Skip to content

Il-Kan. Profs. Anton Tabone

 

Il-Kan. Profs. Anton Tabone
kitba ta’ Arthur Grima f’isem L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2004.

 

stampa

caption

 

Saċerdot Għawdxi li Ħadem f’Birżebbuġa

Għaddiet sewwa sew sena minn mindu Birżebbuġa tilfet lill-Prof. Anton Tabone. Kien iħobb in-nies, u n-nies kienet tħobbu u tfittxu. Kemm jekk kien jeżerċita x-xogħol pastorali, kemm jekk kien jimxi żewġ passi x-xatt jew bilqiegħda fuq iċ-ċint tax-xatt, dejjem kont tilmaħ fih l-ispirtu ta’ San Franġisk li tiegħu kien tant devot.  Tlifnieh imma ma nsejniehx.

Dawn kienu l-preċiżi kelmiet li nkitbu dwar il-Prof. Anton Tabone f’għeluq is-sena mill-mewt tiegħu fit-30 ta’ April 1972.

 

Min Kien il-Profs. Anton Tabone

Il-Profs. Tabone twieled in-Nadur Għawdex nhar it-13 ta’ Settembru 1896. Missieru kien jismu Ġanni u ommu Rożina xebba Bajada. Meta kien tifel studja r-Rabat Għawdex u mbagħad daħal novizz mal-Patrijiet ta’ Ġieżu. Studja l-Filosofija f’Malta u wara f’Ruma ġie ordnat qassis fil-Bażilika tal-Lateran f’Ruma fl-1922, u għażel l-isem ta’ Patri Pawl, isem li baqa’ magħruf bih ma’ bosta nies.  Patri Pawl baqa’ jistudja u fl-1925 ħa l-lawrja tad-dritt Kanoniku u t-Teoloġija Morali fl-Università Antoniana ta’ Ruma. Sena wara huwa mar jgħallem f Ġerusalemm, u aktar tard viċin Firenze, fl-Italja. Meta ġie lura Malta, għallem għal aktar minn għoxrin sena mal-patrijiet minuri.  Bejn l-1943 u l-1949 kien eżaminatur tal-Kleru. Barra dan huwa kien ċensur teologu kif ukoll eżaminatur prosinodali. Minn hawn wieħed jista’ jara x’potenzjal kellu dan il-qassis għal dik li hija skola. Patri Anton Tabone għamel xi żmien bħala kappillan tal-Parroċċa Sacro Cuor Tas-Sliema, liema parroċċa hija mmexxija mill-istess Patrijiet Franġiskani ta’ Ġieżu. La qegħdin insemmu l-Patrijiet ta’ Ġieżu li tagħhom hija fdata l-kustodja tal-Qabar ta’ Kristu fl-Art Imqaddsa, huwa wkoll għamel xi żmien bħala kummissarju tat-Terra Santa.  Kien fl-1944 meta Patri Anton Tabone nħatar professur tad-dritt Kanoniku fl-Università Rjali ta’ Malta.

 

Il-Profs. Anton Tabone u Birżebbuġa

Lejn l-aħħar tas-snin 40 tas-seklu l-ieħor Patri Anton Tabone kien ġie joqgħod Birżebbuġa minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Huwa kien ingħata dan il-parir għall-fatt li Birżebbuġa huwa viċin il-baħar. Fl-1952 Patri Anton kien ħalla l-Ordni tal-Patrijiet ta’ Ġieżu u ngħaqad ma’ l-Arċidjoċesi Maltija. Fi ħdan din id-djoċesi Dun Anton kompla juża l-kapaċitajiet tiegħu, hekk li nsibuh iservi fil-Qorti ta’ l-Arċisqof bħala difensur tar-rabta taż-Żwieġ għal disa’ snin. Kien fl-1955 meta huwa ġie maħtur bħala mħallef ta’ din l-istess Qorti.

 

Ħidmietu fil-Parroċċa

Meta saħħtu bdiet ġejja għall-aħjar Profs. Tabone mill-ewwel inxteħet għax-xogħol pastorali. Dan kien fi żmien il-Parrokkat tal-Kappillan Dun Anġ Fenech. Kien jagħti l-għajnuna tiegħu lil kull min kien ifittxu. Kull min għandu ċerta età żgur li jiftakar lil Dun Anton iqaddes lit-tfal tal-parroċċa.  Hawn irrid insemmi li għalkemm huwa kien xi ftit nervuż, biss kien jaf imur sewwa mat-tfal.

Jien niftakar lill-Profs. fil-konfessjonarju biex iqarar bil-palju f’idejh u kont trid toqgħod attent għax kien ibeżbiżielek żgur bil-palju. It-tqarbin tal-morda kien l-għaxqa tiegħu u tista’ tgħid li kien imur iqarben lill-morda kollha.

Il-Profs. kif kien magħruf man-nies ta’ Birżebbuġa kien ukoll imfittex minn bosta qassisin għall-pariri ferm siewja li kien jaf jagħti. Huwa kien ukoll għal xi żmien bħala assistent ekkleżjastiku taċ-ċirkolu ta’ l-Azzjoni Kattolika ta’ Birżebbuġa. Donnu dan kollu ma kienx biżżejjed għall-Profs. Tabone, tant li meta għal raġunijiet ta’ saħħa Mons. Saydon ma baqax bħala rettur tal-kappella tal-Kunċizzjoni f’Bengħajsa, 1i huwa kien imur iqaddes hemm ukoll.

Tul iż-żmien li dam joqgħod hawn f’Birżebbuġa huwa kien joqgħod f’dar faċċata taċ-ċirkolu ta’ l-Azzjoni Kattolika.  Mal-faċċata ta’ daru wara mewtu kienet twaħħlet lapida biex jibqa’ mfakkar dan is-saċerdot u b’rikonoxximent tal-ħidma li wettaq fostna. La qegħdin insemmu dan, ma nistax inħalli barra l-ġnien ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa li ġie msemmi għall-Profs. Anton Tabone, kif ukoll iżjed riċenti l-bdil ta’ l-isem ta’ Triq il-Ġdida (New Street) għal Triq il-Profs. Anton Tabone 1896-1971.   Kien madwar sentejn ilu meta l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa fuq rakkomandazzjoni ta’ xi wħud kien ta l-isem ta’ Skola Profs. Anton Tabone lill-iskola primarja tal-lokal.

 

Profs. Anton Tabone l-Kittieb

Il-Profs. Anton Tabone kellu wkoll għal qalbu l-letteratura, tant li kien membru ta’ l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti. Huwa kien jikteb regolarment f’ħafna rivisti u ġurnali, waqt li ppubblika ħafna xogħlijiet, fosthom Il-Liġi tas-Sawm u l-Assistenza (1930), Ward u Xewk (1936), Il-Via Sagra (1937), Tberik fid-Djar fi Żmien l-Għid (1937), The Fundamental Rights of the Human Person (1952) u L-Art Imqaddsa (1949). Biex żgur ma jintilef xejn mill-kitba tiegħu, Profs. Tabone kien ħalla l-kotba privati tiegħu lil-librerija ta’ l-Università Rjali ta’ Malta.

Lura lejn Birżebbuġa, jien niftakar ma’ l-akbar ħbieb li kellu fosthom ċertu Pawlu Bonnici (iż-Żibi) fejn fil-ħanut tal-ġwież li kellu fi Triq San Mikiel kienu jqattgħu ħafna ħin jitkellmu. Il-Profs. Anton Tabone miet nhar it-2 ta’ Mejju 1971 fl-età ta’ 74 sena.  Biex jingħata l-aħħar tislima t-tebut tal-Profs. tqiegħed fil-knisja parrokkjali għall-qima tal-poplu.  Jumejn wara kien sarlu funeral kbir kif wara kollox kien jixraqlu. Mill-funeral li kellu, il-poplu ta’ Birżebbuġa wera kemm kien iħobb lil dan is-saċerdot li għalkemm ma kienx wild dan ir-raħal, biss apprezza x-xogħol li wettaq hawn fosthom. Kien fis-sena 1996 meta f’għeluq il-mitt sena minn twelid il-Profs. Anton Tabone, l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa kienet qiegħdet kuruna tal-weraq tar-rand mal-lapida li hemm mal-faċċata tad-dar fejn kien joqgħod.  U fl-aħħar, ikun xieraq, li nies bħal Profs. Anton Tabone tajjeb li wieħed jiftakar fihom biex ma jintesewx.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: