Skip to content

Il-Ġostra F’Birżebbuġa

 

Il-Ġostra F’Birżebbuġa.
kitba ta’ Arthur Grima, f’isem l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2006.

 

stampa

caption

 

Ix-xtajta li biha hu mdawwar ir-raħal ta’ Birżebbuġa taf toffri xenarju mill-isbaħ, u wisq iżjed żvog għal dawk li, l-aktar fix-xhur tas-sajf jinżlu jqattgħu xi ġranet ma’ xatt il-baħar.  Dan ir-raħal f’dawn il-ġranet ikun fih għaxqa, meta tara nies mil-lokal u oħrajn li jiġu jżuruna jgħaddu sigħat sħaħ, min jaqbeż għal xi għawma f’baħar b’ramel dehbieni fil-qiegħ,oħrajn jilagħbu xi logħba waterpolo jew jieħdu sehem f’xi tiġrija bid-dgħajjes tal-qlugħ. Dan kollu jseħħ, ibda minn Wied il-Buni u jibqa’ sejjer sax-xatt ta’ San Ġorġ.  Sport ieħor li kien jiġi pprattikat f’Birżebbuġa, kienet il-famuża ġostra. Din il-ġostra kienet tiġbed lejha numru mhux ħażin ta’ nies, l-aktar żgħażagħ li kien ikun l-għors tagħhom jieħdu sehem fil-ġostra. Dan l-isport tista’ tgħid li kien ilu jiġi pprattikat għal numru ta’ snin mhux ħażin, tant li fis-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor il-kappillan tal-parroċċa ta’ dak iż-żmien Dun Anġ Fenech kien jorganizza l-ġostra għall-festa tad-duluri.  Tneħħi xi ftit snin, il-ġostra kienet baqgħet issir sas-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor. Iżjed tard bdiet tiġi organizzata għall-festa ta’ San Pietru u xi okkażjoni oħra speċjali.

 

Il-Ġostra Terġa’ Tiġi Organizzata mill-Ġdid

Kien proprju xi snin ilu meta fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, li l-ġostra reġgħet bdiet tiġi organizzata mill-ġdid. Kienu bosta dawk li reġgħu ġeddew il-memorja ta’ meta forsi kienu jieħdu sehem, waqt li dawk ta’ età iżgħar u li qatt ma kienu rawha qabel, baqgħu mistagħġba bl-entużjażmu li taf toffri l-ġostra.  II-ġostra tista’ tgħid li kienet tiġi organizzata kull fejn hemm il-baħar, bħal ngħidu aħna f’Marsaxlokk, Wied il-Għajn, il-Gżira, San Pawl il-Baħar, il-Belt Valletta, Tas-Sliema u San Ġiljan. Hemm lokalità oħra fejn issir il-ġostra hu din hija l-Imsida. Fil-fatt hawnhekk għadha tiġi organizzata sal-lum, proprju f’ġurnata qrib il-festa ta’ San Ġużepp.  Din ta’ l-Imsida hija ferm popolari.

 

Kif issir il-Ġostra?

Kien hemm żewġ metodi kif kienet issir il-ġostra, wieħed li kienet tintrama minn fuq l-art u l-ieħor li kienet tintrama minn fuq xi barkun. L-armar tal-ġostra jsir billi l-ewwel jintgħażel il-post, jew ma’ xatt il-baħar jew il-barkun.  Wara kien jinġieb arblu twil ta’ l-injam u xi erbgħin pied.  Dan l-arblu kien jintrabat mill-parti l-ħoxna ma’ l-art li l-kumplament ta’ l-arblu joħroġ għal fuq il-baħar kemmxejn wieqaf. F’din il-pożizzjoni l-arblu jagħmilha xi ftit diffiċli biex wieħed jitla’ miegħu. Biss l-iżjed diffiċli u fuq kollox eċitanti kienet li ma’ tulu, dan l-arblu kien jindilek bix-xaħam. F’tarf l-arblu kienu jitwaħħlu xi żewġ bnadar waqt li ftit ‘1 isfel kien ikun hemm xi tnejn oħra. Dawn il-bnadar kienu jfissru premijiet. Ma’ tarf l-arblu n-naħa ta’ isfel kien jintrama tavlun wiesa’ li kien iservi ta’ rampa minn fuq il-moll għal fuq l-arblu. Dak li kien jipparteċipa kien jieħu ġirja u jekk jirnexxielu kien jibqa’ tiela’ sa fuq ta’ l-arblu. L-aħħar ħaġa li jkun jonqos u fuq kollox l-iżjed importanti kienet id-dlik ta’ l-arblu bix-xaħam. Dan kien isir billi wieħed kien jitla’ bilqiegħda fuq l-arblu sat-tarf u jibda jidlek bix-xaħam l-arblu sa isfel. Naturalment dan ix-xaħam ma’ l-arblu jsir biex ma tkunx faċli li wieħed jitla’ sa fuq. Tant hu hekk li għall-bidu sakemm jibda jitneħħa x-xaħam minn ma’ l-arblu tgħidx kemm ikun hemm min jiżloq u jispiċċa fil-baħar. M’għandniex xi ngħidu li l-aktar li kienu jipparteċipaw fil-ġostra kienu żgħażagħ. Hekk kif ix-xaħam jibda jintmesaħ bis-saqajn, dak li jkun kien iżjed jibda jersaq ‘il fuq u forsi jirnexxilu jaħtaf xi waħda mill-bnadar. Il-ġostra kienet tintrebaħ minn min kien jirnexxilu jaħtaf dik il-bandiera li kienet tkun fit-tarf ta’ l-arblu.  Il-premjijiet li kienu jintrebħu kienu jkunu jew xi flus jew inkella xi tazzi. Ta’ min wieħed isemmi li din l-imbierka ta’ ġostra kellha wkoll il-periklu tagħha u dan għall-fatt li jekk wieħed kien jiżloq seta’ jaħbat ma’ l-arblu qabel ma jaqa’ l-baħar.

 

Fejn Kienet Tintrama l-Ġostra f’Birżebbuġa?

Matul is-snin il-ġostra f’Birżebbuġa kienet tintrama f’diversi postijiet matul ix-xatt.  Skond ma qaluli xi anzjani li llum jgħoddu ‘l fuq minn tmenin sena, fil-bidu din il-ġostra kienet tintrama fuq il-barkun. Il-post kien eżatt quddiem id-dar li kellu s-Sur Wiġ Randon (fejn illum hemm il-ħanut tal-gazzetti ta’ Tankredi). X’aktarx li dan il-barkun kien jinġieb minn Kalafrana fejn kien hemm is-servizzi Ingliżi. Iżjed tard il-ġostra kienet tintrama mill-art f’dawn il-postijiet: Wied il-Buni fuq il-moll, San Ġorġ fuq il-moll, fil-pitch tal-waterpolo u fejn il-pont tax-Shell. Meta saret il-ġostra fejn tax-Shell kien għall-fatt li f’dik is-sena l-kumpanija kienet qiegħda tiċċelebra għeluq is-sittin sena mit-twaqqif tagħha f’Malta u ġiet organizzata ġostra għall-ħaddiema tal-kumpanija. L-aħħar post fejn ġiet armata l-ġostra kien proprju ma’ ġenb il-pitch tal-waterpolo xi tliet snin ilu u dan grazzi għall-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.  Tkun ħasra li la darba reġgħet bdiet issir din il-ġostra terġa’ tieqaf għax wara kollox din l-attrazzjoni tista’ tgħid li hi waħda tradizzjonali għall-gżejjer Maltin.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: