Skip to content

‘Il-Kappella tal-Madonna Għajnuna tal-Insara fil-Bajja ta’ San Ġorġ’

 
‘Il-Kappella tal-Madonna Għajnuna tal-Insara fil-Bajja ta’ San Ġorġ’
minn Conrad D’Amato
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 1999.

 

Il-Kappella Madonna Għajnuna tal-Insara, l-unika knisja b’dan it-titlu fil-Gżejjer Maltin.  Din tinsab fil-Bajja ta’ San Ġorġ, f’Birżebbuġa.

 

Bini Storiku f’Birżebbuġa

Fil-ħarġa tal-fuljett tas-sena l-oħra konna tkellimna fuq id-Dar ta’ Pultu li tinstab f’Ta’ Kaċċatura. Għal din is-sena ser immorru ftit vicin il-baħar, eżattament fix-xatt ta’ San Ġorġ fejn hemm insibu kappella ċkejkna imma ħelwa ddedikata lill-Madonna Għajnuna ta’ l-Insara, u li din is-sena jaħbat għeluq il-165 sena minn mindu tbierket u saret l-ewwel quddiesa fiha.

 

Il-Kappella tal-Madonna Għajnuna tal-Insara

Kif diġà għidna qabel, din il-kappella tinstab fil-bajja ta’ San Ġorġ, faċċata tal-kappella ta’ San Ġużepp fi Triq Salvatore Cachia Zammit.  Din il-kappella hija ġustpatronat, iddedikata lill-Madonna bit-titlu “Għajnuna ta’ l-Insara”, u hija l-unika kappella f’Malta taħt dan it-titlu.  Din il-kappella minn dejjem kienet proprjetà privata tal-famlija Cachia Zammit u tagħmel parti mid-dar ta’ maġenba bl-isem ta’ “Merhba Bik” li kienet inbniet fis-seklu dsatax.

Il-bidu tal-bini ta’ din il-kappella x’aktarx ratu s-sena 1830.  Din il-kappella nbniet minn Dr. Matteo Cachia minn Ħal Għaxaq li kien miżżewweġ ma’ Marianna Żammit mill-Belt Valletta.  Din il-kappella kienet inbniet għall-kumdità tal-bdiewa u s-sajjieda li kienu jgħixu fil-viċin.  Illum din il-kappella tinstab f’idejn Dr. Alexander Cachia Zammit li l-imsemmi Dr. Matteo Cachia jiġi l-bużnannu tiegħu.

Dr. Matteo Cachia kien Duttur tal-Liġi. Fit-2 ta’ Settembru 1833 kien sar rikors milqugħ mill-Isqof Franċesco Saverio Caruana.  Din il-kappella kienet ġiet imbierka mill-Vigarju Ġenerali Mons. Don Salvatore Lanzon, Arċidjaknu tal-katidral fl-14 ta’ Mejju 1834 (165 sena ilu) u dakinhar kienet saret l-ewwel quddiesa.  Quddies f’din il-kappella minn dejjem kien isir taħt forma privata.  Din il-kappella kienet frekwentata l-aktar fl-aħħar tas-seklu dsatax meta l-kappella ta’ San Ġorġ, li tinstab ftit passi ‘l bogħod, kienet profonata peress li kellha xi ħsarat fis-saqaf.  Hemm fondazzjoni ta’ 10 quddisiet imħollija mill-fundatur Dr. Matteo Cachia u 12 oħra mħollija mis-Sinjorina Gaetana Cachia Randon.

Fil-bidu din il-kappella kienet tagħmel parti mill-parroċċa Matriċi taż-Żejtun, li kienet saret parroċċa fl-1436.  Imbagħad din il-kappella kienet saret tagħmel parti mil-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq li kien sar parroċċa fl-1626.  Meta fil-11 ta’ Jannar 1897 Marsaxlokk sar parroċċa, din il-kappella bdiet tifforma t-tarf tal-limiti tal-parroċċa ta’ Marsaxlokk.  Kien fid-9 ta’ Settembru 1913, meta Birżebbuġa saret parroċċa li din il-kappella ġiet tagħmel parti mit-territorju tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa.

Din il-kappella hi zgħira u għandha artal tal-ġebel stil Doriku, is-saqaf huwa troll u hija unvjata.  It-tabernaklu hu sabih ferm u jixraq ħafna ma’ l-istil tal-kappella.  L-inkwadru titulari huwa xogħol tal-pittur Malti Antonio Falzon.  Huwa interessanti l-fatt li meta nbniet din il-kappella, id-devozjoni ta’ San Ġwann Bosco lejn il-Madonna Awżiljatriċi kienet għadha ma bdietx.  Għalhekk il-kwadru titulari huwa kopja tas-Safsoferrato li jippreżenta dehera maestuża tal-Madonna bil-Bambin fuqha bilqieghda fuq is-sħab.  Qabel ma sar l-inkwadru kien hemm il-kitba “Thronus Meus In Columna Nubis”.  Illum il-ġurnata fuq l-inkwadru hemm il-kitba bil-Latin “Auxilium Christianorurn Ora Pro Nobis”.  Dan l-inkwadru ġie mpitter fis-sena 1833 skond id-data li hemm miktuba fuq il-komma ta’ id il-Madonna.  Ġo din il-kappella nsibu statwa ferm sabiħa li tippreżenta lill-Madonna bil-Bambin f’idejha u qiegħda f’niċċa tal-kewba qrib il-bieb prinċipali.  Qabel din l-istatwa kienet toħroġ proċessjonalment mat-toroq viċin il-kappella u l-Bajja ta’ San Ġorġ.  Maġenb din il-kappella hemm sagristija zgħira.  Il-faċċata tal-kappella hi sempliċi u sabiħa.  Tinkludi bieb u fuqu hemm kitba Latina li tgħid: “Auxilium Christianorum”, li bil-Malti tfisser “Għajnuna ta’ l-Insara”.  Fuq il-bieb hemm tieqa tonda li waħda oħra bħala tinstab fuq l-inkwadru titulari.  Imbaghad fuq insibu l-frontispizju b’salib u fil-ġnub tiegħu nsibu żewġ bombli tal-ġebel tassew sbieħ.  Ħadd ma jaf min kien il-perit ta’ din il-kappella, imma x’aktarx li kien xi perit Ingliż peress li s-saqaf huwa l-istil tal-knejjes Ingliżi.  Quddiem din il-kappella nsibu statwa tal-ġebel, li saret wara li nbniet il-kappella u hija kopja ta’ l-inkwadru titulari li jinsab meqjum ġo l-istess kappella.  Din l-istatwa bħall-inkwadru turi lill-Madonna bil-Bambin fuqha bilqiegħda fuq is-sħab.  Din l-istatwa flimkien mal-pedestal ġew skolpiti minn skultur kunjomu Dimech.  Ma’ din l-istatwa hemm indulġenza għal minn jgħid Pater, Ave u Gloria quddiemha.   Mhux magħruf eżatt meta saret din l-istatwa imma nafu li fl-1851 kienet diġà hemm.

Bħalma diġà għidna l-ewwel quddiesa kienet saret fl-14 ta’ Mejju 1834 mill-Vigarju Ġenerali Mons. Salvatore Lanzon.  Quddies għadu jsir fiha sal-lum.  Kull 24 ta’ Mejju tiġi ċċelebrata l-festa tagħha.  Nafu li l-festa minn dejjem kienet tiġi ċċelebrata u għadha tiġi ċċelebrata sal-lum.  Fl-1953 saret festa kbira, li kienet bdiet fit-28 ta’ Mejju, u spiccat fl-1 ta’ Ġunju.  Fit-28, 29 u 30 ta’ Mejju kienu jiem ta’ Tridu fejn fihom tkantat l-antifona sagramentali.  Is-Sibt 31 ta’ Mejju kien lejliet il-festa.  Filgħodu kien tkanta it-Te Deum, u fil-għaxija saret translazzjoni solenni mil-kappella ta’ San Gorg li kienet immexxija mil-Isqof Emanuele Galea.  Ta’ interess hu li f’din it-translazzjoni kien hemm jakkumpanjawha 12-il saċerdot u 7 kappillani ta’ parroċċi differenti.  Dawn kienu l-kappillani tal-parroċċi taż-Żejtun, Marsaxlokk, Naxxar, Santa Venera, Ħal Kirkop, Birżebbuġa u Gudja.  Il-Kappillan ta’ Birżebbuġa ta’ dak iż-żmien kien Dun Mikiel Spiteri.

Wara l-għasar l-Isqof ta l-barka sagramentali.  Wara li spiċċat il-funzjoni ta’ ġewwa, il-banda Beland taż-Żejtun għamlet marċ mal-Bajja ta’ San Ġorġ u mat-toroq qrib il-kappella.  Il-Ħadd l-1 ta’ Ġunju kien Jum il-Festa.  Kienu saru tliet quddisiet, tnejn letti u waħda kantata fid-disgħa ta’ filgħodu.  Fis-sitta ta’ filgħaxija sar l-ghasar mill-kappillan ta’ Birżebbuġa Dun Mikiel Spiteri.  Wara kien sar pellegrinaġġ bl-istatwa li kienet għamlet tliet ijiem fil-knisja parrokkjali ta’ San Pietru, fil-post fejn illum hemm l-ambone.  Ta’ interess hu li nħarsu lejn dan ir-rittratt antik t’hawn taħt, li jibqa’ tifkira ta’ din l-ewwel festa.  Dan ir-rittratt ġie miġbud fil-31 ta’ Mejju 1953 – Lejliet il-festa.  F’dan ir-ritratt wieħed għandu jinnota t-tizjin u l-armar li kien jintrama mal-faċċata tal-kappella u fit-triq ta’ quddiemha.  Ix-xatt ta’ San Ġorġ kien ikun imżejjen ukoll.  L-armar kien jikkonsisti minn palm u żebbuġ, bnadar, pilandri, anġli quddiem il-kappella u armar ieħor li kien popolari dak iż-żmien.

Fil-festa ta’ l-1954 bażikament kien sar kollox l-istess imma ma kienx ġie l-Isqof.  Tul il-ġranet tal-festa l-kappella tkun imżejna b’damask u armar ieħor li jintrama fil-festa biss.  Dan l-armar ta’ ġol-kappella għadu jintrama sal-lum.  Imbagħad il-festa ta’ l-1955 ma saretx hekk kbira.  Kull ma kien sar pelleggrinaġġ u quddiesa nhar il-festa.  L-aħħar pelleggrinaġġ bl-istatwa li sar kien fit-28 ta’ Mejju 1956.

Illum il-ġurnata l-festa tiġi ċċelebrata b’quddiesa biss. Ta min jgħid li l-armar ta’ ġol-kappella għadu jintrama kollu.  Fl-10 ta’ Gunju 1956 l-Arċisqof Mikiel Gonzi kien żar din il-kappella u qaddes fiha. Illum il-ġurnata wara aktar minn 165 sena, din il-kappella għadha telekwali.  Fil-kwiet u fil-ħemda fejn tinstab, iġġiegħlek taħseb fuq dawk iż-żminijiet meta l-progress kien għadu ma resaqx lejn raħalna, u ġġib quddiem għajnejk lil Birżebbuġa kollha raba’ u xagħari u l-Bajja ta’ San Ġorġ b’dak il-baħar kaħlani u l-mewġ ħelu li kienu jwensu lil dan ir-raħal ċkejken b’ċiviltà antika, biex tassew kienu jagħmluh raħal uniku u differenti mill-oħrajn.  Mhux ta’ b’xejn li fl-antik il-Maltin kienu jsejħu lil Birżebbuġa bħala “L-art tal-mistrieħ.”

 

Conrad D’Amato

Nixtieq nirringrazzja b’mod speċjali lil Dr. Alexander Cachia Żammit ta l-informazzjoni siewja li għaddieli. Kieku ma kienetx l-għajnuna tieghu ma kienx ikun possibbli li jiġi ppubblikat dan kollu. Grazzi ħafna.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: