Skip to content

L-Edukazzjoni u l-Iskola f’Birżebbuġa (1916-1939) (L-1 Parti)

 

L-Edukazzjoni u l-Iskola f’Birżebbuġa (1916-1939) (L-1 Parti)
kitba u riċerka ta’ Michael Balzia
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2000.

 

stampa

caption

 

L-Ewwel Parti 1916-1939

L-ewwel skola nfetħet f’Birżebbuġa nhar il-Ħadd, 12 ta’ Marzu, 1916 (1), f’Żurrieq Road, fuq l-inizjattiva tal-Kappillan, Dun Karm Bugelli (2). Qabel tfal minn dan ir-raħal kien jinħtiġilhom jitilgħu Ħal Għaxaq u ż-Żejtun sabiex jattendu fl-iskola (3). F’din l-iskola, li parti minnha għadha tidher sal-lum, fejn Triq iż-Żurrieq tikser ma’ Triq San Ġwann, sat-18 ta’ Marzu, kienu diga’ ammessi 36 tifel u 28 tifla (4).

Iċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali ta’ l-iskola saret nhar il-Ħadd, 12 ta’ Marzu, kif diġa’ għidt iktar ‘il quddiem meta l-Kappillan akkumpanjat mid-Direttur ta’ l-Iskejjel Elementari John Reynolds u l-mara tiegħu, flimkien ma’ l-ispettur ta’ l-iskejjel, Vincenzo Busuttil, għall-ħabta ta’ l-10 ta’ filgħodu telqu mill-Knisja Parrokkjali (tad-Duluri fi Triq il-Knisja) għall-post ta’ l-iskola l-ġdida. Jilqgħuhom kien hemm l-ispettriċi Marietta Busuttil u l-ewwel sinjora ta’ l-Iskola, Ms Maddalena Vassallo (5).  Wara t-tberik, id-delegazzjoni rritornat fil-Knisja Parrokkjali fejn sar festin. Il-Gazzetta “Malta” tat prominenza lil dan l-avveniment kemm fil-ħarġa tas-7 ta’ Frar, 1916, meta nibtet l-idea li f’Birżebbuġa titwaqqaf skola u kemm f’dik ta’ l-14 ta’ Marzu.

L-iskola kienet maqsuma fi tnejn: l-infants u l-primarja. Waqt li fl-ewwel sena (1916-17) fil-klassijiet taż-żgħar kienu jattendu 27 tifel u 17-il tifla, b’27 tifel u daqstant bniet fil-primarja, fis-sena 1938, il-popolazzjoni taż-żewġ taqsimiet telgħet għal 146 tifel u 124 tifla fil-klassijiet ta’ ż-żgħar u 124 tifel u 93 tifla fil-primarja (6).

Il-Kapijiet ta’ l-iskola kienu: Giuseppe Agius (1920), Alfredo Bonnici (1922-1930), Veneranda Baldacchino( 193l-1932) u Evanġelista Vella (1933-1940) (7).

Fis-sena 1928, inħasset il-ħtieġa li d-dar li kien offra Bugelli u li issa kienet saret propjetà tal-gvern kienet ċkienet u għalhekk taħt l-atti tan-Nutar tal-Gvern Calcedonio Gatt tas-26 ta’ Ġunju, 1928, is-Sur Antonio Zebra Scicluna offra lil Gvern il-post mibni ġdid maghruf bħala s-‘City of London Hotel’ għal 45 sena b’kera (8). Din it-tieni skola (b’sitt klassijiet) f’numru 114 Pretty Bay, baqgħet magħrufa bħala ‘l-Iskola tax-Xatt’ u kienet tinsab fejn illum hemm is-‘Sea Breeze Hotel’.

Għall-ħabta tas-sena 1929, Miss M. Dingli ngħatat permess tiftaħ skola privata (bdiet b’40 tifel) u kienet tingħata għajnuna finanzjarja ta’ erbgħin lira sterlina fis-sena (9). Sadanittant, is-Sorijiet tal-Karità, nhar l-l0 ta’ Mejju, 1933, ġew jgħammru f’Birżebbuġa wara li r-rikors li għamel il-Kappillan Dun Anġ Fenech kien intlaqa’ mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi (10).

Sentejn wara, l-istess kappillan talab li dawn is-sorijiet jingħataw żewġ appartamenti ħdejn il-knisja parrokkjali (tad-Duluri) sabiex fihom setgħu jgħallmu lit-tfal kemm subien kif ukoll bniet. It-talba saret fis-16 ta’ Awissu, 1935 u ntlaqgħet dakinhar stess (11). Wara li t-talba li għamlet l-Madre Superjura Sister Geltrude Rose Vicari fis-16 ta’ Settembru, 1938 ma ġietx milqugħa (dik li tiftaħ skola f’numru 48, Żurrieq Road) (12), l-istess Madre talbet li l-iskola li l-komunità kienet tmexxi f’Addolorata Street tiġi trasferita għal numri 3,4 u 5 f’Curate Fenech Street (13). Fil-perjodu ta’ qabel il-gwerra (1940-43), xi wħud minn dawn is-sorijiet għallmu fl-iskola tal-Gvern tal-lokal (14).

F’dan il-perjodu li qiegħed nitkellem fuqu ma nistax inħalli barra lil Ms Giuseppa Żammit (miżżewġa Francalanza), l-ewwel għalliema mara minn Birżebbuġa li għallmet fl-iskola ta’ Żurrieq Road bejn l-1 ta’ Ottubru 1929 u s-sena 1933 (15).

 

Referenza:

  1. The National Archives of Malta: CSG – Educ 409/16.
    Il-Gazzetta “Malta” ta’ l-14 ta’ Marzu, 1916.
    Government Departments Reports 1915-16: M2 – 1
  2. Ibid. Ittra miktuba lid-Direttur ta’ l-iskejjel Elementari mill-Kanonku Bugelli fis-26 ta’ Jannar, 1916 turi kemm dan l-ewwel kappillan ta’ Birżebbuġa ħabbrek sabiex tinfetaħ skola fir-raħal. Il-Kappillan offra dar għall-ewwel 3 snin lill-gvern mingħajr kera bl-iskop li tinstab dar iktar addattata (NAM: CSG – Educ 4564/18).
  3. The National Archives of Malta: CSG – Educ 409/16. Zewġ subien u 4 t’ibniet kienu jmorru l-Iskola taż-Żejtun waqt li erba’ subien kienu jmorru dik ta’ Ħal Għaxaq.
  4. Ibid.
  5. Maddalena Vassallo ħadet l-ewwel appointment mal-Gvern fl-1 ta’ Ottubru, 1889, Assistant Mistress, First Class, fl-1 t’April, 1903 (Malta Blue Book, 1915-1916, H 115) u Mistress   (Probationary) fl-1 ta’ Ottubru, 1916 (Blue Book 1916-1917, H 88).
  6. Malta Blue Book Vol 66 (1916-17) N. 2 u Blue Book Vol 87 (1938) Sec. 17.
  7. Guida Generale di Malta, diversi snin.
  8. NAM Education Department: Educ 149/47. Il-ħmistax-il sena kienu bdew fl-1 ta’ Ottubru, 1927.
  9. Malta Blue Book (1929): Section 17.
  10. A.A.M. Suppliche 1933 – Vol III – 191.
  11. A.A.M. Suppliche 1935 – Vol III – 327.
  12. NAM Education Department: Educ 238/38.
  13. NAM Education Department: Educ 141/38. It-Talba saret fit-18 ta’ Ottubru 1939. Fl-4 ta’ Lulju, 1938, kienet saret talba oħra sabiex l-iskola tmur f Numri 10,11 u 12 f’Birżebbuġa Road. Mis-sena 1936, is-Sorijiet tal-Karità flimkien ma’ Miss Dingli kienu jingħataw għajnuna finanzjarja ta’ 160 lira sterlina fis-sena.
  14. Government Departments Reports 1938-39, p. 556
  15. Malta Blue Book 1933: Sec. 12, p. 37. Birżebbuġa Nru. 87 Harġa Speċjali tal-festa: Lulju – Awissu 1988).  Mhux paġnat.

 

Errata Corrige

Fil-ħarġa tal-fuljett tal-festa għidt li l-ewwel skola, dakinhar kienet għadha tidher fejn Triq iż-Żurrieq tikser ma’ Triq San Ġwann. Fil-fatt, illum minn din l-skola ma baqa’ jidher xejn għaliex din kienet twaqqgħet sabiex infetħet l-istess Triq San Ġwann (in-naħa ta’ fuq).

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: