Skip to content

Il-Kebbiesa tal-Fanali u xogħolhom fit-Toroq ta’ Birżebbuġa

 

Il-Kebbiesa tal-Fanali u xogħolhom fit-Toroq ta’ Birżebbuġa.
kitba ta’ Arthur Grima f’isem ‘L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa’.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2002.

 

stampa

caption

 

Għal min għandu ċertu età, spiss tisimghu jgħid, “Kif jgħaddi ż-żmien!” u wisq aktar minn hekk,”Kif jinbidlu ż-żminijiet!” Kien proprju dan li wassalni biex nikteb dan l-artiklu, fil-fatt ser immorru lura fiż-żmien xejn inqas minn 80 sena, bejn wieħed u ieħor fl-ewwel snin tas-seklu li għadda (Ċirka 1920).

F’dawk iż-żminijiet, il-ħajja kienet ferm differenti.  Biżżejjed wieħed jimmaġina t-toroq bla asfalt, kollhom mimlijin trab. Kull dar kellha l-fossa tagħha għax is-sistema tad-drenaġġ ma kinitx għadha ddaħlet.  L-anqas is-sistema ta’ l-ilma fid-djar ma kienet għadha bdiet u minflok xi familji kellhom bir fid-dar. Min ma kellux bir kien irid imur bil-barmil u jimla l-ilma minn xi għajn li kien ikun hemm barra fit-triq. M’għandniex xi ngħidu, l-anqas id-dawl elettriku ma kien għadu daħal u kulħadd kien jinqeda b’xi lampa tal-pitrolju. Fil-fatt, l-ewwel darba li niltaqgħu ma’ xi ħaġa li għandha konnessjoni mad-dawl elettriku f’Birżebbuġa, huwa rapport li sar fis-sena 1930, meta biex titwassal il-provvista tad-dawl elettriku kienet meħtieġa s-somma ta’ 1216 liri sterlini.  Lura għal dak iż-żmien li fih kien jgħix il-poplu Malti malajr tinduna bil-faqar li kont tista’ tarah u tmissu kull fejn iddawwar wiċċek.  B’dan kollu f’mohħna se naraw x’kien ix-xogħol tal-kebbiesa tal-fanali fit-toroq ta’ Birżebbuġa.  Biss, qabel xejn, ejjew naraw min kienu dawn il-kebbiesa:

 

Marija Briffa “tas-Sanfason”

Kuntrarju għal dak li normalment kien ikun kebbies tal-fanali, f’Birżebbuġa niltaqgħu ma’ xbejba ta’ madwar 15-il sena, Marija Briffa, imlaqqma ‘tas-sanfason’, li kienet tagħmel dan ix-xogħol. Missier u omm Marija kellhom razzett f’Ħal Far, in-naħa ta’ fuq Għar Ħasan. Huma trabbew f’dawn l-inħawi, fejn mill-ftit raba’ li kellhom kienu jaqilgħu l-għixien tagħhom. Meta t-tfal bdew jitfarfru, missier u omm Marija ħassew il-ħtieġa li jitilqu minn hemm u jinżlu lejn il-qalba tar-raħal biex ikunu eqreb lejn dak li kien essenzjali għal uliedhom. Marru joqogħdu fi Triq il-Gżira u fis bdew ifittxu xi tip ta’ xogħol biex il-familja tkun tista’ tgħix.

Kien proprju dan li għamlet Marija meta daħlet għax-xogħol ta’ kebbies tal-fanali. Biex jgħinha kienet qabbdet lil ħuha Karmnu, li kien iżgħar minnha.  Dan ix-xogħol kien ikkummissjonat lilha minn ċertu Kaptan Xuereb minn Raħal Ġdid. Il-ħlas ta’ ġimgħa xogħol kien skud u nofs (10 ċenteżmi tal-lum), u biex titħallas kien ikollha tmur bil-mixi Raħal Ġdid mill-anqas darba f’ġimgħa.  Illum dan il-ħlas jidher miżeru, iżda wieħed irid jinsa l-livell ta’ għixien li n-nies kienu jgħixu fih dak iż-żmien.

Għal sitt snin sħaħ, sajf u xitwa, xemx u xita. Hemm kont tilmaħ lil Marija flimkien ma’ ħuha Karmnu. Iterrqu fit-toroq tar-raħal jixegħlu u jitfu l-fanali. Kellha tkun l-għerusija ma’ ċertu Ġanni Ellul, ‘ta’ ċannijiet’, u iżjed tard iż-żwieġ ta’ bejniethom li ġab it-tmiem ta’ l-impjieg ta’ Marija bħala kebbies tal-fanali.

 

Lippu Agius

Wara Marija Briffa x-xogħol ta’ kebbies tal-fanali daħal għalih Lippu Agius “il-Manċin”.  Dan Lippu, li kien minn Ħal Għaxaq, niżel joqgħod Birżebbuġa flimkien ma’ missieru u ħutu.  Dawn kellhom xi żewġt ikmamar fit-Telgħa tal-Geru fejn, mill-ftit raba’ li kellhom madwar, kienu jaqilgħu l-għixien tagħhom. Omm Lippu għalkemm spiss kienet tinżel Birżebbuġa, biss kien ħtiġilha tibqa’ tgħix Ħal Għaxaq fejn kienet trabbi t-tiġieġ għall-bajd. Dan kienet tbiegħu Raħal Ġdid, fejn kienet tinżel bil-mixi. Iż-żmien baqa’ għaddej, iżda l-faqar u x-xogħol iebes kienu għadhom l-ordni tal-ġurnata. Lippu li issa sar ġuvni ġmielu, kien iżżewweġ lil Nona, xebba minn Ħaż-Żabbar. Ix-xogħol ta’ kebbies tal-fanali, għal Lippu kien ifisser l-għixien tal-familja ġdida tiegħu. L-ewwel kienu marru joqogħdu fi Triq Santa Katerina u wara fi Triq San Mikiel. Huma kellhom żewġ subien u tifla, iżda, bħal fil-każ ta’ tant u tant familji oħra, tilfu liż-żewġ subien ta’ età żgħira minħabba l-marda tat-tifojde. Lippu kellu lil Valent, żagħżugħ min Ħal Għaxaq, biex jgħinu fix-xogħol tiegħu.  Bi sfortuna, lil dan Valent messitu l-istess xorti ta’ ulied Lippu, u l-marda qerrieda tat-tifojde ħasditlu ħajtu f’qasir-il għomor. Min jaf forsi għad hawn min jiftakar lil Lippu u ‘1 Valent iduru t-toroq ta’ Birżebbuġa, jixegħlu u jitfu l-fanali.

Kellu jkun il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija li ġab fit-tmiem ix-xogħol ta’ Lippu bħala kebbies tal-fanali. Fil-fatt, tul il-gwerra kollha ma setgħetx tidher ebda tnemnima ta’ dawl fuq barra appena jidlam – lanqas ħierġa minn xi tieqa ta’ dar. Kullimkien kien ikun blackout assolut. Għalhekk, quddiem dan kollu, Lippu u Nona flimkien ma’ binthom telqu minn Birżebbuġa u marru joqogħdu Ħaż-Żabbar, fejn għadhom isibuhom bil-laqam ‘tal-fanali’.

 

Ċikku “Takkuna”

Wara li spiċċat il-gwerra u l-poplu beda jieħu ftit tan-nifs, bdew jidhru xi ftit sinjali ta’ progress. Fil-fatt, issa kien beda dieħel id-dawl elettriku anke f’xi djar tan-nies.  Biss, il-fanali tat-toroq kienu għadhom jinxtegħlu bil-pitrolju. L-aħħar kebbies tagħhom f’Birżebbuġa kien ċertu Ċikku ‘takkuna’ li għal xi żmien kien ukoll impjegat mas-Servizzi Ingliżi. Barra minn hekk, min kien jaf lil Ċikku żgur jiftakru jaħdem bħala skarpan, isewwi xi żarbun. Tgħid il-laqam tat-‘takkuna ġej minn dan il-fatt? Min jaf!  Ċikku, flimkien mal-familja, kien joqgħod fi Triq San Stiefnu. It-tmiem ta’ Ċikku bħala kebbies tal-fanali wasal meta fit-toroq bdew jitwaħħlu l-fanali li jinxtegħlu bid-dawl ta’ l-elettriku.

 

Fejn Kienu l-Fanali?

F’Birżebbuġa kien hawn żewġ tipi ta’ fanali: wieħed, magħruf bħala “Stand Lantern”, li kien ikun fuq arblu b’żewġ friegħi tal-ħadid ħerġin minn taħt il-fanal, li maghhom kien jiġi mserraħ is-sellum, u l-ieħor kien ikun imwaħħal fuq brazz ħiereġ minn mal-ħajt. Il-fanali kienu mqassma hekk: dawk ta’ fuq l-arbli kont issibhom tul l-Bajja s-Sabiħa mill-venda tal-karozzi sa ħdejn wieħed mill-fanali tul il-Bajja ta’ San Ġorġ ħdejn il-‘Pitch tal-Waterpolo’ oħrajn f Wied il-Buni minn ħdejn il-latrina sal-bidu ta’ Kalafrana, waqt li f’San Ġorġ minn ħdejn il-pont tax-Shell sa quddiem Al Fresco.

Kien hemm ukoll xi tnejn, int u sejjer lejn il-Qajjenza.  Fanali mwaħħla mal-faċċati tad-djar tista’ tgħid li kienu mifruxa mat-toroq kollha li kienu jeżistu. Kienet ħaġa ta’ bilfors li jkun hemm fanal imwahħal fuq il-bieb tat-tabib tar-raħal, u tal-Kappillan jew xi qassis.

F’dak iż-żmien, Birżebbuġa kellha lil Dun Karm Buġelli bħala Kappillan u d-dar tiegħu kienet f’47,Triq id-Duluri.  Dun Spir Penza, qassis minn Bormla li kien jiġi għas-Sajf ukoll kellu fanal fuq il-bieb tad-dar tiegħu fil-Bajja s-Sabiħa. Aktar tard kien hawn Dun Ġużepp Delia bħala kurat u warajh Dun Anġ Fenech bħala kappillan,dawn it-tnejn ukoll kellhom il-fanal imwaħħal mal-faċċata tad-dar tagħhom. L-importanza tal-Fanal imwaħħal mal-faċċata tad-dar tal-Kappillan, kienet għal meta kien ikun imsejjaħ għal xi assistenza ta’ xi ħadd li kien ikun qiegħed imut bil-lejl.

