Skip to content

Il-Fortifikazzjonijiet f’Birżebbuġa (It-2 Parti)

 

Il-Fortifikazzjonijiet f’Birżebbuġa (It-2 Parti)
kitba u riċerka ta’ Michael Balzia
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 1991.

 

stampa

caption

 

It-Torri ta’ De Redin f’Bengħisa (1659)

Fil-ħarġa tal-festa tas-sena l-oħra għidna li biex tħarishom minn ħafna perikli tal-baħar kif ukoll mis-Saraċini (furbani) li l-inżul tagħhom f’artna kien ta’ spiss, il-Maltin waqqfu d-Dejma.  Il-Gran Mastru Martin De Redin saltan fuq Malta bejn is-sena 1657 u s-sena 1660.  Hu baqa’ magħruf l-aktar għal bini ta’ tlettax-il torri madwar ix-xtut ta’ Malta fejn setgħu jinżlu faċilment it-Torok.  Nhar it-30 ta’ Marzu, 1658, il-Gran Mastru għarraf lill-Kunsill ta’ l-Ordni li minn butu xtaq jibni 12 jew 14-il torri.  Hu qies li ma kien xejn sodisfaċenti l-fatt li l-bidwi wara jum jaħdem fl-għelieqi tiegħu kellu jmur jgħasses bil-lejl f’waħda mis-60 posta tad-Dejma.  De Redin ippropona li kull torri jkollu 4 min-nies b’salarju: 3 suldati u bumbardier. (1)  Il-bini ta’ dawn it-torrijiet tant mexa b’ritmu mgħaġġel li s-sultan fis-6 ta’ Lulju, 1659, ħabbar fil-Kunsill li kienu lesti 13-il torri, fosthom Torre Benissa (Torri Bengħisa).  Dan it-torri mniżżel is-7 wieħed fil-lista, qam (mingħajr injam) 431 skud. (2)  Hu, flimkien mat-torri l-ieħor ta’ Delimara u l-Forti San Luċjan kien jgħasses il-bajja ta’ Marsaxlokk.  Wieħed hawn jistaqsi: X’kienet l-intenzjoni ta’ De Redin li jibni żewġ torrijiet fuq kull naħa tal-bokka tal-bajja?  Jekk immorru ftit iktar lura fl-istorja nsibu li fl-Assedju tal-1565, it-Torok żbarkaw f’dil-bajja nhar il-Ħadd 20 ta’ Mejju, 1565, wara jumejn li dehru fuq ix-xefaq tagħha. (3)  Iktar ‘il quddiem insibu li fl-1614, (4) it-Torok reġgħu ttantaw jinżlu f’din il-bajja, iżda sabu jistennihom il-Forti San Luċjan li l-Gran Mastru Alof de Wignacourt bena fl-1610. (5)  It-Torri ta’ Bengħisa kien f’idejn l-Università tal-belt Valletta u din kellha tieħu ħsieb is-salarju tas-suldati kif ukoll il-manutenzjoni tiegħu. (6)  Wara l-mewt ta’ De Redin, l-entużjażmu għal dawn it-torrijiet bil-mod il-mod beda jnaqqas tant li fil-5 ta’ Lulju, 1681, dawn kienu jinsabu fi stat hekk ħazin li l-Università (tal-Bliet Valletta u ta’ l-Imdina) ġew imġiegħla jirranġawhom. (7)  It-Torri l-Aħmar, (8) (l-isem li kien magħruf bih dan it-torri) kien jiddefendi ruħu b’żewġ kanuni, wieħed ta’ libbra u l-ieħor ta’ tlett kwarti ta’ libbra. (9)  Fi żmien l-Ingliżi, kemm l-Awtoritajiet Militari kif ukoll dawk Ċivili għamlu użu minn dan it-torri.  Nhar it-2 ta’ Settembru, 1853, l-Awtoritajiet Militari għaddew it-torrijiet lil dawk Ċivili wara li dawn (it-torrijiet) ġew żarmati mill-armamenti. (10)  Xi għamara li kienet tinsab fihom għaddiet ukoll f’idejn l-Awtoritajiet Ċivili. (11)  It-Torri ta’ Bengħisa għamel xi żmien f’idejn il-Pulizija wara li għamel xi żmien ukoll f’idejn id-Dipartiment tad-Dwana. (12)  Fl-24 ta’ Ġunju, 1904 (13) l-Awtoritajiet Navali talbu permess biex ikunu jistgħu jiżbgħu linja vertikali sewda fuq in-naħa tal-grigal tiegħu minħabba li kien hemm il-ħsieb li f’dawk in-naħat kellu jinbena Torpedo Depot.  Fil-fatt dan inbena f’Kalafrana fl-1906. (14)  Nhar it-12 ta’ Awissu 1911, (15) il-Militar talab li dan it-Torri jitwaqqa’, fatt li seħħ fl-1915. (16)  Hu kien stmat li jqum is-somma ta’ £33. (17)

 

Fortifikazzjonijiet Diversi

F’Birżebbuġa nsibu diversi bini fortifikat li għalkemm mhumiex ta’ importanza daqs dak li ġa semmejna jew li ser insemmu iktar ‘il quddiem, ta’ min jagħti xi tagħrif dwaru.

  1. Ħajt f’Wied Żnuber (1654).
    Nhar it-28 ta’ Awissu, 1654, għand in-Nutar Paolo Allegritto, sar kuntratt, fejn Cesare Violandi mill-Belt Valletta ntrabat li minn butu jibni ħajt fortifikat f’Wied Żnuber, fil-post magħruf bħala ‘Ras el Fucania’ wara li l-Ordni fuq talba tiegħu, nhar l-20 ta’ April 1654 tagħtu b’emfiteusi perpetwa 8 titmiem raba’, kif ukoll ħamest itmiem oħra tal-Ġurati ta’ l-Università ta’ l-Imdina.  Iċ-ċens fuq dawn l-artijiet kien ta’ 22 tari u 10 grani fis-sena. (18)  Qrib dan il-ħajt kien hemm mibnija kappella ddedikata lil Santa Sofija (Ħal-Far). (19)  Fit-talba tiegħu lill-Ordni, Violandi talab kumpens għas-servizzi li taw kemm missieru Giovanni Battista (11-il sena servizz bħala muskettier) kif ukoll iz-ziju t’ommu Pietro Piancanida, l-ewwel bħala suldat, imbagħad bħala surġent fuq il-galeri ta’ l-ordni. (20)

  2. It-Torri ta’ Wied Żnuber (Seklu 16)
    Sas-sena 1934, (21) f’ras Wied Żnuber (qrib ħafna ta’ fejn illum hemm il-fabbriki) kien hemm torri li nbena mill-Università lejn l-aħħar tas-seklu 16 għalkemm nieqsa mill-flus.  Dan it-Torri tant interessa lil Mons. Alfredo Mifsud li dan ta’ l-aħħar ta deskrizzjoni fit-tul tiegħu fl-artiklu ntitolat “La Milizia e le torri antiche di Malta”, kitba li ġiet imxandra fil-ħarġa tal-“Archivium Melitense” fl-1920. (22)  Mons. Mifsud jibda biex jgħid li dan it-torri kien differenti minn torrijiet oħra li soltu wieħed jara fil-kampanja Maltija.  Filwaqt li l-oħrajn kollha kellhom taraġ fuq in-naħa ta’ barra li jasal sa l-ewwel sular, imbagħad wieħed ta’ l-injam (dan kien jinqala’) għat-tieni pjan, it-Torri ta’ Wied Żnuber kien magħmul minn żewġ sulari, it-tieni maqsum fi tnejn qisu barumbara.  Il-gallarija magħluqa minn fejn kienu jitfgħu l-misħun hekk kif l-għadu kien jersaq qrib – fatt li ġiegħel lill-poplu jlaqqamhom “torri tal-misħun” – kienet tinstab fl-ogħla post u mhux bħal ħafna oħrajn hekk kif kien jibda t-tieni sular.  L-użu ta’ din il-gallarija huwa antik ħafna.  Wieħed jiltaqa’ magħhom f’xi bini tas-Sirja Ċentrali – fuq dawn saret xi riċerka minn De Vogue u Butler – u fl-arkitettura Gotika fil-Kastelli tal-Medju Evu.

  3. It-Torri ta’ Mari ta’ Qerqni (Ċerni).
    It-Torri ta’ Mari ta’ Qerqni (illum sempliċi razzett) jinsab tefgħa ta’ ġebla bogħod minn Birżebbuġa Pumping Station fit-tarf ta’ Sqaq in-Noqra fl-għalqa msejħa ta’ Dun Grazio.  L-għalqa flimkien mat-torri (xi darba suġġetta għal piz annwu ta’ 12-il quddiesa), illum hija propjetà ta’ Dr. Louis Galea, iben is-Sur Alfons Maria Galea, wara li nxtrat mingħand il-familja Cachia Żammit. (23)  Il-bini jikkonsisti f’żewġ sulari: żewġ kmamar fis-sular t’isfel, taraġ fil-ħxuna tal-ħajt u żewġ kmamar oħra li jiġu eżatt fuq dawk ta’ taħthom.  Hemm ukoll żewġ kmamar għall-annimali bil-ħitan tas-sejjieħ u bir.  Dan it-torri jħares lejn Wied Żembaq. (24)  Huwa magħruf bl-isem ta’ Mari ta’ Qerqni minħabba l-fatt li fih għamlet tgħix żmien twil fih mara anzjana magħrufa min-nies tal-post b’dan laqam.

  4. It-Torri ta’ Sant’Anġlu ta’ Ħal Far
    Torri ieħor li llum ma għadux jeżisti iżda li jissemma ukoll fil-kitba ta’ Mons. Mifsud huwa dak li l-Baruni Viani kellu f’nofs l-artijiet tiegħu f’Ħal Far, imsejħin ta’ Sant’Anġlu. (25)  Dan it-torri flimkien ma’ Kappella medjevali (1702) ddedikata lil Sant’Anġlu Martri ntlaqtu f’wieħed mill-attakki li l-għadu għamel fuq Ħal Far meta l-istess proprjetà kienet f’idejn l-‘Air Ministry’ (1942-44) (26).  It-torri kien parti mill-Primo Genitura ffondata mill-baruni ta’ Tabria, Gio Batta Viani u ħutu bniet, Angelica u Maddalena, fl-atti tan-Nutar Paolo Vittorio Giammalva fit-28 ta’ Mejju, 1775. (27)  Torri ieħor kien jinsab f’Wied il-Qoton, irranġat jew aħjar parzjalment sfigurat fis-sena 1758 skond id-data li kienet tidher sew fid-daħla tiegħu. (28)

 

Referenzi:

  1. A.O.M. 260 f. 31

  2. A.O.M. 260 f. 62

  3. Bosio Iacobo: Dell’lstoria della Sacra Religione et Illma. Militia di San Giovanni Gierosolmitnao.  Parte Terza p. 521. Balbi Francesco: La verdade ra relacion Aodo la que el anno de MDLXV (Libr.498) f. 58

  4. A.O.M. 105 f. 67v.

  5. A.O.M. 103 f. 147v.

  6. A.0M. 260 f. 62. Univ. 185 f. 193.

  7. A.0.M. 646 f. 95.

  8. Mifsud Alfredo: La Milizia e le torri antiche di Malta. op. dt. (Archivium Melitense, II -1920) p. 28.

  9. A.O.M. 1015 f. 364.

  10. Arkivju Nazzjonali Santo Spirito – Rabat (Malta): Acquisition of Lands and Buildings by War Department. Bundle 579 Appendix G. Ħajr lis-Sur Joseph Caruana (Arkivista).

  11. A.N.S.S.: Ibid.

  12. A.N.S.S.: Military and Naval Reference Book Vol. 11 (147) – (23 Dec 1908 – 31 Jan 1914) u 3799 Military

  13. A.N.S.S.: Military and Naval Reference Book Vol. 9 (145) – (14 Jan 1904 -13 Aug 1905) u 2035 Naval.

  14. A.N.S.S.: Military and Naval Reference Book Vol. 10 (146)\ – (13 Aug 1905 – 23 Dec 1908) u 4653 Militaiy )

  15. A.N.S.S.: Military and Naval Refeence Book Vol. H (147) – (23 Dec 1908 – 31 Jan 1914) u 3799 Militaiy)

  16. Mifsud Alfredo: La Milizia etc. p. 28.

  17. A.N.S.S.: Military and Naval Reference Book Vol. II (147) – (23 Dec 1908 – 31 Jan 1914) u 3799 Militaiy.

  18. Arkivju Nutarili Valletta: Atti Nutar Paolo Allegritto – (28/8 1654) f.f. 1023v – 1027v.

  19. Bibjoteka Nazzjonali Valletta: Libr. 422 – Notizie Chiese di Malta f. 168 (184v).

  20. A.N.V.: Atti Nutar Paolo AUemtto f. 1024.

  21. Braun Hugh: Works of Art in Malta, Losses and Survivals in the War – London 1946 p. 2. Kewmm il-ħajt fortifikat kif ukoll it-Torri ta’ Wied Żnuber jidhru ftiq mappa ta’ żmien 1-Ordni lil-Cabreo dei Benbi della Fondazione Cottoner 1732-1737 – B.N.M. Tres B. Vol. 300 UV 254-256.

  22. Mifsud Alfredo: La Milizia etc. p.p. 21-22. Hemm ritratt tiegħu ma’ l-istess kitba f’paġna 17.

  23. Arkiviju Qorti Superjuri: Subbasti Prim Awla Vol 1/1949. Liberati/Ceduti f.f. 149-162. Malta – Government Gazette No. 9717 p. 1204: Government Notice 247 tat-Tlieta, 14 ta’ Settembru, 1948.

  24. Mifsud Alfredo: La Milizia etc. p.23. Ħajr lill-E.T. Dr. Alexander Cachia Żammit għall-informazzjoni li għaddieli.

  25. Ibid., p.p. 24-25.

  26. A.Q.S.: Land Arbitration Board 5/63 f.22. It-torri kien simili għal dawk ta’ De Redin.  Hu kellu żewġ kmamar kbar f’kull sular aċċessibbli b’garigor (f. 66).

  27. A.N.V.: Atti Nutar Paolo Vittorio Giammalva (28.5.1775) f.f. 302-315v.

  28. Mifsud Alfredo: La Milizia etc. p. 23.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: