Skip to content

Il-Mitjar ta’ Ħal Far jagħlaq 80 Sena

 

Il-Mitjar ta’ Ħal Far jagħlaq 80 Sena.
kitba ta’ Arthur Grima.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2003.

 

stampa

caption

 

Għal bosta minn dawk li huma żgħar fl-età, u li se jaqraw dan l-artiklu, qatt ma jistgħu jimmaġinaw li ftit passi ‘l bogħod minn Birżebbuġa kien jeżisti mitjar ta’ l-ajruplani f’Ħal Far. Qiegħed ngħid dan għall-fatt li llum il-ġurnata minn dan il-post tista’ tgħid li ma baqa’ xejn, għajr xi ftit bini. Fost dan il-bini wieħed għadu jista’ jara żewġ Hangers fejn kienu jissewwew l-ajruplani kif ukoll it-torri tal-kontroll u xi bini ta’ l-amministrazzjoni.

Hemm ukoll iż-żewġ runways għamla ta’ X li minn fuqhom kienu jitilgħu u jinżlu l-ajruplani. Illum il-ġurnata waħda minn dawn ir-runways qiegħda tintuża biex fuqha jtellqu l-karozzi, waqt li l-oħra tinsab midfuna qalb numru ta’ fabbriki li bdew jinbnew f’Ħal Far madwar 20 sena ilu. Biss jekk hawn min ma jiftakarx dan, mhux hekk jista’ jingħad għal dawk in-nies li għandhom età mhux ħażin, l-iżjed in-nies ta’ Bengħajsa u dawk li kellhom l-irziezet fil-qrib.

Min jaf kemm raw ajruplani telgħin u neżlin minn Ħal Far, l-iżjed matul it-Tieni Gwerra Dinjija meta l-istess Ħal Far kellu sehem importanti. Ħasra li post bħal dan spiċċa fix-xejn, u dan biex ma nsemmix li biex seta’ jsir dan l-iżvilupp kollu f’Ħal Far intilfu numru ta’ rziezet li kienu jagħmlu parti minn raħal ċkejken. Ma’ dawn kien hemm ukoll kappella ċkejkna ddedikata lil Sant’Anġlu u li kellha palazz magħha l-ġmiel tiegħu.

F’dawk l-inħawi kien hemm ukoll fdalijiet preistoriċi fosthom Dolmen u Menhir, żewġ ġebliet kbar, waħda mimduda u l-oħra wieqfa. B’xorti tajba dawn għadhom jeżistu, biss huma fi stat ħazin ħafna. Ħal Far huwa medda ta’ art kbira mhux ħażin, b’naħa waħda fuq il-bahar, b’dawk l-irdumijiet il-ġmiel tagħhom minn Wied il-Mixta sa Wied Żnuber, b’Għar Ħasan li jiġi f’nofshom.  Waqt li fuq in-naħa l-oħra, b’numru ta’ għelieqi li jibqgħu neżlin sa Wied il-Qoton u Wied il-Buni.

 

Il-Bini tal-Mitjar

Il-ħsieb ewlieni li jinbena dan il-mitjar f’Ħal Far kien il-fatt li ftit ‘il bogħod, proprju f’Kalafrana, kien hemm diġà l-bażi ta’ l-RAF għas-seaplanes.  Minn hawn kienu jittajru u jinżlu dawn l-ajruplani. Wara li ġiet studjata l-art f Ħal Far ġie deċiż li jinbena dan il-mitjar.

Ix-xogħol inbeda nhar is-16 ta’ Jannar 1922 taħt it-tmexxija tas-superintending civil engineer, is-Sur Grose.

Numru ta’ ħaddiema Maltin tal-kuntrattur Xuereb, l-ewwel li għamlu kien li żarmaw il-ħitan tas-sejjieħ li kien hemm.  Wara neħħew kwantità kbira ta’ ħamrija. Din bdiet tintefa’ fuq ġenb biex iżjed tard din il-ħamrija terġa’ titqiegħed u tiġi nvellata, u hekk tagħti bidu għall-ewwel runway jew aħjar pjatta forma kbira biex fuqha jinżlu l-ajruplani.  Hawnhekk ta’ min wieħed isemmi li ma kinitx biċċa xogħol faċli, dan meta trid tqis li ħafna mix-xogħol ried isir bl-idejn jew bl-użu tal-bhejjem u karettuni. Il-blat li kellu jitqatta’, wara li tkisser fi żrar reġa’ tqiegħed fil-pedamenti.

Waqt li kienu għaddejja dawn ix-xogħlijiet saru numru ta’ kanali madwar ir-runway biex l-ilma tax-xita li jaqa’ jibqa’ sejjer il-baħar minn fuq l-irdumijiet. L-area li fuqha nbena l-ajruport kienet ta’ xi 30 ettaru, li madwar 25 minnhom kienu għall-inżul u tlugħ ta’ l-ajruplani. Fis-sajf ta’ dik l-istess sena kien inżera’ l-ħaxix biex bl-għeruq tiegħu dan jgħaqqad il-ħamrija u b’hekk tkun iebsa biżżejjed. Ix-xogħol kollu biex sar dan il-mitjar ħa madwar sena.  Fil-fatt f’Jannar ta’ l-1923 saret l-inawgurazzjoni tiegħu.

 

Il-Mitjar Jiġi Inawgurat

Kien nhar is-16 ta’Jannar 1923 meta l-mitjar ta’ Ħal Far ġie inawgurat mill-Gvernatur Lord H. Plumer. L-isem li tawh kien dak ta’ Malta, u dan bir-raġun għax fil-fatt kien l-ewwel mitjar li qatt kien hawn fil-gżejjer Maltin. Għal dan il-ftuħ kien hemm preżenti bosta nies distinti, fosthom il-kap kmandant tal-RAF f’Malta, l-air commander Samson, kif ukoll uffiċjali tal-RAF ibbażati f’Malta, flimkien ma’ oħrajn mill-Army u n-Navy. L-Arċisqof ta’ Malta Don Mawru Caruana wkoll attenda għaċ-ċerimonja. Qabel l-inawgurazzjoni sar diskors minn FLT LT MA Simpson RAF fejn huwa ta rendikont ta’ x’wassal biex jinbena dan il-mitjar. Tkellem ukoll Mr.Grose l-inġinier li kien responsabbli mix-xoghlijiet li saru.  Huwa semma d-diffikultajiet li sabu l-ħaddiema biex lestew dan il-proġett.  Ma rridux ninsew li dan kien l-ewwel proġett tat-tip tiegħu f’Malta. Fl-aħħar tkellem il-Gvernatur Lord Plumer.

Fid-diskors tiegħu l-gvernatur qal li b’dan il-proġett bosta Maltin għad isibu l-impjieg tagħhom. Huwa qal dan għax fil-fatt f’dak iż-żmien f’Malta kien hawn ħafna qagħad, li kien ġej wara li ntemmet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Wara, iċ-ċerimonja kompliet billi nkixef l-isem ta’ MALTA magħmul minn numru ta’ ġebel żgħir fuq roqgħa ħaxix. Tliet seaplanes tal-267 squadron ittajru fuq Ħal Far wara li telqu minn Kalafrana.  Waqt li kienu għaddejjin il-bdoti sparaw rockets bil-kuluri ħomor, bojod u bluni. Minn fuq wieħed mill-ajruplani ntefa’ paraxut li miegħu kien hemm imdendel bukkett fjuri għall-mara tal- gvernatur. Iċ-ċerimonja ġiet fi tmiem tagħha meta l-mistednin niżlu fil-bażi ta’ l-RAF f’Kalafrana u hemmhekk ġew imdawra mas-seaplanes tal-267 squadron.

 

L-Ewwel Titjira

Kien f’Jannar tas-sena 1924, proprju sena wara l-inawgurazzjoni ta’ dan il-mitjar, li minn fuq ir-runway kienet saret l-ewwel titjira b’ajruplan. Xi ġimgħat qabel f’Kalafrana kienu waslu bil-baħar xi kaxxi li fihom kien hemm partijiet ta’ ajruplani tat-tip Fairey Flycatcher. Dawn ġew immuntati f’Ħal Far biex fid-19 ta’ Frar 1924 kienu lesti biex issir l-ewwel titjira minn dan il-mitjar. Il-kmandant ta’ l-RAF Mediterranean Group, Captain A. Wellesley Bigsworth kien stieden lill-Gvernatur Lord Plumer u lill-Prim Ministru ta’ Malta u l-membri ta’ l-Assemblea Leġislattiva (li kien il-parlament ta’ dak iż-żmien) biex iduru ma’ dawn l-ajruplani Flycatchers. Il-Flying Officer E.T. Waring li kellu jkun l-ewwel bdot li jtajjar ajruplan minn Ħal Far rikeb fuq dan l-istess ajruplan. Minn hemm huwa saqu sa fuq ir-runway biex tar bih quddiem dik il-folla ta’ nies. Minn dakinhar ‘il quddiem dan il-mitjar beda jservi ta’ bażi għall-ajruplani tav-Royal Navy. Hawnhekk ikun interessanti li nsemmi li xi gabillotti li kellhom l-irziezet fil-viċin kien inħarġilhom pass speċjali bir-ritratt tagħhom fuqu. Bih huma kienu jkunu jistgħu jaqsmu min-naħa għall-oħra tal-mitjar. Għal xi żmien il-mitjar ta’ Ħal Far kien iservi wkoll għall-ajruplani ċivili.  Żgur li l-aktar żmien li baqa’ jissemma għalih dan il-mitjar kien fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija (1939-1945). Kien minħabba din il-gwerra li dan il-mitjar kompla jitkabbar u nbnew numru ta’ faċilitajiet oħra għall-ajruplani. Dawn kienu ż-żewġ runways li kellhom jitwalu aktar u Hangers ikbar u bini iehor li serva għall-amministrazzjoni.  Forsi dan kien l-iżjed perjodu li fih, f’Ħal Far kien hemm numru kbir ta’ ħaddiema jaħdmu. Kien f’dan iż-żmien ukoll li l-isem tal-mitjar inbidel u ħa l-isem ta’ H.M.S. Falcon. Minn barra l-Ingliżi f’Ħal Far kien hemm ukoll l-Amerikani u l-Awstraljani.  Tul il-perjodu li damu l-Ingliżi f’Malta, kienu bosta dawk il-persuni distinti li għamlu użu minn dan il-mitjar. Is-sena 1965 ġabet it-tmiem ta’ l-użu ta’ dan il-mitjar. Fi tmiem dan l-artiklu nixtieq ngħid li dak li ktibt huwa biss farka minn storja wisq akbar li għadda minnha l-mitjar ta’ Ħal Far tul dawn it-80 sena.

 

Referenzi:

·         L-Istorja ta’ l-Avjazzjoni f Malta ta’ Carmel Attard,

·         Sagħtar Jannar 1987, Frar 1987

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: