Skip to content

Il-Fortifikazzjonijiet f’Birżebbuġa (L-1 Parti)

 

Il-Fortifikazzjonijiet f’Birżebbuġa (L-1 Parti)
kitba u riċerka ta’ Michael Balzia
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 1990.

 

stampa

caption

 

Is-Sur ta’ Borġ in-Nadur (c. 1450 Q.K.)

Borġ in-Nadur jinsab madwar 200 jarda ‘l bogħod mill-baħar (Grid Reference 574658) (1) fuq promontorju tal-franka fejn jiltaqgħu ż-żewġ widien ta’ Dalam u Saptan (Żambaq). (2)  Għalkemm illum nużaw il-kelma Borġ in-Nadur biex ninkludu kemm is-Sur ta’ żmien il-Bronż (c.1450 Q.K.) kif ukoll it-Tempju ta’ żmien ir-Ram, din iktar tkun flokha meta nużawha għal ta’ l-ewwel. (3)  Fil-fatt l-isem Borġ in-Nadur ġej minn żewġ kelmiet Maltin qodma:- Borġ tfisser għolja, jew munzell ġebel u Nadur, x’imkien fejn wieħed jista’ jara, jittawwal, jgħasses.  Kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex insibu diversi postijiet imsejħin “Nadur”. (4)  Is-Sur ta’ Borġ in-Nadur huwa tip ta’ bini magħruf bħala “Cyclopean” (5) u naraw eżempji tiegħu f’gżejjer Mediterranji oħra bħalma huma dawk Baleariċi, Sardinja u Korsika. (6)  Il-ħajt fortifikat jgħaddi mix-xlokk għall-majjistral u fit-tramuntana tiegħu, jdur lejn il-punent. Barra l-ftit spazju ‘l hawn u ‘l hemm, wieħed jista’ jilmħu għal madwar 60 metru, l-għoli tiegħu hu ta’ bejn wieħed u ieħor 3.5 sa 4.5 metri u il-wisgħa madwar 1.5 metri.  Hu magħmul minn ħaġar ta’ qies li jvarja bejn 2.20 metri u 0.7 metri, imqiegħed bla ebda tikħil jew lavur.  Biex jifred il-ġebel il-mimdud, insibu ġebel wieqaf użat bħala puntal. (7)  Il-Faċċata tas-Sur li hu magħmul f’għamla ta’ nofs qamar tħares lejn it-tramuntana u lvant.  Dan jiddefendi dik il-parti tal-għolja li mhijiex difiża b’mod naturali. (8)  Fis-sena 1959, D.H. Trump sab xi fdaljiet ta’ żewġ griebeġ ‘il ġewwa mis-sur u kkonkluda li dan l-imkejjen kien “a defended settlement”. (9)  F’dawn il-griebeġ instabu fdalijiet ta’ fuklar, romblu u mehrież.  Il-Professur Margaret A. Murray fil-ktieb tagħha fuq it-tiftix arkeoloġiku f’Malta, “Excavations in Malta” tagħti importanza liż-żewġ daħliet (niċeċ) fuq kull naħa ta’ l-entratura li hi ssostni li dawn kienu jservu ta’ “guard room”. (10)  Għalkemm Borġ in-Nadur ilu magħruf ma’ l-istoriċi mhux ħażin (G.F. Abela 1647), l-ewwel darba li s-sur tnaddaf mit-terrapien u ġie skavat kien fis-sena 1881 minn A.A. Caruana. (11)  Hija interessanti li wieħed jinnota li quddiem fejn xi darba kien hemm id-daħla għall-fortizza, jidhru raddi tar-roti (Car Ruts) ħerġin ‘il barra lejn il-wied. (12)

 

Għassa tad-Dejma (c. 1417 W.K.)

Il-perjodu Medjevali ta’ l-istorja ta’ Malta (dak ta’ qabel il-Miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann -1530W.K.) nistgħu nqisuh bħala l-iktar perjodu ikrah u mudlam ta’ l-Istorja.  Malta għaddiet minn taħt diversi saltniet u idejn (sistema fewdali) bla ħadd ma kien jagħti każ tal-ħtiġijiet tal-popolin, anzi bosta kienu dawk li stagħnew minn fuqha.  Il-Maltin kellhom jaħsbu huma għal ġildhom u għalhekk twaqqfet id-dejma biex tħarishom minn ħafna perikli tal-baħar kif ukoll mis-Saraċini (furbani) li l-inżul tagħhom f’artna kien ikun ta’ spiss.  Tant saret importanti d-Dejma (l-għassa ta’ madwar il-kosta), li l-mexxejja tal-Maltin fl-1416 laqqmuha l-ħitan tal-Gżira u talbu biex din titqiegħed mill-ġdid taħt il-ħarsien ta’ l-Università (Kunsill Popolari) minħabba l-abbuż li ħafna bdew iħallsu somom ta’ flus, biex jiġu eżentati mill-għassa b’konsegwenza, li meta kienu jidhru l-Furbani fi xtutna ħadd ma seta’ jżommhom milli jħarbtu rħula sħaħ. (13)  <!–[if !vml]–><!–[endif]–>Fis-sena ta’ wara, dik tal-1417 nsibu li d-Dejma kellha 24 għassa (14) u tal-kosta madwar Malta, mgħassa regolarment kull lejl tal-Ġimgħa (inklużi l-Ħdud) minn tliet suldati, wieħed minnhom normalment riekeb fuq żiemel.  L-għassa kienet fuq sistema ta’ roster. (15)  Minn dawn l-24 għassa, 5 kienu qrib jew f’Birżebbuġa.  Dawn kienu:-

 

Lu gadir (16)

Ras Juliana (17)

Alu Minahc (18)

Nadur Kelbe (19)

Cabar garib (20)

 

Is-suldati li kienu jgħassu f’dawn il-posti kienu jintgħażlu minn irħula qrib, hekk li Lu gadir kellu 8 mill-Gudja, 4 (Percopu jew Ħal Kirkop) 4 (Axac jew Għaxaq) 3 (Bizbud – Żejtun); Ras Juliana: 8 (Safi), 5 (Mqabba) u 3 (Millieri – Żurrieq); Alu minahc: 4 (Millieri), 9 (Żurrieq) 4 (Bubaqra); Nadur Kelba: 10 (Żurrieq) u 4 mill-Gudja, filwaqt li Qabar Għarib kellu 4 suldati miż-Żurrieq u 15 minn Lew u Qrendi (21).  Fuq dawn is-suldati kien ikun hemm ir-“Riveditore” (Uffiċċjal) biex jara li l-għassa ssir tajjeb.  Fir-Roster tal-1417 (l-unika roster li turi fejn kienet issir l-għassa u mhux l-irħula minn fejn jiġu s-suldati) insibu li Bernardu Galata kien jieħu ħsieb dak ta’ lu Marnisi u Lu gadir, Johanni Fauzuni kien ir-“Riveditore” ta’ Ras Juliana, Alu minahc u Nadur Kelbe, filwaqt li Danzu Chili kellu f’idejh dawk ta’ Cabar garib u Guardia Xutu. (22)  Fi żmien il-Kavallieri ta San Ġwann (1530 – 1798) l-għassa ta’ mal-kosta mid-Dejma baqgħet ssir anzi kien hemm żmien li din kellha 60 posta minħabba biża’ ta’ invażjoni mit-Torok (fosthom żdiedet dik ta’ Wied Żnuber). (23)  Iżda wara li kemm il-Gżira ta’ Malta kif ukoll dik ta’ Għawdex ġew iffortifikati sew mill-Ordni, l-għassa tnaqqset għal tnax-il posta fosthom baqgħet dik ta’ Ras Juliana. (24)  Sa sitt snin qabel it-tkeċċija tal-Kavallieri minn Malta, l-għassa f’Ras Juliana kienet għada ssir; Gio Borg nhar l-14 ta’ Ġunju 1792 talab lill-Ordni biex jidħol suldat f’din il-għassa. (25)  Fi żmien l-istess Kavallieri, il-paga lill-għases tal-Kosta kienet kull xahrejn.  Waqt li l-Università tal-Belt Valletta kienet toħroġ 131 Skud u 8 Tari kull sena, dik ta’ l-Imdina kienet tħallas 62 Skud u 4 Tari.  Dawn kienu jmorru (barra 5 Skudi) kemm biex jitħallsu l-għases tal-Kosta kif ukoll biex jitħallsu dawk għassa fit-Torrijiet ta’ madwar il-Kosta (ta’ De Redin).  Peress li bejn l-10 ta’ Novembru u d-9 ta’ Mejju (xhur tax-Xitwa) l-għassa ta’ mal-kosta ma kinitx issir, dawn is-suldati ma kellhomx paga u kienu jinqdew bil-ħames skudi li kien jifdal fil-Kaxxa. (26)  Il-paga kienet ta’ 2 Skudi fix-xahar. (27)

 

Referenzi:

  1. Evans J.D.: The Prehistoric Antiques of the Maltese Islands, The Ahtlone Press, 1971 p. 229.

  2. Ibid p. 7

  3. Ibidp.7

  4. Zahra Walter: Storja taż-Żejtun u 1-inħawi tiegħu, Veritas Press, 1978 p. 6.

  5. Evans J.D. p. 229.

  6. Zammit Vincent: Maltese Fortifications (Civilization), PEGLtd., 1984 p. 23. Mayr A.; Die Vorgeschichtlichen Denkmàler Von, Malta, Konigl Academic 1901 (J. Roth) p.p. 100-101. Dan il-ktieb ġie tradott mill-ling wa Ġermaniża għall-Ingliż minn Prinċess Louis of Battenburg.

  7. Evnas J.D. p. 15
    Mayr A. p.p. 61-65.

  8. Evans J.D. p. 15

  9. Times of Malta No. 7431 of 28th July 1959, p. 12 u p. 16.

  10. Murray Margaret A.: Excavations in Malta Part II, K. Liebel, Wyman & Son (Vienna – London), 1923-1929, p.25.

  11. Evans J.D. p. 7.

  12. Trump D.H.: Malta:- An Archaeological Guide, Faber & Faber Ltd., 1972 p. 84.

  13. Giambruno S. e Genuardi L.: Capitoli Enediti della Città Demaniali di Sicilia – Vol 11918 p. 337. It-talba saret lil Johanni, it-tieni tifel tar-Re Ferdinandu ta’ Aragona nhar il-11 ta’ Frar 1416 DC Ind. fKatanja. Il-mexxejja tal-Maltin kienu:- Antoni Falzuni Bartholomeu de Chilona u Ioanni Viglera dictu bontempu flimkien ma’ Aloysi de Pluzasco u Antoni Baguni, ambaxxaturi.

  14. Arkivju tal-Katidral, Mdina: Quaderni Diversi, No. 4 u transkritt minn Godfrey Wettinger f The Armed Forces of Malta Journal” Nru. 32 (October 1979) p.p. 31-41.

  15. Wettinger Godfrey: The Militia Roster of Watch Duties of 1417 (The Armed Forces of Malta Journal Nru.32) October l979 p.27.

  16. Għadir San Ġorġ fil-bajja ta’ San Ġorġ, Birżebbuġa.  Abela G.F.: Della Descrittioni di Malta p. 60 – S. Giorgio.  Bibjoteka Nazzjonali ta’ Malta: Libr. 139 f. 100: “Visi-tavit Ecclesia mrales sub vocabula Sti Georgii constu in loco dicto Gadir.

  17. Ras Juliana (Giuliana):- GuardiaMarina ta’ Benissa o Sia Ras Giulino: Arkivju ta’ 1-Ordni ta’ Malta, 1058 f. 160

  18. .Abela Fra. Gio. Fran.: Della Descrittioni di Maltap. 60 -Melleħa. Post qrib is-salini tal-Melħ ta’ Wied il-Buni (Kalafrana) fuq mappi moderni. (Ara Wettinger Godfrey: The Militia List of 1417 p. 28).

  19. Nadur Kelba (Abela: Nadur il-Kelba). Post qrib Bengħisa.

  20. Qabar Għarib qrib Għar Ħasan (qrib Torri Wardija): Wettinger p. 28. F’A.CM. 1063: Uardia o Sia Chalp il-harip.  Dan il-post jinstab iżjed qrib Wied iż-Żurrieq milli Għar Ħasan.

  21. Wettinger Godfrey: The Militia Roster of Watch Duties 1417, p. 29. Wettinger Godfrey: The Militia List of 1419-20, a new starting point for the study of Malta’s population. Melita Historica V.No.2(1969)p.p. 80-105.  Ħafnamill-ismijiet li jidhru fil-Militia List tal-1419-20 jidhru wkoll f dik ta’ c. 1417.

  22. Wettinger Godfrey: The Militia Roster of Watch Duties 1417, p.p. 39-40

  23. Abela Gio. Fran., p. 60

  24. A.O.M. 1052.

  25. A.O.M. 1063 f. 171; A.O.M. 1052 u 1058

  26. A.O.M.1052 f. 90

  27. A.O.M. 1052, din kellha 3 suldati.  Wismayer J.M.: The history of the King’s Own Malta Regiment and the Armed Forces of the Order of St. John: Valletta, Said International, 1989 p. 50.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: