977 (30).

 

Skola ġdida

Fil-Gazzetta tal-Gvern tad-29 ta’ Novembru, 1955, il-Gvern b’permess ta’ l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet għal Skopijiet pubbliċi (Kapitolu 136) ħa l-art sabiex f’Birżebbuġa tinbena skola ġdida (31). Is-sit magħżul jinstab bejn Triq San Mikiel, Triq Santa Katerina u Triq il-Knisja. Il-pjanti tħażżu mill-Perit Joseph Borg Grech, A. & C.E. Skond il-pjanta ta’ Borg Grech, l-iskola kellha tinbena fuq żewġ sulari u fiha tliet sezzjonijiet bi tnax-il klassi kull sezzjoni għas-subien, bniet u tfal żgħar, b’kollox 36 klassi. II-pjanta ta’ din l-iskola kienet taħseb ukoll għall-bini ta’ sala kbira tal-laqgħat imgħammra b’palk u ‘dressing rooms’, gymnasium, ħanut tax-xogħol, librerija u kamra għall-eżami mediku.  Biċċa xogħol ta’ min isemmi f’din l-iskola hija l-bini ta’ akkomodazzjoni sanitarja għal kull tliet klassijiet (32). Naturalment matul iż-żminijiet il-pjanta kif ukoll il-klassijiet kienu modifikati skond il-ħtieġa. Fit-12 ta’ Mejju, 1999 ngħata permess sabiex l-iskola fuq il-pjanta tal-Perit Chris Cachia, f’isem Cachia & Formosa, tibni 4 t’ikmamar sabiex iservu għal tliet jew erba’ klassijiet, 4 faċilitajiet sanitarji u 3 intrajjet, b’total ta’ 628 metri kwadri (33).

L-iskola bdiet timtela gradwalment. L-ewwel li daħlu fiha kienu s-subien billi nhar il-21 ta’ Settembru, 1956 ġew okkupati l-ewwel 5 klassijiet fl-iskola l-ġdida (34). Sadattant il-bniet, fl-1 t’Ottubru, barra l-iskola tax-Xatt okkupaw 91, Pretty Bay (fejn qabel kien hemm is-subien).  Hawnhekk, Reginald Vella Tomlin, li beda jokkupa mill-ġdid il-kariga ta’ surmast sa mis-17 ta’ Settembru, għadda lill-‘Headmistress’ il-klassijiet kollha ta’ l-‘infants’ u żamm 12-il klassi (5 fl-iskola l-ġdida u 7 fl-‘Smiling Prince’). Sena wara, eżattament nhar is-16 ta’ Settembru, 1957, l-iskola tas-subien daħlet kollha fl-iskola l-ġdida u l-post ‘Smiling Prince’ ġie vakat (35).

Nhar is-6 ta’ Novembru, 1958, għal xi l-erbgħa neqsin kwart ta’ wara nofsinhar, maltempata għamlet ħsara konsiderevoli kemm fl-iskola tax-xatt kif ukoll fir-‘Red House’, liema skejjel kienu okkupati mill-bniet. It-tfal qabadhom paniku kbir waqt li l-ġenituri talbu bil-ħerqa lill-awtoritajiet sabiex uliedhom jiġu trasferiti għall-iskola l-ġdida. Għalkemm, l-iskejjel kienu dikjarati abitabbli mill-periti, fi żmien jumejn beda l-ġarr għall-iskola l-ġdida (36). L-ewwel ġurnata Ewkaristika nżammet fl-iskola l-ġdida nhar it-30 ta’ April, 1959 (37).

Reginald Vella Tomlin, barra li kien akkademiku, kien ukoll kittieb magħruf kif ukoll mużiċist.  Fl-1958 huwa kkompona l-innu “Innu Għat-Tfal ta’ Birżebbuġa” (38). Illum l-iskola għandha innu ieħor bi kliem ta’ Carmen Francalanza u mużika ta’ M’Anne Żammit (39). L-istess Carmen Francalanza għamlet id-disinn tal ‘badge’ ta’ l-iskola li ġie mniedi nhar id-9 ta’ Jannar, 1996 (40).  Fil-qasam sportiv, l-iskejjel ma tantx kellhom suċċess. Pero’, kif ighid il-Malti: “xi darba tmiss lill-Papa”. Fit-12 ta’ Mejju, 1977, it-team tal-football ta’ l-iskola mmexxi minn Joseph Gambin, teacher, rebaħ fil-final lil ‘Paola Boys’ bl-iskor ta’ 2-0 u rebaħ il-kompetizzjoni tal-‘league’ ta’ l-iskejjel primarji tal-Gvern. It-‘team’ lagħab 7 logħbiet u rebaħhom kollha (41). Il-bniet fit-8 ta’ Diċembru, 1977, min-naħa tagħhom lagħbu fil-final tan-‘Knock Out’ tan-Netball kontra Sliema. Ir-riżultat sfortunatament mhux rrekordjat (42).  L-iskejjel, għalkemm taħt kapijiet differenti baqgħu jaħdmu flimkien taħt saqaf wieħed. Fi Frar 1980, ġie mgħarraf b’permezz ta’ ċirkulari lill-ġenituri li dik l-iskola li qabel kienet magħrufa bħala tal-‘Boys’, l-isem tagħha nbidel għal dak ta’ ‘Primary School ‘B’, fil-waqt dik tal-‘Girls’ kienet se tingħaraf bl-ittra’ A’. Mis-sena skolastika 1980/81, it-tqassim tal-klassijiet sar hekk: Skola Primarja ‘A’ tieħu ħsieb klassijiet magħrufa tal-‘Kindergarten’ u l-Klassijiet mis-sena 1 sas-sena 3 fil-waqt li Skola Primarja ‘B’ tieħu ħsieb klassijiet mir-4 sena sas-sena 6. Dan sar għaliex minn dik is-sena l-iskejjel primarji governattivi bdew ikunu ‘mħallta’: subien u bniet (43).

Nhar il-Gimgħa, 16 ta’ Novembru, 1984, il-Ministru tax-Xogħolijiet u Sport, l-Onorevoli Lorry Sant fetaħ Librerija Pubblika f’din l-iskola (A u B) (44).

Il-kapijiet ta’ l-iskola tal-bniet (fl-iskola l-ġdida) u mbagħad magħrufa bħala Skola ‘A’ kienu:- Gracie Żammit (1958-1961), Josephine Ellul (196l-1984), Katy Abela (1984-1989), Emanuel Ph. Attard (1990) u Charles J. Debono (1990) (45).  Illum din l-iskola għandha l-‘Website’ tagħha (46) u toħroġ żewġ perjodiċi: ‘Naqraw ma’ Buġu’ għat-tfal u ‘Katina’ għall-ġenituri (47). F’Marzu tas-sena 2000, grupp ta’ studenti tat-3 sena ħa sehem fin-‘National Carnival Festivities’ u wara żar u ħa sehem fil-Festival ta’ Folklor Mediterranju f’Souse (Tuneżija). Din l-iskola illum hija msemmija għal Prof. Anton Tabone (48).

Aktar ‘il fuq għidt li Reginald Vella Tomlin reġa’ beda jservi għat-tieni darba bħala surmast ta’ l-iskola tas-subien, din id-darba fl-iskola l-ġdida.  Il-Kapijiet ta’ din l-iskola, iktar tard magħrufa bħala Skola ‘B’ (49) kienu:- Reginald Vella Tomlin (1956-1963), Anton Agius Muscat (1963-1964), Joseph Micallef Azzopardi (1964-1978), Victor Borġ Busuttil (1978-1979), Anton Agius Muscat (1979-1982), Hugh Mercieca (1982-1984), Carmel Ellul (1984-1989), Alfred Żammit (1989-1991), Emanuel Ph. Attard (199l-1992), Carmelina Cassar (1992), Theo Degiorgio (1992-1994), Louis Portelli (1994-1997), Antoinette Psaila (1997-1998), Lina Caruana (1998-2000), Joseph Vella Camilleri (2000), Emanuel Grech (2000-) (50).

Fl-10, 11 u 12 ta’ Novembru 1988 saru l-ewwel elezzjonijiet tal-Kunsilli skolastiċi. L-ewwel president kien Joseph Schembri (51). Meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali, dawn ingħataw id-dritt li jaħtru huma l-President tal-Kunsill. Emanuel Ph. Attard (1994-1996) u Anton Scicluna ( 1996-1997) kienu l-ewwel żewġ presidenti li servew fil-Kunsill li kien jinkludi ż-żewġ skejjel.  Fis-sena 1997, kull skola beda jkollha l-Kunsill tagħha.  Għall-‘School A’, inħatret Mrs Tessie Incorvaja, li għadha fil-kariga sal-lum, filwaqt li għall-‘School B’, Emanuel Ph. Attard kien president bejn 1997 u 1999. Fl-1999, wara r-riżenja tas-Sur Attard, il-Kunsill ħatar lis-Sur Alfred Roberts (52).

 

Skola Sekondarja tas-Subien f’Kalafrana u Skejjel tas-Snajja’.

Fis-sena 1972, is-‘Sea Plane Base’ ta’ Kalafrana li qabel kien f’idejn is-Servizzi Ingliżi, ġie mibdul fi skola sekondarja għas-subien tar-raba’ distrett.  L-iskola kienet tikkonsisti f’24 blokk, tnax minnhom imqassmin fi 32 klassi. Il-blokki l-oħra kienu allokati għal-laboratorji, għall-edukazzjoni fiżika kif ukoll post għall ghalliema u uffiċini amministrattivi. L-iskola kellha ‘ground’ tal-‘football’, tliet ‘tennis courts’u spazju ieħor għal aktar rikreazzjoni (53). L-iskola nfetħet f’Ottubru 1972 b’ 742 student (54).  Din l-iskola ma tantx kellha ħajja, għaliex fis-sena 1976, ittieħdet parti mill-iskola primarja tal-Gvern sabiex tinfetaħ skola tas-Snajja’ tas-Subien (55). F’din l-iskola tas-Snajja’, it-tfal kienu jiġu mgħallma ‘Woodwork, Automobile Engineering’ u ‘Electrical Installation’ kif ukoll ‘Mechanical Engineering’. Minn sena għal oħra, l-iskola bdiet tnaqqas kemm f’dawk li huma klassijiet kif ukoll studenti. Hija bdiet b’167 student imqassmin f’9 klassijiet (l-iskola infetħet fi Frar 1976) (56) u meta twaqqfet f’Ġunju 1983 kien hemm 153 tifel f’9 klassijiet u kienu jitgħallmu ‘New Scheme (Basic),Woodwork’ u ‘Basic Metal Trade’ (57). Hekk kif is-sala prinċipali ta’ l-iskola (din kienet isservi bħala ‘workshop’ u l-palk bħala maħżen) għaddiet mill-ġdid f’idejn l-iskola, din ġiet irranġata u rinovata minn ħaddiema voluntieri. Il-ftuħ uffiċjali tas-‘Sala tal-Voluntieri’ sar nhar it-Tnejn, 28 ta’ Mejju, 1985 mill-Prim Ministru Dr. Karmenu Mifsud Bonnici li kixef lapida fl-entratura tas-sala. Din tbierket minn Dun Frans Schembri, f’isem il-kappillan (58).

L-iskola tas-Snajja’ tal-bniet ‘B’Buga GMs’ bdiet bi 228 studenta mqassma f’10 klassijiet fis-sena 1985 (59). Is-sengħa li kienet mgħallma kienet il-ħjata tan-nisa. Fis-snin ta’ wara, in-numru tal-istudenti kif ukoll tal-klassijiet beda jonqos bil-mod, hekk li meta spiċċat fl-1992, din kienet tikkonsisti f’6 klassijiet b’99 studenta (60). Fis-sena 1988-89, l-iskola ssemmiet ‘Mons. M.Azzopardi’ (61).

 

Skola tas-Sorijiet

Hekk kif qiegħed nitkellem fuq l-edukazzjoni f’Birżebbuġa, ma nistax ninsa qabel nagħlaq, l-iskola tan-nuna li s-sorijiet jgħallmu b’tant żelu lit-tfal żgħar u li diġa’ tkellimt xi ħaġa fuqha fil-ħarġa tal-fuljett tal-festa tas-sena l-oħra. L-ewwel statistiċi uffiċjali fejn wieħed isib imnizzla l-iskejjel privati ta’ Birżebbuġa huma dawk tas-snin 1973-74, meta kien hemm klassi waħda (B’Buga Nursery/Primary) bi 58 tifel u 32 tifla.  In-numru ta’ klassijiet, matul is-snin ivarja bejn waħda u tlieta. Mis-sena 1988-89 sas-sena 1997-98 (barra 1990-91) niltaqgħu ma’ 2 skejjel tan-nuna privati li bejniethom għandhom 2 klassijiet (62).

 

Referenza

  1. The National Archives of Malta (Rabat): CSG – Educ 116/40. Birżebbuġa – The school should not be opened for the present (Valletta7.8.40). Għall-mistoqsija parlamentari li għamel Dr G. Borg Olivier (Nru 467 ta’ 1.10.40), id-Direttur ta’ l-Edukazzjoni wieġeb … ‘ln Malta everything possible is being done to reopen the schools but difficulties to be overcome are numerous as we must see the safety of the children. This implies the provision of adequate shelters. We must also decentralise as it is inadvisable to have many children under one roof especially when the shelter is small. The possibility of strict control during an air raid must also be borne in mind.” (N.A.M.: CSG – Educ 146/ 40).

  2. N.A.M.: CSG – Educ 94/43.  It-total ta’ subien u bniet ‘infants’ mniżżlin fuq din id-dar kien ta’ 230 li minnhom kienu jattendu madwar 177 (Diċembru 1942). Huma kienu akkomodati fi tlett ikmamar bis-sistema ‘half time’.
  3. N.A.M.: CSG – Educ 12/43.
  4. N.A.M.: CSG – Educ 280/43.
  5. N.A.M.: CSG – Educ 12/43.
  6. N.A.M.: CSG – Educ 280/43. Miss Maria Concetta Vassallo kienet is-sinjora fis-sena 1939. (N.A.M.: CSG – Educ 58/39).
  7. N.A.M.: CSG – Educ 268/42.
  8. N.A.M.: CSG – Educ 448/43.
  9. N.A.M.: CSG – Educ 129/42. L-iskola żammet kamra bħala ‘store’. Fl-10 ta’ Lulju, 1942, ġie rrapurtat li nsterqu diversi oġġetti mill-maħżen. Inħatar bord ta’ inkjesta li kien magħmul mill-‘Protection Officer’, l-iskrivana fl-Uffiċċju tal-Protection Officer u s-sinjora ta’ l-iskola bħala segretarja. Fit-18 ta’ Diċembru, 1942, ingħata kumpens ta’ £11.
  10. N.A.M.: CSG – Educ 477/45. Il-kera, £50 fis-sena, (dan kien l-istess ammont li s-Servizzi kienu jħallsu meta kienu jokkupaw il-post) kienet titħallas lil H. Sant, A. & C.E. u Joseph Fedele Sant. LGO 5496/45.
  11. N.A.M.: CSG – Educ 447/45. Log Book.
  12. Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta Nru 8988 tal-11 ta’ Awissu, 1942 p. 642. Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 414.
    N.A.M.: CSG – Educ 108/43. Joseph Mifsud Bonici miet f’Birżebbuġa nhar it-13 ta’ Ġunju, 1959 fl-għomor ta’ 50 sena.
  13. Santa ta’ l-okkażjoni mislufa lili minn Arthur Grima.   Log Book.
  14. AAM (Arkivju Arċiveskovili Malta, Floriana) – Pastoral Visit Papers – 1948, f. 3: Segue visita personale del Clero, Suore. Libri parrocchiali, e scuola. Log Book
  15. Fuq Reginald Vella Tomlin, iben l-istoriku magħruf E.B. Vella, jinstabu diversi bijografiji tiegħu fosthom: Mifsud Bonnici Rob:- Dizzjunarju Bijo-Biblijografu – Dipartiment ta’ l-Informazzjoni 1960, p. 530; Michael Galea:- Dizzjunarju ta’ Kittieba Maltin u Għawdxin. Il-bieraħ u llum – Publikazzjoni Bugelli, p. 206: Michael J. Schiavone/Louis J. Scerri:-  Maltese Biographies of the Twentieth Century.   1997 Edition – PIN, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, p.p. 567-568.
  16. N.A.M.: CSG – Educ 647/54.
  17. Log Book.
    Bibljoteka Nazzjonali – Valletta: Fb-3-34. Anthony F. Sapienza:- Malta University Press 1977. Dan il-perjodiku kellu 6 ħarġiet bl-aħħar ħarġa tkun dik ta’ Diċembru 1954.  Fil-Bibljoteka jinstabu l-aħħar 4 ħarġet.
  18. Dan il-perjodiku kien jinkorpora flh materjal ġej miż-żewġ skejjel. Miss M. Spiteri kienet l-A/Headmistress ta’ l-iskola tal-bniet.  Fil-ħarġa Nru 6, l-istaff editorjali nbidel u kien jinkludi fih uċuh ġodda bħal P. Galea, P. Mifsud u P. Pace.  Is-Sur J. Micallef Azzopardi kellu jħalli din il-kariga minħabba li kien inħatar Assistant Headmaster, Marsa Boys’ School.
  19. Times of Malta, November 21, 1950, p. 8. Il-Gvernatur għamel żjara wkoll lill-iskola tal-bniet, fi Pretty Bay. Wara li ġie mdawwar il-klassijiet ta’ l-iskola tas-subien, dan kien ippreżentat b’kalendarju tal-fidda bħala tifkira taż-żjara tiegħu.
  20. Visitors’ Book. Mhux paġnat. Fil-Vistors’ Book taż-żewġ skejjel hemm firem ta’ kważi kull kappillan ta’ Birżebbuġa (Dun Karm Bugelli, Dun Anġ Fenech, Dun Mikiel Spiteri u Dun ċużepp Minuti) inkluż tal-Vigarju Kurat, Dun Ġużepp Delia. Ma’ dawn hemm dik tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni preżenti, l-Onor. Louis Galea (30 ta’ April, 1999) u tal-Gvernatur Sir Gerald Creasy.
  21. Ibid. (tfisser mill-istess sors).
  22. LogBook.
  23. N.A.M.: CSG – Educ 459/55. LogBook.
  24. Ibid.
  25. N.A.M.: CSG – Educ 338/55.
  26. LogBook.
  27. N.A.M.: CSG – Educ 818/55.
  28. Log Book.
  29. N.A.M.: CSG – Educ 242/51.
  30. Log Book.
  31. The Malta Government Gazette No. 10,710 – 29th November, 1955, p.p. 1766-67.
  32. Ir-Review, Malta, Di. 10, 1957, – It-Tieni Sena. Nru. 52, p.p. 1 u 8. C.O.I. Review, 13 ta’ Novembru, 1956, p. 3
  33. PA 4548/98. Date of permit – 12th May, 1999.
  34. F’Settembru 1956 ġew okkupati 6 klassijiet, waqt li f’April 1957 ġew okkupati 11-il klassi oħra. (Educational Statistics – Scholastic Year 1956-57, p. II). Bejn il-15 ta’ Settembru, 1957 u 15 ta’ Lulju, 1958 ġew okkupati 3 klassijiet oħra. (Educational Statistics -Scholastic Year 1957-58, p. II). L-iskola bdiet tinbena f’Mejju 1956 u f’Awissu ta’ l-istess sena, l-Awtoritajiet Edukattivi kienu talbu sabiex sa Settembru, il-kuntrattur ilesti 6 klassijiet. (N.A.M.: CSG – Educ 1056/55).
  35. Log Book. Nhar l-1 ta’ Ottubru, 1956, is-Surmast Vella Tomlin, wara nofsinhar, għadda il-post Nru. 91, Pretty Bay lis-Sinjora ta’ l-iskola tal-bniet. N.A.M.: CSG – Educ 338/55. F’ittra li Reginald Vella Tomlin bagħat lid-Direttur ta’ l-Edukazzjoni fis-16 ta’  Settembru, 1957 iddikjara li huwa telaq il-post li “Smiling Prince” u alloka l-għamara kollha fl-iskola l-ġdida. Iċ-ċvievet tal-post ingħataw lura fit-28 ta’ Settembru.
  36. Logbook
  37. Logbook
  38. Ibid. Ara wkoll Endnote Nru 15. L-awtur ta’ dan l-artiklu huwa fil-pussess ta’ wieħed oriġinali, ffirmat mill-awtur innifsu 11
  39. Logbook
  40. Logbook
  41. Logbook
  42. Logbook
  43. Logbook
  44. L-orizzont – Is-Sibt, 17 ta’ Novembru, 1984, p. 8.
  45. Log Book: diversi snin.
  46. http://www.link.net.mt/bbugia/school.htm
  47. “Naqraw ma’ Buġu” beda joħroġ f’Ġunju 1998 u sal-lum wasal fil-ħames ħarġa tiegħu (Diċembru 2000). “Katina”, fuljett għall-ġenituri ddebutta f’Diċembru 1999 u s’issa ħarġu 4 edizzjonijiet (Diċembru 2000).
  48. “Katina”, Ħarġa Nru. 1 (Diċembru 1999): faċċata.
  49. F’ittra li korrispondent/a bagħat/et lill-editur tal-gazzetta ‘l-orizzont’ ta’ l-Erbgħa, 26 ta’ Jannar, 2000, paġna 10, NAF X’JIENA NGHID, wera/wriet x-xewqa li l-iskola tissemma għal Suor M. Grace Theuma, missjunarja minn Birżebbuġa fil-Pakistan li għamlet mewta erojka u li l-Kunsill Skolastiku 1998/99 li kien għadu kif temm il-kariga, kien qabel unanimament.
  50. Log Book: diversi snin.
  51. Log Book. L-ewwel tlett membri eletti mill-ġenituri kienu Carabott Catherine, Carbone Charles u Galea Gina.
  52. Informazzjoni mgħoddija lili mis-Sur George Galea, segretarju tal-Kunsill Lokali, Birżebbuġa.
  53. l-orizzont – Is-Sibt, 3 ta’ Marzu, 1973, p. 2. L-istudenti kienu ġejjin minn Birżebbuġa, Ħal Kirkop, Marsaxlokk, Imqabba, Qrendi, Ħal Safi, Żejtun u Żurrieq u qabel kienu jattendu l-iskola tal-Baviera, fil-Belt u l-iskola sekondarja taż-Żejtun.
  54. Educational Statistics – Scholastic Year 1972-73, p. 34 Table 22. – Central Office of Statistics.
  55. IL-ĦAJJA, it-Tlieta, 23 ta’ Marzu, 1976, p. 2.
  56. Educational Statistics – Scholastic Year 1975-76, p. 73 Table 42 u p. 85 Table 47.
    Reports on the working of Government Departments covering periods between 1st April, 1975 and 13th August,1976, Central Office of Statistics – p. 47 (6.1):- In-numru ta’ studenti kien ta’ 174.

  57. Ibid, 1983, – Information Division, Kastilja, Valletta – p. 49 (5.2).
    Educational Statistics Scholastic Year 1982-83, p. 69 Table 54 u p. 79 Table 58.

  58. L-orizzont, it-Tlieta, 28 ta’ Mejju, 1985, p. 16.
    L-orizzont, Is-Sibt, 25 ta’ Mejju, 1985, p. 16.

  59. Reports on the working of Govemment Departments for The Year 1985, p. 55 (5.2).
    Educational Statistics – Scholastic Year 1985-86, p. 52 Table 35.

  60. Ibid, 199l-92, p. 82 Table 35.

  61. Ibid, 1988-89, p. 64 Table 33.

  62. Ibid, diversi snin.
    L-istorja ta’ l-Edukazzjoni f’Malta, kitba ta’ Joseph Żammit Mangion, p. 173:  7.  Skejjel Privati (Full Time) – B’Buġa – Holy Family. Kullana Kulturali PIN No. 20.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: