Skip to content

Il-Ħames Snin ta’ Birżebbuġa fir-Regatta

 

Il-Ħames Snin ta’ Birżebbuġa fir-Regatta
kitba ta’ Alex Azzopardi.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2003.

 

stampa

caption

 

Artiklu ferm interessanti li ġie ppubblikat fil-Programm Minn Qalb l-Iljuni – Festa ta’ San Pietru 2000, kien dak miktub mis-Sur Arthur Grima, f’isem l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, dwar is-sehem ta’ Birżebbuġa fit-Tiġrijiet tal-Vitorja. Rajna li fuq inizjattiva tas-Sur Mabbli Vella, fl-1971 ġiet imwaqqfa f’Birżebbuġa L-Għaqda 8 ta’ Settembru Regatta. Birżebbuġa ħadet sehem għall-ewwel darba fir-regatta ta’ l-1972 u baqgħet tagħmel dan sa l-1976. Hawnhekk se nagħti tagħrif, li ġbart minn ġurnali lokali, dwar dawn il-ħames snin li fihom l-isem ta’ Birżebbuġa kien ikun wieħed mis-seba’ distretti fil-Kanal tal-Port il-Kbir nhar it-8 ta’ Settembru wara nofsinhar.

 

1972

Bħal kull sena l-avveniment sportiv prinċipali fix-xhur tas-sajf kienu it-tiġrijiet tal-Vitorja, li minn sena għall-oħra bdew iżidu fl-interess, tant li bħala sinjal ċar ta’ dan, mas-sitt distretti tradizzjonali, jiġifieri Birgu, Bormla, Isla, Kalkara, Marsa u Marsamxett, għall-edizzjoni ta’ l-1972 żdied dak ta’ Birżebbuġa. Huwa fatt li fil-bajjiet pittoreski ta’ dan ir-raħal kienu jsiru t-tiġrijiet bil-qlugħ – kwalità ta’ opri li għalihom kienu magħrufin sew il-Birżebbuġin. Fost dawn it-tiġrijiet tal-qlugħ, kienet issir waħda nhar il-festa ta’ San Pietru u r-rebbieħ kien jingħata t-Tazza San Pietru. Iżda t-tqanqil tan-nies ta’ Birżebbuġa lejn l-isport tal-baħar wassalhom biex jiffurmaw kumitat u jibdew jieħdu sehem ukoll fir-Regatta tal-Vitorja. Bil-ħidma enormi, u b’rieda ta’ l-azzar, dan il-kumitat irnexxielu jikseb l-ewwel żewġ dgħajjes, waħda ġdida tal-midalji bl-isem ta’ Santa Marija, mibnija mill-imgħallem Alfred “Gogo” Baldacchino u waħda qadima tal-Pass. Ġiet provduta ukoll frejgatina, il-Blue Star, ta’ l-imghallem Joe Aquilina. It-taħriġ għall-qaddiefa, mimlija entużjażmu beda saħansitra mill-jiem kesħin tax-xitwa, u kienu bosta dawk li wrew interess biex jiffurmaw parti mill-ekwipaġġ ta’ wieħed minn dawn it-tliet opri.

Il-kulur tas-sinjal ta’ Birżebbuġa kien blu ċar b’faxx aħmar u abjad. Birżebbuġa ħadet sehem fit-tiġrijiet tal-midalji, frejgatini, ta’ bi tnejn u ta’ b’erbgha, filwaqt ma pparteċipatx fil-korsa tal-kajjiki.

Fl-Orizzont tad-9 ta’ Settembru 1972 naqraw hekk: Il-qaddiefa ta’ Birżebbuġa li għall-ewwel darba ħadu sehem fir-regatta wrew spirtu u determinazzjoni kbira, iżda huma sofrew min-nuqqas ta’ esperjenza.  Birżebbuġa li għalkemm ma rebħu ebda post, marru tajjeb f’tal-midalji u ta’ b’erbgħa.

Xi deċiżjonijiet tal-ġurija kienu qajmu protesti kbar u ġlied bejn ir-rivali tal-belt u ta’ Bormla.

Bormla, b’64 punt, rebħu l-aggregate shield 1i ġiet ppreżentata lilhom mill-Gvernatur Ġenerali Sir Anthony Mamo. Birżebbuġa minkejja l-qlubija li wrew il-qaddiefa ma rnexxielhomx jidħlu ma’ l-ewwel tlieta, fl-erbgħa korsi li pparteċipaw fihom u għalhekk ma ħadu l-ebda punt.

 

1973

Id-distretti tal-Birgu, Birżebbuġa, Bormla, Isla,  Kalkara, Marsa u Marsamxett ħadu sehem f’din l-edizzjoni. Il-kuluri tas-sinjal ta’ Birżebbuġa kienu blu ċar, aħmar u abjad.

L-Orizzont tas-7  ta’  Settembru   1975, ġew ippubblikati diversi ritratti ta’ l-opri waqt it-taħriġ fosthom dik ta’ b’erbgħa ta’ Birżebbuġa bil-qaddiefa jkunu Peter J. Aquilina bħala pruwwier; Ronnie Grech irmiġġier; Emanuel D’Amato nofsier u Joe Scicluna bħala poppier.  Interessanti huwa wkoll il-fatt li fit-Torċa tas-26 ta’ Awissu 1973, bi prominenza fl-ewwel paġna, taħt it-titlu Jibdew it-tħejjijiet għar-Regatta Nazzjonali deher ritratt tal-Kappillan Dun Ġ. Minuti, qiegħed ibierek ħames opri ta’ Birżebbuġa fil-preżenza tal-kumitat, qaddiefa u d-dilettanti tar-regatta. Naqraw ukoll li tnejn minn dawn l-opri li dehru fir-ritratt, ġew mixtrija mill-Birgu, fosthom id-dgħajsa tal-Pass, biex b’hekk issa l-ekwipaġġ ta’ Birżebbuġa ġie armat b’żewġ dgħajjes tal-Pass li kienu: Pietra, maħduma minn Ġużeppi Delceppo u Lady of Lourdes li nbniet fl-1954 mill-imgħallem Ċensu Pule.  Bħas-sena ta’ qabel Birżebbuġa ħadu sehem f’kull korsa, barra f’dik tal-kajjik.  Fit-tiġrijiet din is-sena reġa’ qam inkwiet kbir wara xi deċiżjonijiet tal-ġurija, u f’ċerti mumenti kien hemm il-biża’ li jisfratta kollox.  Il-Gvernatur Ġenerali ta’ Malta, Sir Anthony Mamo ppreżenta l-Aggregate Shield lill-Bormla li tellgħu total ta’ 64 punt, filwaqt li Birżebbuġa ma rebħu l-ebda palju.

 

1974

Fil-preview li ta l-ġurnal l-Orizzont tat-3 ta’ Settembru 1974, naraw li bit-tama li jintrebaħ l-ewwel palju fit-tielet tentattiv tagħhom, il-qaddiefa ta’ Birżebbuġa ħasbu li jibdew it-tħejjijiet tagħhom kmieni u għalhekk bdew jippruvaw sa mit-30 ta’ Mejju. Saret dgħajsa ġdida tal-midalji li ngħatat l-isem ta’ Sabiħa (Pine Lawn), maħduma minn Alfred ċoġo Baldacchino.  Sadanittant l-opri komplew jiżdiedu b’akkwist ta’ kajjik maħdum mill-imgħallem Ġużeppi Delceppo li ngħata l-isem ta’ Mabbli, b’rikonoxximent lejn Mabbli Vella, il-mibki fundatur ta’ l-Għaqda tar-Regatta.  Is-Sur A. Izzo, Viċi President tal-Kumitat tar-Regatta, saħaq li kulħadd għandu jieħu sehem bi spirtu sportiv, u qal li ċ-ċansijiet għal Birżebbuġa kienu daqs ta’ ħaddieħor. Għalkemm bħala favoriti għar-rebħ tax-shield indika lil Bormla u l-Isla. Ix-xewqa tas-Sur Izzo, apparti naturalment li Birżebbuġa tagħmel suċċess fir-regatta, kienet li f’qasir żmien jibda x-xogħol fuq pjanta, biex jinbena club li jkun jista’ jilqa’ fi ħdanu u jospita kemm lid-dilettanti tad-dghajjes (qaddiefa) kif ukoll dawk ta’ l-ibburdjar. “Huwa xieraq li aħna, bħal kull club ieħor li qed jieħu sehem fir-regatta jkollna post addattat fejn inżommu d-dgħajjes tagħna” temm jgħid il-viċi president ta’ Birżebbuġa.

F’dik is-sena sar xi tibdil fil-korsa minhabba l-vapur Tudor Prince li kien mgħarraq qrib l-moll il-ġdid. F’din l-edizzjoni kellna parteċipazzjoni qawwija minn kull distrett li tista’ tgħid ħadu sehem f’kull korsa b’żewġ opri, tant li kellhom isiru żewġ tiġrijiet tal-kajjiki.

Minħabba l-argumenti li nqalgħu fil-passat din is-sena ntuża għall-ewwel darba l-photo finish, iżda sfortunatament instab li minħabba ħsara teknika dan l-apparat ma bediex jiffunzjona tajjeb, u dan qajjem għagħa kbir fost uhud mill-kumitati tad-distretti parteċipanti.

Il-Ministru tal-Finanzi u Dwana n-Nutar Joseph Abela ppreżenta l-Aggregate Shield lil Bormla li rebħuha għat-tielet darba in fila b’total ta’ 64 punt. Birżebbuġa reġgħu ma ħadu l-ebda punt.

 

1975

Interessanti naraw li għat-tiġrijiet ta’ din is-sena mad-distrett ta’ Birżebbuġa ġew reġistrati 13-il qaddief, l-inqas fost id-distretti parteċipanti, bl-akbar numru. 21 ikun reġistrati mal-Birgu. Il-kuluri tas-sinjal ta’ Birżebbuġa kienu blu ċar, aħmar u abjad.

Fil-ġurnal In-Nazzjon Tagħna tat-8 ta’ Settembru 1975 ġie rrapurtat hekk dwar id-distrett ta’ Birżebbuġa: Ftit li xejn hemm x’wieħed jippronostika. Minn meta ddebuttaw tliet snin ilu jonqoshom jiksbu pjazzament fost l-ewwel tlieta tul il-ħames events. Għadhom ma kisbu l-ebda punt wara tliet edizzjonijiet. Tgħid din is-sena naraw xi sorpriia minnhom f’xi tellieqa? Wara kollox ikun premju ferm meritat, xejn xejn, għall-isportività li dejjem urew. L-iżgħar kontestant mis-seba’ parteċipanti fil-21 edizzjoni.

Id-distrett Marsi rebaħ din l-edizzjoni b’60 punt u ġew ippreżentati bl-Aggregate Shield mill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Affarijiet tal-Parlament Dr. Anton Buttigieg. B’diżappunt kbir, Birżebbuġa għal darba oħra ma ħadu l-ebda punt.

 

1976

Fil-preview dwar ir-regatta li deher fl-Orizzont tas-7 ta’ Settembru 1976, kellna dan it-titlu ħdejn l-isem ta’ Birżebbuġa – Kien Għoddhom Irtiraw. Dan kien l-ewwel sinjal negattiv li l-club tar-regatta beda jmajna u jersaq lejn tmiemu. Imma wara ħidma kbira mill-kumitat, l-isem ta’ Birżebbuġa reġa’ deher fir-regatta għall-hames sena konsekuttiva.

Skond is-Sur A. Muscat, membru fil-kumitat, kien hemm nuqqas kbir ta’ interess mill-qaddiefa, tant li f’ċerti mumenti n-numru tant kien żgħir li bdew jaħsbuha jieħdux sehem jew le. Il-qofol tal-problema kienet in-nuqqas ta’ post addattat biex setgħu jinżammu d-dgħajjes, fejn jiltaqgħu l-qaddiefa u biex il-kumitat ikun jista’ jorganizza l-attivitajiet tieghu. Għalkemm il-Gvern offra waħda mit-tined li kien hemm Kalafrana, din kienet ‘il bogħod wisq minn fejn isir it-training.  Meta sar l-aħħar sforz, u l-kumitat iddeċieda li jieħu sehem inqala’ ntopp ieħor. Għalkemm xi qaddiefa bdew jinżlu sa minn xahrejn qabel, ma sarux aktar minn 15-il ġurnata ta’ taħriġ konsegwenza tal-baħar qawwi li għamel tul il-ġranet tas-sajf.

L-ekwipaġġ kien iffurmat minn dawn il-qaddiefa: Mario Schembri, Charles Farrugia, Anthony Schembri, Michael Incorvaja, Sonny Bonnici u Joe Camilleri.  Minkejja dawn il-problemi kollha, inxtrat frejgatina ġdida bl-isem ta’ Balena, maħduma minn Ġużeppi Delceppo tal-Kalkara.

Kien hemm fiduċja kbira li din il-frejgatina l-ġdida misjuqa minn Mario Schembri u Charles Farrugia, biċ-ċkejken Charles Muscat bħala coxwain kienet se tiġi ma’ l-ewwel tlieta. Minn barra bil-frejgatina, Birżebbuġa ħadet sehem bil-kajjik u ta’ b’erbgħa. L-erbgħa opri l-oħra li kellhom Birżebbuġa baqgħu ma ntużawx minħabba n-nuqqas ta’ qaddiefa.

Fl-Orizzont tat-8 ta’ Settembru 1976 naqraw hekk: Il-pajjiż l-ieħor li se jieħu sehem huwa dak ta’ Birżebbuġa. Minkejja l-ħidma ta’ min jammira tal-kumitat ta’ Birżebbuġa, dawn għadhom ma jistgħux jaqbdu art u din is-sena bla ma riedu marru pass lura billi s-sehem tagħhom fir-regatta huwa wkoll limitat.  Qabel, ta’ l-inqas dejjem ħadu sehem bid-dgħajjes kollha. lżda din is-sena se jkunu fil-kanal għal tliet tiġrijiet.

Din l-edizzjoni kienet karraterizzata minn xita kontinwa u riħ kiesaħ. B’konnessjoni ma’ dan interessanti naqraw li l-ambjent li jdawwar il-Port il-Kbir kien iddominat minn numru kbir ta’ umbrellel biex jistkennu taħthom id-dilettanti li sfidaw it-temp u bħas-soltu imlew kull parti tal-port biex isegwu t-tiġrijiet.

Is-sinjal ta’ Birżebbuġa kien blu ċar, aħmar u abjad.

Il-Marsa reġghu għamluha u tellgħu total ta’ 68 punt, biex fost il-ferħ tal-partitarji Marsin irċevew l-Aggregate Shield mingħand il-President tar-Repubblika Sir Anthony Mamo. Birżebbuġa f’dan l-aħħar tentattiv tagħhom ma rnexxielhom jiksbu l-ebda punt.

Sfortunatament. peress li l-problemi komplew jippersistu u jikbru din kienet l-aħħar darba li l-kuluri blu, aħmar u abjad tad-distrett ta’ Birżebbuġa ġew varati fil-kanal tal-Port il-Kbir. Għalkemm is-suċċess qatt ma wasal, kienu diversi r-rapporti fuq il-ġurnali li faħħru l-qaddiefa ta’ Birżebbuġa għall-ispirtu sportiv u d-determinazzjoni li wrew, u dan għandu jagħmlilna unur għax wara kollox l-importanti li tipparteċipa.

F’dan l-artiklu ma stajtx insemmi lill-qaddiefa kollha li ħadu sehem ma’ Birżebbuġa għas-sempliċi fatt li ssemmew biss dawk l-ismijiet tal-qaddiefa u membri tal-kumitat li ltqajt magħhom fuq il-ġurnali li kkonsultajt.  Nixtieq li nieħu l-okkażjoni biex nagħti ġieħ lil kull min kellu x’jaqsam fil-kumitati tal-klabb tar-regatta u lill-qaddiefa kollha li ffurmaw l-ekwipaġġi tad-distrett tagħna għax bis-saħħa tagħhom inkitbet paġna oħra fl-istorja sportiva ta’ Birżebbuġa.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni.wordpress.com/

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: