Skip to content

‘Id-Dar ta’ Pultu f’Ta’ Kaċċatura’

 

‘Id-Dar ta’ Pultu f’Ta’ Kaċċatura’
minn Conrad D’Amato
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 1998.

 

Ritratt ta’ Silvan Mugliett
Din id-dar tal-kampanja, ippermettuli jekk insejħilha hekk, tinstab fuq ġenb ta’ Wied Saptan, in-naħa ta’ Wied Dalam, f’post magħruf aħjar bħala “Ta’ Kaċċatura”.  Tul is-snin din id-dar baqgħet magħrufa man-nies tar-raħal bħala d-dar ta’ Pultu jew Casa Ippolito.
Ma’ din id-dar hemm marbuta leġġenda li tgħid li darba ċertu Kavalier Ippolito, li kien Sqalli, kien sar iħobb tfajla sabiħa li kienet toqgħod f’post magħruf bħala Ta’ Ġellieda fil-limiti ta’ Ħal Kirkop.  Meta missier it-tfajla sar jaf, dan ma riedx li bintu titgħarras ma’ dan il-kavalier.  Għalhekk biex iżomm l-unur tal-familja tiegħu huwa qatlu billi sparalu u wara difnu ġo ħofra mogħttija bi blata f’post magħruf aħjar bħala il-qlajja li qiegħed f’Wied Saptan.
Skond id-dati li dari kien hemm miktuba fuq il-bieb prinċipali ta’ din id-dar, din inbniet mill-Baruni Ippolito Novantieri fl-1664.  Dan il-Baruni żżewweġ fl-1665 lil Casandra Barbara li kienet it-tifla ta’ Gio. Batta Barbara u Ursula Delia Bonnici.  B’kollox huma kellhom ħamest itfal li kien jisimhom Rosa, Paola, Giovanni Battista, Innocenzo u Vincenza Veronica.  Il-Baruni Ippolito Novantieri miet fl-1727 u martu Casandra Navantieri mietet tnax-il sena warajh, fl-1739.
Tajjeb li issa nagħtu xi tagħrif dwar kif inhi mibnija u mqassma din id-dar kbira li għandha żewġ sulari.  Ma ġenb din id-dar hemm bitħa li għandha bieb għaliha li jagħti għal barra.  Taħt din il-bitħa hemm ġiebja kbira.  Is-saqaf ta’ din il-ġiebja hu magħmul minn sitt ħnejjiet u xorok fuqhom.  Waqt il-bini ta’ din id-dar, din il-ġiebja ntużat bħala barriera li minnha tqatta l-ġebel biex inbniet din id-dar.  Ħdejn din il-bitħa hemm diversi kmamar li jinkludu maqjel li hu maqsum fi tnejn b’ħajt, żewġ stalell u centimolo – mitħna misjuqa mill-annimali.  Hemm ukoll żewġ turġien miftuħin – wieħed jagħti għall-kamra fuq il-maqjel u l-ieħor jagħti għas-setaħ (bejt).  Id-daħla prinċipali ta’ din hi arkata.  Kif tidħol minnha hemm kurutur wiesa li jaqsam il-fond tad-dar u fuq wara jispiċċa b’gallerija.  Fuq il-lemin ta’ dan il-kurutur hemm żewġt ikmamar wara xulxin.  L-ewwel waħda kienet tintuża bħala kċina u ta’ warajha kienet stalla.  Fuq ix-xellug kien hemm kamra oħra li tiġi pariġġ il-kċina.  Imbagħad hemm taraġ li jwasslek għal bjut fl-ewwel sular fejn kien hemm żewġt ikmamar u loġġa kbira.  Milli jidher din id-dar kienet ġiet iffortifikata.  Is-soqfa ta’ din id-dar huma verament sbieħ, jikkonsistu minn ħnejjiet kbar u xorok fuqhom.  Din id-dar u għelieqi kollha ta’ madwarha, li kien fihom madwar 36 tomna.
Triq li ġiet imsemmija għal din id-dar hija Triq id-Dar ta’ Pultu li tinstab f’San Ġorġ.  Din it-triq hija dejqa u l-unika triq li minn Birżebbuġa tieħdok dritt għal din id-dar.
Din id-dar għaddiet għand diversi sidien sakemm fl-aħħar spiċċat abbandunata għal kollox.  Wara l-mewt tal-Baruni Ippolito Novantieri, martu Casandra Novantieri ħalliet b’wirt din id-dar lil binha Giovanni Battista fl-okkażjoni taż-żwieġ tiegħu ma’ Margerita Pltamone.  Pero’ ġara li Giovanni Battista miet fit-2 ta’ Ġunju 1758 mingħajr ma kellu tfal.  Għalhekk il-proprjetà kollha waqgħet f’idejn in-neputi tiegħu, Antonio Le Fevre, iben oħtu Vincenza Veronika miż-żwieġ tagħha ma’ Gaspare Le Fevre.  Wara l-mewt ta’ Antonio Le Fevre, il-Qorti Superjuri qasmet il-proprjetà kollha ta’ madwar id-dar ta’ Pultu bejn il-werrieta u d-dar spiċċat f’idejn Annetta Giappone li kienet miżżewġa ma’ Ġużeppi Carmelo Borg.  Fl-1893 il-proprjetà kollha kienet tiswa £570 Sterlini.  Fl-1899 id-dar inxtrat minn Luigi Mifsud.  Meta Luigi miet fl-1909, din id-dar għaddiet f’idejn oħtu Marija Mifsud fejn warajha għaddiet f’idejn Emanuel Mifsud li miet fl-1919.  Dan ta’ l-aħħar kien l-aħħar sid ta’ din id-dar.
B’hekk rajna fuq fuq l-istorja u anke xi tagħrif dwar din id-dar li llum il-ġurnata kważi ma hi aprezzata minn ħadd.  Din id-dar hi l-aktar eżempju sabiħ ta’ l-arkitetura Maltija tas-Seklu Sbatax.  Hija ħasra li din id-dar ġiet abbandunata għal kollox u ħasra akbar li l-bini tant sabiħ tagħha qed jiġġarraf.  Ikun interessanti jekk wieħed iżur din id-dar, mhux biex ikisser imma biex japprezza l-aħħar fdalijiet tagħha għax fi ftit żmien ieħor ser inkunu tlifna ġawrha oħra mill-wirt storiku ta’ gżiritna.
3 Comments leave one →
  1. Godwin Darmanin permalink
    September 27, 2011 1:09 pm

    Tassew gawhra li se tidhol fil-lista tal-mejtin. Flus ghal affarijiet zejda ghandna, imma biex insalvaw monumenti bhal dawn le. Ghandkom lokalita’ mizghuda b’tezori bhal din id-dar.

  2. mark calleja permalink
    September 4, 2012 4:56 pm

    minn fejn trid tghaddi biex tasal fejn din id-dar pls?

    • September 7, 2012 12:56 am

      Trid tidħol minn Sqaq li jismu għall-istess dar storika ‘Dar Ippolito’. Huwa sqaq li jinsab in-naħa tal-Bajja ta’ San Ġorġ, dik it-Triq tal-ġenb li mill-Bajja ta’ San Ġorġ tieħdok lejn il-pjazza. Fuq in-naħa tal-lemin ta’ din it-triq (Birżebbuġa Road) hemm sqaq li jieħdok f’area pjuttost partikolari, qisa area bejn moderna u bejn antika fl-istess ħin. Hemmhekk se ssib djar u mbagħad faċċata tagħhom hemm triq li tieħdok f’wieħed mill-isbaħ widien li hawn f’pajjiżna, Wied Żembaq pero hawn min isejjaħlu wkoll Wied Saptan. Dan il-wied huwa sabiħ immens u fl-2001 il-MEPA ddikjaratu bħala ‘Riserva Naturali’. Ta’ min jgħid li f’dan il-Wied hemm siġar rarissimi f’pajjiżna. Għalhekk kull min imur fih irid iġib rispett lejn in-natura li hemm u ma jikkawżax ħsara. Importanti ħafna din. Il-mogħdija għad-Dar ta’ Pultu mhijiex faċli ħafna għax aktar ma tidħol ‘il ġewwa tal-Wied, il-mogħdija qisha bħal tintilef. Ma nagħti parir lil ħadd biex tmorru tard filgħaxija għax jekk jidlam tintilfu. Kull min irird imur jara d-Dar ta’ Pultu jrid jibqa’ dieħel ġewwa fil-fond tal-Wied. Tidħlux go fiha għax saret perikoluża għan-nies. Ix-xewqa tagħna hija li forsi narawha restawrata. Importanti li ma tagħmlux ħsara la lil bini li fadal u lanqas in-natura li hemm. Nitolbu lill-awtoritajiet jieħdu ħdieb għax dan il-monument se nitilfuh darba għal dejjem.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: