Skip to content

L-Arma ta’ Birżebbuġa u Ġino Muscat Azzopardi

 

L-Arma ta’ Birżebbuġa u Ġino Muscat Azzopardi.
kitba ta’ Michael Balzia
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2006.

 

stampa

caption

 

Alfie Guillaumier fil-ktieb tiegġu “Bliet u Rħula Maltin” ippubblikat għat-tieni darba fl-1972 f’paġna 37 jgħid dawn il-preċiżi kelmiet:- “Din l-arma ġġib il-motto “Pax Salus Que Omnibus” (Paċi u Saħħa lil Kulħadd). Tpinġiet mis-Sur Ġino Muscat-Azzopardi f’Mejju ta’ l-1965 u ġiet approvata mill-Għaqdiet kollha tal-parroċċa. Dr. Raymond Mangion, ħabib tal-mibki Ġino Muscat Azzopardi li ġentilment għaddieli l-oriġinal impinġi fuq biċċa fidda tas-sigaretti imwaħħal f’album sabiex ikun riprodott f’din il-paġna u li għadu fil-pussess tiegħu sal-lum, jikkonferma dak li kiteb Guillaumier.

L-awtur ikompli jikteb li:- “l-arma ta’ dan ir-raħal (ta’ Birżebbuġa) hi din:- Skud maqsum fi tnejn – ta’ fuq fidda u ta’ isfel ikħal bħal baħar.  F’ta’ fuq tidher xtajta b’kamra u siġra fuqha”.   Nimmaġina li s-siġra hija dik taż-żebbuġ filwaqt li l-kamra tirrappreżenta maħżen fejn wieħed jippriserva ż-żejt.    Appunta l-kelma Birżebbuġa.

Matul is-snin iltqajt ma’ tliet armi oħra li tpittru sabiex jirrappreżentaw ir-raħal tagħna u tajjeb hawnhekk ngħid xi ħaġa dwarhom. Wisq probabbli l-eqdem arma hija dik li tinstab fis-sagristija tal-Knisja Parrokkjali tal-Gudja u li llum hija dik użata mill-Kunsill Lokali.  Din ħadet post oħra (dik taċ-ċwievet u l-katina fuq sfond iswed) li kienet saret għal Birżebbuġa meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali fl-1993. Din l-arma għadha tidher fil-paviment eżattament taħt iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali. Arma oħra, inqas magħrufa, hija dik li ddisinja Lorenzo Żammit Haber minn Għawdex, madwar is-sena 1928. It-tifel ta’ Lorenzo, Francis, ikkonferma dan ma’ Charles Fiott, l-awtur tal-ktieb “Towns and Villages in Malta and Gozo, Part 2, The South”. L-arma hija maqsuma fi tnejn:- ta’ isfel juri l-baħar waqt li f’ta’ fuq f’kamp ikħal jidher ġewnaħ b’kewkba ta’ sitt ponot bir-raġġi (bħal dik tal-Milied).

Għalkemm l-arma uffiċċjali ta’ Birżebbuġa llum hija dik li kienet addottata mill-Kunsill Lokali u li kienet ippubblikata fis-Suppliment tal-Gazzetta tal-Gvern numru 16,243 ta’ l-1 ta’ Marzu, 1996, bla dubju ta’ xejn l-aktar waħda użata mill-għaqdiet tal-lokal hija dik ta’ Muscat Azzopardi. Bdiet tidher fuq il-pruwa tad-dgħajjes tar-Regatta ta’  Birżebbuġa meta dawn dehru għall-ewwel darba fil-Kanal fis-sena 1972 u mill-ġdid dan l-aħħar meta d-distrett ta’ Birżebbuġa reġa’ beda jieħu sehem. Iż-żewġ baned lokali jippossjedu t-tnejn żewġ standardi bl-ilwien ikħal, abjad u aħmar – bħall-maktur ta’ l-iscouts lokali – sabiex ifakkruna, forsi, li l-inħawi ta’ Birżebbuġa oriġinaw mis-Servizzi Ingliżi, il-balla ta’ l-“Air Force”, bl-emblema ta’ Ġino Muscat Azzopardi mpittra fuqhom. Anke l-Klabb tal-Boċċi ta’ Birżebbuġa addotta l-istess arma. Iżda din l-arma, l-aktar li hija għall-qalb hija għall-Kumitat, membri u partitarji tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990, li addottaha bħala l-arma prinċipali tal-Każin u tpittret bħala ġawhra miżmuma bejn żewġ iljuni.

Hawnhekk nixtieq nagħmel parentesi u nikteb xi ħaġa fuq żewġ kumitati (illum spiċċaw) li twaqqfu bil-għan li jġibu l-għaqdiet tal-lokal taħt kappa waħda bil-għan wieħed; dak li jkabbru l-għaqda bejn is-soċjetatjiet eżistenti sabiex ilkoll jiġbdu ħabel wieħed, ħaġa li llum qiegħda ssir mill-Kunsill Lokali.

Il-Kunsill Ċiviku Birżebbuġa twaqqaf wara li fil-gazzetta “Il-Berqa” tal-Ħamis 19 ta’ Mejju, 1966, il-Każin “San Pietru” talab sabiex l-għaqdiet kollha interessati jibagħtu bil-miktub l-ismijiet ta’ żewġ rappreżentanti flimkien ma’ l-indirizz. Xi jiem qabel it-Tnejn, 18 ta’ Marzu 1968 inqara r-rapport ġenerali għas-snin 1966/67. II-fundatur u l-ewwel president kien is-Sur Anthony C. Naizer. Dakinhar is-Sur N. Vella nħatar bħala segretarju waqt li bħala kaxxier inħatar is-Sur E. Galea. Fl-1 ta’ Lulju 1969, it-“Times of Malta” tat rapport tal-ħidma amministrattiva tal-Kumitat (l-aħħar wieħed li ltqajt miegħu fil-gazzetti lokali) fejn għas-snin 1969/70 il-kumitat fost l-oħrajn kien kompost mill-President A.C. Naizer, is-segretarja Miss C. Micallef u l-kaxxier s-Sur E. Galea.

Kumitat ieħor li ra d-dawl fil-bidu tas-snin 70 kien il-Kumitat ‘Birżebbuġa Magħquda’.  Dan twaqqaf fil-24 ta’ Ottubru, 1971 fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret fis-Sea Breeze Restaurant. Is-Sur Joe Cutajar inħatar bħala president, bis-sinjuri Joe Debattista u Alfred Mclntyre jinħatru bħala s-segretarju u kaxxier rispettivament. L-għaqda kienet attiva u fost affarijiet oħra wieħed jista’ jsemmi s-serati fis-sala ta’ l-iskola primarja, esebizzjonijiet, karrijiet tal-karnival, kommemorazzjonijiet ta’ nies prominenti bħall-Profs. Anton Tabone kif ukoll attivajiet marbuta ma’ żmien il-Milied. Il-Kumitat Birżebbuġa Magħquda ġie fi tmiemu għal ħabta tas-sena 1976.

Għalkemm l-arma uffiċċjali tal-Kumitat ‘Birżebbuġa Magħquda’ ma kinetx dik imħażża minn Muscat Azzopardi, iżda oħra bil-motto “Għal Birżebbuġa fil-Progress”, dan il-kumitat ma warrabhiex għal kollox, Niftakar li darba n-nannu tiegħi Wiġi Busuttil tqabbad mill-Kumitat sabiex ipinġi l-arma u wara ngħatat lill-Ministru Agatha Barbara.

Tajjeb hawnhekk nagħti titwila żgħira lil ħajjet l-awtur ta’ l-arma, Ġino Muscat Azzopardi. Ġino Muscat Azzopardi, iben Ġuże u Antonia nee’ Fenech, twieled il-Belt Valletta fid-19 ta’ Ottubru, 1899. Ħuh kien Ivo Muscat Azzopardi li miet f’San Ġiljan fit-13 ta’ Diċembru, 1965.

Studja fil-Kulleġġ Stella Maris u l-Liceo. Minn età żgħira, wera ġibda kbira għall-kitba bil-Malti.  Din l-imħabba għall-“ħlewwa tal-Lsien għażiż”, “dak in-nar li kibes qabel fija”, jesprimiha missieru Ġuże fis-sunett “Lil Ġinu tiegħi”(1918). Fl-1920 ħa post ħuh Ivo fl-Assemblea Nazzjonali bħala rappreżentant tal-kumpanija drammatika ‘Les Amateurs’. Fil-fatt l-ikbar passjoni tiegħu kien il-palk u tista’ tgħid li qatta’ ħajtu jikteb u jippubblika xogħlijiet soċjali f’att wieħed, ipprova jagħti xejra moderna lill-palk Malti.  Huwa kien sar midħla tal-palk meta kien ingħaqad mal-kumpanija ‘Malta Risolta’. Fl-1944 sar direttur tal-kumpanija teatrali ‘Indipendenza’. Fl-istess sena nħatar ko-direttur ta’ kumpanija teatrali oħra bl-isem ta’ ‘Ribalta’ fejn irriżenja fl-1956 meta sar l-ewwel chairman tal-Kumitat tar-Restawr tat-Teatru Manoel.

Iżda x-xogħol li bih sar magħruf mal-pubbliku Malti kien ir-rumanz Anġli tan-Niket (1938) li kien ressaq għall-konkors tal-1935. Barra li kiteb ukoll bosta novelli, radio plays u poeżiji, qaleb għall-Malti xi xogħlijiet barranin fosthom ir-rumanz ta’ Georges Semenon Maigret u Ġ-Dukessa (1968) u dak ta’ Alexandre Dumas ż-żgħir Marguerite Gautier (1977).  Fl-1956, flimkien ma’ ħuh Ivo, ħareġ ġabra ta’ sunetti ta’ missieru u fl-1946 waqqaf il-Premju ‘Ġuże Muscat Azzopardi’ b’tifkira ta’ missieru, l-ewwel president tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti. Hu stess kien ko-fundatur ta’ l-Għaqda u iktar tard ġie maħtur president onorarju tagħha kif ukoll ta’ l-Għaqda Letterarja Maltija. Fl-1975, flimkien ma’ martu Anna, ħareġ il-ktieb Kif Ngħiduha li fih jiġbor l-idjomi kollha Maltin.

Bħal missieru, Ġino Muscat Azzopardi kien attiv ħafna fix-xena politika. Fl-għoxrinijiet ingħaqad mal-Partit Laburista u ħareġ għall-elezzjoni tal-1927.  Fis-sena 1945 huwa ppreżenta lill-Partit Laburista fl-Assemblea Leġislattiva. Kien direttur tal-gazzetti Labour Opinion (1924-26), Il-Kotra (1926-27) u Dr. Xekkek (1925-34), gazzetta satirika u Ix-Xewka. Kien attiv ukoll fil-qasam kulturali bħala Chairman tal-Kumitat tat-Teatru Manoel (1948 u 1976) u tal-Panel tad-Drama tar-Rediffusion u tal-Board taċ-Ċensuri tal-Films (1955-58), u eżaminatur f’konkorsi letterarji.  Ingħata wkoll karigi onorarji f’diversi kumitati fosthom ta’ l-akkademja tal-Malti. Huwa kien direttur ukoll ta’ kumpanija kummerċjali u membru tal-MPFA, il-kamra tal-Kummerċ, is-Soċjetà għall-Għomja u ta’ l-Awtorità tax-Xandir (1964-67).

Ġino Muscat Azzopardi miet fid-dar tiegħu tas-Sliema fis-7 ta’ Marzu 1982.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: