Skip to content

Il-Ħakem Girgor Bonici – Bennej tal-Knisja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa

 

‘Il-Ħakem Girgor Bonici – Bennej tal-Knisja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa (1682)’
kitba tal-Kanonku Joe Abela
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 2000.

 

 

 

Il-Ħakem Girgor Bonici:  Bennej tal-Knisja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa (1682)

Il-knisja ta’ San Ġorġ li ‘llum tintuża għall-Quddies il-Ħadd filgħodu, hi l-aktar knisja qadima fil-parroċċa ta’ Birżebbuġa, ir-raħal marittimu li proprju nibet madwarha.  Giacomo Bosio jgħid li l-ewwel knisja kienet inbniet qrib ħafna fejn kien imwaqqaf tempju ddedikat lil alla Melqart (Erkole).

 

Il-Knisja ta’ San Ġorġ fl-1565

Ma nafux eżatt meta kienet inbniet din l-ewwel knisja, iżda żgur li fl-Assedju l-Kbir tal-1565 kienet diġa’ teżisti.  Xhieda ta’ dan hu wieħed mill-affreski ta’ Matteo Perez d’Aleccio li jinsab fil-Palazz Maġisterjali fil-Belt Valletta.  Xhieda oħra hi mappa ta’ żmien l-Assedju.  F’din il-mappa tidher ċar il-knisja ta’ “S. Giorgio”, mibnija kważi eżattament fejn tinsab il-knisja ta’ llum, viċin ħafna tad-Daħla ta’ San Ġorġ, u ftit ‘il bogħod minnha huma ndikati C. Asciack (Hal-Għaxaq ta’ llum) u C. Giovan (parti miż-Żejtun ta’ llum).  Prova tal-qedem tagħha aktar ċara minn din ma jistax ikollna!

 

Mons. Dużina jżur il-knisja fl-1575

Għaxar snin wara, żar il-knisja il-Viżitatur Appostoliku Mons. Pietru Dużina, li ħallielna bil-miktub dak li sab: “Visitavit aliam ruralem (ecclesiam) sub vocabulo S. Giorgii constructam in loco do Gudio, quae habet altare, et portas ligneas, caret Rectore, introitibus et aliis necessariis, et est sub Parochiali Eccla S. Catherinae, in die festivitatis et devotione celebrantur vesperi et missa per Cappellano dicti Casalis S. Catharinae”.  Mela Mons. Dużina qalilna li l-post fejn mibnija l-knisja ta’ S. Ġorġ kien jissejjaħ Gudio, li l-knisja kellha artal u bibien ta’ l-injam, għalkemm ma kellhiex la rettur u lanqas dħul finanzjarju.  Allura kien iqaddes fiha nhar il-festa (23 t’ April) u fi ġranet ta’ devozzjoni l-Kappillan tar-raħal ta’ S. Katarina (ż-Żejtun), għaliex il-knisja kienet tagħmel mal-parroċċa tiegħu.  Il-fatt li l-knisja ta’ S. Ġorġ kellha bibien ta’ l-injam, juri li kienet tgawdi ċertu rispett, għaliex dwar ħafna mill-knejjes li żar, mhux biss rurali, bħalma kienet din, iżda wkoll oħrajn f’nofs l-abitat, Mons. Dużina lmenta li lanqas biss kellhom bieb ta’ l-injam, u allura kien jagħlaqhom!

 

Il-knisja abbandunata

Iżda jidher li wara l-1575, il-knisja ġiet abbandunata, probabilment minħabba l-attakki spissi tal-furbani Misilmin meta allura l-Maltin kienu jibżgħu joqogħdu qrib ix-xtut.  Hekk fl-1621, l-Isqof Balthassar Cagliares ordna li l-knisja tiġi rranġata, ħaġa li għamel Palmerus Montana fl-1625, kif tgħidilna lapida fil-faċċata tal-knisja.  Iżda hi reġgħet għaddiet minn żmien ta’ traskuraġni u abbandun, tant li l-Isqof Miguel Juan Balaguer ipprofanha fl-1659, u ordna li l-bibien u t-twieqi jiġu mbarrati bil-ġebel.  Il-kwadru titulari ttieħed fil-knisja parrokkjali taż-Żejtun, dik li llum insibuha bħala ta’ San Girgor.

 

Girgor Bonici jibni l-knisja mill-ġdid

Kienet is-sena 1682, meta din il-knisja ta’ San Ġorġ u l-baħhara li kienu jużawha messithom ix-xorti tajba fil-persuna tal-Ħakem ta’ l-Imdina u Patrizju Ruman, in-Nobbli Girgor Bonici dei Marchesi Bordino, li rrestawraha kważi kollha mill-ġdid, b’tali mod li nistgħu nsejħulu l-bennej tal-knisja ta’ llum.  Bonici mhux biss bnieha mill-ġdid, iżda wkoll ipprovdiha b’kull ħaġa meħtieġa għall-Quddies u ħalla flus biex fil-Festa (23 t’ April) jitqaddsu tliet Quddisiet, u oħra kull nhar ta’ Ħadd.  Is-saċerdot li jieħu ħsiebha kellu jintagħżel mir-Rettur tal-knisja ta’ Sant’ Anġlu Martri fiż-Żejtun, knisja oħra mibnija ftit tas-snin qabel mill-istess Bonici.  Irħama mwaħħla fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja minn ġewwa, tgħidilna kif: “Din il-kappella li, minħabba ġrajjiet imwegħra ta’ dan is-seklu (XVII), baqgħet mitluqa u f’ħerba sħiħa għal 24 sena, u saħansitra pprofanata wkoll, inbniet mill-ġdid min-Nobbli Girgor Bonici, il-fundatur ta’ l-Abbazija ta’ Sant’ Anġlu, fl-1682 W.K.  Ħasbilha wkoll għall-’Jus Patronatus’ biex ma jerġax jiġrilha li jabbandunawha. Anno Rep. Sal. MDCLXXXII”.

 

Bonici twieled fl-Imdina

Min kien dan il-benefattur kbir tal-knisja ta’ San Ġorġ Martri?  Girgor Bonici twieled fi ħdan familja nobbli fl-Imdina nhar it-18 ta’ Marzu, 1612, iben Gio. Maria Bonici u Margerita, imwielda Camenzuli.  Bħala parrinu fil-magħmudija kellu lill-Kommendatur ta’ l-Ordni, Fr. Balthassar Cagliares, li tliet snin wara sar Isqof ta’ Malta.  Ftit li xejn nafu dwar it-trobbija tiegħu, ħlief li rċieva t-tonsura klerikali (ċirku tond ċkejken ta’ xahar imqaxxar fir-ras fuq wara) meta kellu 9 snin biss!  Kienet drawwa tan-nobbli Maltin li jfittxu karriera mal-Knisja, biex ikunu ndipendenti mill-Gran Mastru.  Meta jikbru u jiżżewġu, kienu jissejġu kjeriċi miżżewġa, u kienu obbligati li jagħtu ċertu servizz fil-knisja aktar minn ħaddieħor.  Meta l-Isqof kien iżur il-parroċċa, huma kienu jidhru quddiemu wara l-kleru u jippreżentawlu ċ-Ċertifikati tat-Tonsura u l-Ordnijiet Minuri li jkunu rċevew.

 

Ġurat ta’ l-Imdina

Ta’ 30 sena, Girgor intagħżel bħala wieħed mill-erba’ ġurati ta’ l-Imdina, u dan hu sinjal ta’ l-istima li minn kmieni f’ħajtu beda jgawdi.  Nhar il-25 ta’ Novembru 1646, hu żżewweġ lin-Nobbli Elena Barbara fil-knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz, il-Birgu, fejn it-tnejn li huma kellhom dar.  Il-familja tiegħu kienet midħla sewwa taż-Żejtun ukoll, tant li saħansitra kellhom kappella tagħhom, iddedikata lil San Ġakbu, fil-knisja parrokkjali taż-Żejtun.  Barra minn hekk, kellhom ukoll palazz fiż-Żejtun (illum Aedes Danielis), u ieħor fil-Marniżi, mhux ‘il bogħod minn Birżebbuġa.  Dan kollu juri kemm Girgor Bonici kien midħla ħafna wkoll ta’ dawn in-naħiet tal-gżira.

 

Ambaxxatur u Ħakem

Fis-sena 1653, hu kien ambaxxatur tal-Kunsill Populari Malti ġewwa Licata, fi Sqallija, bid-dmir li jibgħat il-qamħ minn hemm għal Malta.  Nafu sewwa kemm il-Maltin kienu jiddependu mill-qamħ Sqalli għall-għixien tagħhom.  Kien f’dak iż-żmien li Girgor qatta’ f’Licata, li nibtet fih id-devozzjoni lejn Sant’ Anġlu Martri.  Fl-1654, meta allura kien għad kellu biss 42 sena, hu ġie magħżul bħala Hakem ta’ l-Imdina, l-għola kariga ċivili li Malti seta’ jilħaq dak iż-żmien, għaliex b’hekk sar il-Kap tal-Kunsill Populari Malti.  Iżda kienet sfortuna għal Girgor li kellu jkun Ħakem proprju fi żmien il-Gran Mastru Jean Paul Lascaris, li baqa’ magħruf fl-istorja ta’ Malta għall-ħruxija tiegħu, hekk li għandna l-espressjoni “Wiċċ Laskri”!  Imma jekk l-Ordni kienet iebsa mal-Maltin, Girgor Bonici ma jidhirx li kien xi raġel ġwejjed li jħalli d-dubbien joqgħodlu fuq imnieħru.  L-istoriku P. Alexander Bonnici, meta jikteb dwar l-Inkwiżizzjoni f’Malta (Vol.II, KapIII, p.141) jiddeskrivih bħala “għadu kbir tal-Gran Mastru u magħruf bħala wieħed li ma jafx joqgħod kwiet”.

 

Bniedem popolari

Il-popolarità kbira ta’ Girgor Bonici fin-Nofsinhar ta’ Malta tidher mill-fatt li numru kbir ta’ ġenituri f’diversi parroċċi, bħaż-Żejtun u Ħal-Għaxaq, kienu jagħżluh parrinu għal uliedhom fis-Sagrament tal-Griżma ta’ l-Isqof.

 

Ħakem Girgor Bonici

Meta mbagħad il-Gran Mastru Nikol Cottoner (1663 – 1680) għamel taxxa fuq ir-raba’ u l-bini tal-Knisja, biex jibni s-swar tal-Kottonera, u din it-taxxa xejn m’għoġbot lill-poplu Malti, Girgor Bonici għal ħames snin sħaħ dam jipprotesta f’Ruma kontra l-Gran Mastru, u kellu bħala avukat lill-Kardinal de Luca, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar tal-Gran Mastru għaddiet!

 

Bennej ta’ diversi knejjes

Fis-sena 1670, Girgor bena fiż-Żejtun il-knisja ta’ Sant’Anġlu Martri, li ngħatat it-titlu ta’ Abbazija u Jus Patronatus fl-1675.  Minn Licata Girgor kien ġab miegħu kaxxa tal-fidda bil-fdal tal-qaddis, li tqiegħdet f’din il-knisja.  Biex ipinġilu  l-kwadru titulari hu qabbad lill-pittur magħruf Ġużeppi d’Arena, u żejjen din il-knisja tant għal qalbu bi kwadri oħra, fosthom dak ta’ Santa Liena, patruna ta’ martu.  Jista’ jkun li l-kwadru ta’ San Ġorġ fil-knisja ta’ Birżebbuġa, li hu kopja tal-pittura ta’ Mattia Preti fil-kon-katidral ta’ San Ġwann, hu xogħol ieħor ta’ Ġużeppi d’Arena, iżda dwar dan m’għandna l-ebda ċertezza.   Girgor tant kien iħobb lil Sant’Anġlu u l-knisja tiegħu, li saħansitra ried li jindifen fiha.  Knisja oħra ddedikata lill-istess qaddis u mibnija mill-Familja Testaferrata Bonici kienet dik li dari kienet tinstab f’Ħal-Far, iżda li twaqqgħet bil-ħidma tal-għadu fit-Tieni Gwerra Dinjija (1940 – 45), u wara l-art tagħha ttieħdet biex jiġi mkabbar l-ajrudrom.  Fl-1674, Girgor Bonici ġie onorat bit-titlu ta’ Patrizju Ruman mis-Senat ta’ Ruma.  Sadattant hu ma kienx abbanduna l-Birgu, fejn fis-sena 1679, l-Isqof Mich. Hier. Molina għażlu bħala wieħed mill-erba’ prokuraturi li kellhom jieħdu ħsieb il-bini tal-knisja parrokkjali l-ġdida.  Ftit wara hu bena l-knisja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa.  Waħda mill-opri kbar tiegħu ndubbjament hi l-knisja parrokkjali taż-Żejtun, li biex tinbena, hu mhux biss ħallas għall-art minn butu, iżda wkoll ħalla ġidu kollu biex bir-renti tiegħu tinbena l-knisja, li l-ewwel ġebla tagħha tqiegħdet fl-1692.  Girgor miet fiż-Żejtun fl-1697.

 

Dun Danjel Żammit u l-knisja ta’ San Gorġ

Għal numru ta’ snin wara l-mewt ta’ Girgor Bonici, ir-rettur tal-knisja ta’ San Ġorġ jidher li kien Dun Danjel Żammit miż-Żejtun li spiss kien iqaddes fiha.  Min kien dan il-qassis?  Fit-testment tiegħu Girgor kien ħalla 10 uqijiet bħala patrimonju lit-tifel Danjeli, bin Ġanni Żammit u Angela de Bonici biex jeħodhom meta jsir qassis.  Kien hemm rabta bejn in-Nobbli Familja Bonici u l-familja Żammit.  Fil-fatt Angela, qabel iżżewġet, kienet ilsiera ta’ Girgor, li meta tgħammdet, kif kienet id-drawwa, ħadet kunjomu u ssemmiet għall-qaddis maħbub tant minn Girgor.  Wara hi żżewġet lil Ġanni Żammit fil-knisja ta’ Sant’ Anġ.  Oħt Ġanni Żammit kienet Margerita, miżżewġa lil Mastru Xandru Pulis, li fit-testment tiegħu Girgor ħalla espressament li hu riedu jibni l-knisja parrokkjali ġdida taż-Żejtun.  Wisq probabbli li l-membri tal-familji Pulis u Żammit kienu tant viċin Girgor Bonici, għaliex kienu mpjegati miegħu fix-xogħol ta’ manutenzjoni.

 

Benefattur tal-Knisja Maltija

Il-knisja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa tibqa’ monument ħaj għan-Nobbli Girgor Bonici, il-benefattur kbir tal-Knisja Maltija fis-seklu XVII.  In-nofsinhar ta’ Malta hu miżgħud b’kappelli u palazzi mibnija matul is-snin mill-Familja Testaferrata Bonici.  Fi żmien meta din in-naħa ta’ Birżebbuġa kienet għadha parti mill-parroċċa ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun, xejn ma wieħed jistagħġeb li kien hemm din ir-rabta intima bejn dan ir-raħal marittimu u waħda mill-eqdem parroċċi ta’ Malta.

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: