Skip to content

It-Tħaffir tax-Xeltrijiet f’Birżebbuġa

 

It-Tħaffir tax-Xeltrijiet f’Birżebbuġa.
kitba ta’ Arthur Grima f’isem l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2005.

 

stampa

caption

 

Kien madwar sena ilu meta xi toroq f’Birżebbuġa bdew jinqalgħu biex jerġgħu jsiru mill-ġdid. Dan ma kienx xi xogħol biex issir xi kisja tarmac imma saħansitra kienu ġew mibdula l-kanen ta’ l-ilma u saru wkoll bankini ġodda.  Kien hawnhekk li tista’ tgħid ġew mikxufa l-bokok kollha tax-xeltrijiet li kienu ġew imħaffra f’xi toroq minn dan ir-raħal. Sa mill-ewwel bokka tax-xelter li ġiet mikxufa jien mill-ewwel ħadt l-interess u kont nersaq biex nara. Kien hemm xi drabi li jiena kont ninżel fix-xelter u ħadt ukoll xi ritratti. Biss kien hemm xi xeltrijiet li ma stajtx ninżel fihom u dan minħabba li jew kienu imblukkati bil-materjal jew kien ikun mimli bl-ilma.

Ix-xeltrijiet li jiena nżilt ġo fihom kienu xi erbgħa.  L-ewwel wieħed kien fi Triq San Mikiel, ieħor fi Triq id-Duluri, ieħor fi Triq Santa Katarina u ieħor fi Triq Salvatore Cachia Żammit il-Qajjenza. Tista’ tgħid li dawn minn ġewwa kienu jkunu kollha l-istess, apparti li minn wieħed għall-ieħor kienu jkunu ta’ daqs differenti. Imma x’kien eżatt l-użu ta’ dawn ix-xeltrijiet meta tħaffru? Jien naħseb li ftit hawn nies li qatt ma semgħu bit-Tieni Gwerra Dinjija li seħħet bejn l-1939 u l-1945. Kienet gwerra li ħalliet ħerba, u dan għall-fatt li barra li tfarrku bosta bini bil-bombi, mietu ħafna nies.  Kien proprju minħabba dan li bdew jitħaffru dawn ix-xeltrijiet. Fil-bidu l-uniku kenn mill-qilla tal-bombi kien ikun xi forma ta’ kanal imħaffer fil-ħamrija u msaqqaf bil-pjanċi (trencis). Dawk in-nies li kienu jibqgħu fid-dar kienu jistkennu taħt xi taraġ jew blata ta’ xi bieb jew taht xi mejda, bħal dak li qallu jekk titwaddab bomba u taqa’ d-dar kienu se jkunu fiż-żgur. Kien għalhekk li l-awtoritajiet kienu ħasbu li jekk jitħaffru xeltrijiet fil-blat, dawn kienu jkunu iżjed fiż-żgur. Kien għalhekk li kienu ġew imqabbda numru ta’ nies biex jieħdu ħsieb ħalli jimpjegaw xi nies magħhom ħalli minnufih jibda t-tħaffir ta’ dawn ix-xeltrijiet. Bħal f’irħula oħra f’Malta, jekk mhux iżjed ukoll, minħabba Kalafrana u Ħal Far, f’Birżebbuġa beda dan ix-xogħol. Bħala mgħallem għal dan ix-xoghol kien hemm ċertu Patist Caruana. Dan kellu remissa fi Triq il-Brolli fejn hemm in-niċċa tad-Duluri. Minn hemm ta’ kuljum il-ħaddiema kienu jerħulha għal ġurnata xogħol, xogħol li ma kienx faċli.  Wara li jinqraw, dawn il-ħaddiema kienu jitqassmu fi gruppi, ġeneralment kienu jkunu żewġ baqquniera u xi lavrant jew tnejn biex jiġbru x-xaħx. L-għodda li kienu jużaw kienu jkunu l-baqqun, l-ispnojja u bxiekel biex fihom kienu jġorru x-xaħx minn ġewwa. Ix-xogħol kien jibda mis-7 ta’ filgħodu sas-6 ta’ filgħaxija. Il-paga kienet ta’ xi lira u tnax-il xelin fil-ġimgħa. Skond kif kienu rrakkontawli ċertu Ġużeppi Camilleri li kien baqqunier u Ġużeppi Schembri (tal-Qamħa) li kien iġorr ix-xaħx.  Dan ix-xogħol xejn ma kien faċli. Dan Ġużeppi Schembri kien qalli li huwa ta’ kull ġimgħa kien jerħilha bil-mixi b’xi erba’ bqaqen lejn iż-Żejtun għand il-ħaddied biex jirranġa dawn il-bqaqen. Ma’ dawn kien ikun hemm ukoll ċertu Wiġi ta’ Farfar li bil-bagħal tiegħu kien iġorr bil-karettun ix-xaħx li kien jinqata’ mix-xelter. Xi ħaddiema oħra li kienu jaħdmu fix-xeltrijiet kienu Ġużeppi ta’ Pasas, l-Għawdxi, Ġużeppi Firruru, Saver Briffa tal-Ħanxinu u oħrajn. Barra dawn kien hemm ukoll mgħallem ieħor ċertu Nettu Dalli taz-Zigu li dan kellu miegħu xi ħaddiema oħra. Fosthom Karmnu Zizinu, Gejtan in-Nifex li kienu baqquniera u Frans Vella u Pawlu Similija li kienu jġorru x-xaħx. Tant kien hemm ħtieġa għal dawn ix-xeltrijiet li l-kappillan ta’ dak iż-żmien Dun Anġ Fenech kien iħeġġeġ lin-nies li min irid jista’ jħaffer xelter fuq wara tal-knisja.  Dan l-appell kienu laqgħuh xi nies fosthom żewġ aħwa xebbiet Dolor u Loreta Dalli li bil-mod li setgħu huma kienu jmorru jħaffru, f’wieħed minn dawk ix-xeltrijiet li kien hemm wara l-knisja.

B’żewġ baqquniera u dawk li jħammlu, ix-xelter biex jitlesta kien jieħu xejn inqas minn xahrejn xogħol. Ix-xogħol kien isir billi l-ewwel jibda t-tħaffir ta’ dak li kienet se tkun il-bokka. Minn hemm kien jibda jitqatta’ t-taraġ. Wara li kienu jinżlu xi 10 piedi ‘1 isfel kienu jiksru lejn naħa jew oħra u minn hemm jibda jitqatta’ bħal kuridur. Il-kisra kienet issir biex f’każ li taqa’ xi bomba fil-viċin il-blast ma kienx jidħol ġewwa. Il-qtugħ tal-blat ma kienx isir kollu bil-baqqun, imma permezz ta’ splużżiv kien jinqata’ biċċiet ta’ blat kbir. Dan kien isir billi kienu jqattgħu trinka mad-dawra u fonda mhux ħażin. Meta kienet titlesta t-trinka kienet issir toqba fejn fiha kien jitpoġġa l-porvli. Wieħed mill-ħaddiema kien jitla’ mix-xelter u kien jgħajjat “ħa naħraq” u wara li kienet issir splużjoni kienet tinqata’ biċċa blata mhux ħażin, u hekk, biċċa wara oħra kien jitqatta’ dan l-imbierek xelter.

Kull xelter kien ikollu żewġ bokok, u dan biex f’każ li kienet tintradam xi bokka minnhom, in-nies kien ikollhom minn fejn joħorġu. Minn tagħrif li huwa dokumentat fis-sena 1943 insibu xejn inqas minn 13-il xelter li kienu f’dawn it-toroq:

 

Triq iż-Żurrieq

Triq Sant’Andrea

Triq il-Kurat Fenech

Triq San Ġużepp

Triq San Mikiel

Triq Alessandru

Triq San Filippu

Misraħ il-Knisja

Triq Birżebbuġa

Ix-Xatt ta’ San Ġorġ

Triq id-Duluri

 

Barra dawn kien hemm ukoll xeltrijiet li kienu tħaffru fil-privat, fosthom hemm xi wħud fl-għelieqi f’Bengħajsa, u nħawi oħra.   Biex inkunu semmejna kollox dwar dawn ix-xeltrijiet ta’ min wieħed isemmi Għar Ħasan u Għar Friefet u fl-underground ta’ Kalafrana kienu jservu bħala port tal-kenn mill-għadu. Għal xi wħud, ix-xelter kienu jużawh biss kull meta kien jindaqq air raid, biss kien hemm ukoll min ma kien jitla’ qatt minn ġox-xelter. Barra li kien iservi ta’ kenn ix-xelter kien ukoll il-post fejn dak li kien isir id-dar isir hemmhekk, ngħidu aħna li kien hemm ommijiet li welldu fix-xelter.  Meta kont tinżel fix-xelter kont tilmaħ bħal kuridur li minnu kienu jitħaffru xi kmamar fuq kull naħa.  Dawn il-kmamar kienu jingħalqu bi speċi ta’ purtiera ta’ l-ixkejjer. Min jaf ukoll kemm-il Rużarju kien jingħad hemm isfel. Kull meta ninżel f’xi wieħed minn dawn ix-xeltrijiet għal mument noqgħod naħseb, imma possibbli li persuna rnexxielha toqgħod hawn taħt f’dan id-dlam għajr għal xi musbieħ jew biċċa xemgħa u f’dak l-għeluq kollu?  Mela mhux ta’ b’xejn dak il-mard kollu li kien hemm!

 

Għeluq

Illum żmien ix-xeltrijiet għadda u j’alla qatt ma jerġa’ jiġi. Tant ma nixtieqx li jerġa’ jiġi li bosta minn dawn ix-xeltrijiet ġew mirduma, almenu fil-bokok tagħhom.  Biss jiena nemmen li kieku kellna nħallu mqar wieħed minn dawn miftuħ u mnaddaf naħseb li barra li jkun ta’ attrazzjoni, żgur li jkun xhieda ta’ kemm hija kerha l-gwerra u kemm għandna naħdmu għall-paċi.

 

No comments yet

Leave a comment

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni.wordpress.com/

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.