Fanal ieħor li kien ikun imwaħħal ta’ bil-fors kien dak fuq l-Għassa tal-Pulizija, iżda dan kien jinxtegħel mill-pulizija nnifsu. Mal-faċċata tal-Knisja tad-Duluri, li fl-1913 kienet saret l-ewwel Knisja Parrokkjali f’Birżebbuġa, kien hemm ukoll żewġ fanali mwaħħlin mal-faċċata. La qegħdin insemmu din il-knisja ta’ min wieħed jgħid li f’Settembru, fil-festa tad-Duluri, u li allura kienet l-ewwel titular tal-parroċċa mal-faċċata tal-knisja kienu jinxtegħlu t-tazzi taż-żejt.

Dawn aktarx kienu jinxtegħlu mill-kebbiesa tal-fanali. Illum, fir-raħal, għad baqa’ xi tifkiriet tal-fanali tat-toroq. Fil-fatt, mad-dar numru 68, Triq San Mikiel għad hemm il-brazz li miegħu kien jiddendel il-fanal, imwaħħal mal-faċċata ta’ barra, u fil-bajja ta’ San Ġorġ, fil-kantuniera tad-dar ta’ Cachia Zammit, ghad hemm il-fanal sħiħ li llum qiegħed jinxtegħel bid-dawl elettriku.

 

X’kien Xogħol il-Kebbies tal-Fanali?

Minħabba li dawn il-fanali kienu mifruxa fuq medda twila mar-raħal ta’ Birżebbuġa, xogħol il-kebbies tal-fanali kien irid jibda sa minn kmieni qabel inżul ix-xemx, biex jilħqu jinxtegħlu kollha sa ma jidlam. Biss, żgur li ma kinitx tkun l-ewwel darba li l-kebbies kien ikun għad baqagħlu x’jixgħel anke meta jkun ġa dalam, l-aktar meta xi fanali minnhom ma kienux ikunu jridu jixegħlu. L-ewwel ma kien jagħmel kien li jserraħ is-sellum, li kien ikun ta’ xi erbatax-il skaluna, mal-ħajt jew mal-pajp ta’ kull fanal.

Kien iniżżel il-lampa, inaddaf it-tubu tagħha b’xi biċċa ċarruta bajda u jimla l-lampa bil-pitrolju. Jekk jara li l-ftila tkun rabbiet il-musmar, il-kebbies kien jaqta’ biċċa minnha ħalli l-fjamma tkun tista’ tidher sewwa u ma ġġemmidx it-tubu. Fl-aħħar kien jixgħel il-lampa u jqegħdha mill-ġdid fil-fanal. Il-gwaj għall-kebbies kien ikun jekk xi fanal kien ifettillu jintefa b’xi maltemp jew b’xi riħ qawwi. F’dal-każ, fis kien imur iħabbatlu l-pulizija u jġiegħluh imur jixgħelu dak il-ħin stess!

Filgħodu, xogħol il-kebbies tal-fanali kien jibda mat-tbexbix. Hawnhekk, kien ikun irid jagħmel l-istess ronda ta’ filgħaxija, biss din id-darba biex jitfi l-fanali li jkun xegħel il-lejl ta’ qabel. Kien iġorr qasba twila li tkun tnaddfet minn kull għaksa fuq ġewwa, idaħħalha minn ġo toqba fil-qiegħ tal-fanal u jonfoħ fil-qasba sakemm tintefa l-lampa.  Ried ukoll jipprepara l-fanali għal lejla oħra ta’ mixegħla.

Dan kien, bażikament, ix-xogħol tal-kebbies tal-fanali. Forsi għal ħafna jidher li kien xi xogħol ħafif, iżda wieħed irid jiftakar li dan kien irid isir kuljum (u speċjalment fix-Xitwa fil-bard u x-xita) u għal ftit ċenteżmi! Jien, li ma lħaqtx dan ix-xogħol isir, spiss nimmaġina lil Marija u lil ħuha Karmnu għaddejjin bis-sellum u l-landa tal-pitrolju jew lil Lippu u ‘l Valent bil-qasba u ċ-ċarruta.

Allaħares, dak iż-żmien, ma kinitx tkun dik it-tnemnima dawl ħierġa mill-fanali biex tikser id-dlam taqtgħu b’sikkina fit-toroq tagħna matul il-lejl. Mhux ta’ b’xejn li l-poeta Anton Buttiġieġ iddedika poeżija lill-Kebbies tal-Fanali fejn fiha esprima:

 

“Allaħares ma kienx Majsi
Illi jagħmel ftit tad-dija”.

 

Nota:

Nixtieq nirringrazzja lil Esther Portelli, bint Marija Briffa, li kienet ta’ għajnuna kbira għalija f’kull ma kelli bżonn.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: