Skip to content

Fortifikazzjonijiet tas-Seklu 20 f’Birżebbuġa

 

Fortifikazzjonijiet tas-Seklu 20
kitba u riċerka ta’ Michael Balzia
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 1999.

 

stampa

caption

 

Matul l-ewwel seklu tal-ħakma Brittanika f’Malta, għalkemm il-Militar Ingliż bena jew irranġa ħafna fortizzi mibnija mill-Ordni (e.g. forti San Luċjan, f’Marsaxlokk), huwa injora lil Birżebbuġa u l-inħawi ta’ madwar.  Iżda hekk kif qaleb is-seklu, l-Ingliżi raw li dan ir-raħal, bħal ħafna oħra tul ix-xtajtiet Maltin, kellu jkun ukoll protett permezz ta’ bini militari, fosthom:

 

Fortizza Bengħisa

Nhar is-6 ta’ April, 1900 il-Militar Ingliż ressaq talba sabiex ikun jista’ jikkwista art fejn kienet proposta li tinbena batterija ġewwa Bengħisa. Fit-8 ta’ Ottubru ta’ l-istess sena ġiet ippubblikata pjanta ta’ l-art meħuda bil-firma tas-Supretendent tal-“Public Works.” Kemm Stephen C.Spiteri fil-ktieb tiegħu “The British Fortifications”, mitbugħ fl-1991 u dak miktub reċenti minnu “British Military Architecture in Malta,” 1996, kif ukoll Quentin Hughes fil-ktieb tiegħu “Britain in the Mediterranean & the Defence of Her Naval Stations” jtennu li “Fort Bengħisa” Kienet oriġinarjament msemmija “Ħassan Battery” li nhar l-24 ta’ Mejju, 1909 ġiet proposta li tinbena fin-nofsinhar ta’ Malta u kellha tkun armata b’żewġ 9.2-inch BL guns.

Madankollu, fl-1912, il-pjanta ġiet modifikata u mkabbra sabiex il-forti (issa magħrufa bħala Fort Bengħisa) takkomoda żewġ 9.2-inch MkX BL guns u żewġ 6-inch MkVII VI guns mmuntati en barbette u separati minn xulxin minn polveristi taħt l-art. Fis-sena 1938, iż-żewġ 6-inch guns ġew maħtuta, waqt li fi żmien il-gwerra, il-fortizza kellha fiha xi anti-aircraft guns. Fil-ħamsinijiet, iż-żewġ kanuni l-oħra, jiġifieri in-9.2-inch BL guns ġew żarmati u posthom ittieħed minn tlett 5.25mm HA/LA dual purpose guns.  Fort Bengħisa spiċċalha l-użu tagħha fis-snin sittin. Fil-bidu ta’ snin sebgħin, wara żmien twil abbandunata, Fort Bengħisa nagħtat lil privat.

L-importanza ta’ Fort Bengħisa fi żmien il-gwerra kien indispensabbli u dan għarfu wkoll l-għadu.  Fil-pjan ta’ l-invażjoni ta’ Malta (Operazione C3), fi Giorno X, il-fortizza ta’ Bengħisa kellha tiġi attakkata minn “gliders” u wara jsir żbark fiż-żona Larnaca (isem konvenzjonali mogħti mit-Taljani għan-naħat ta’ Kalafrana) mill-infanterija CC.NN. Din l-invażjoni, iżda qatt ma seħħet.

 

“Stop Wall” f’Wied Żnuber.

Fil-ħarġa tal-fuljett tal-Festa 1991, tkellimt fuq ħajt f’Wied Żnuber, li Cesare Violandi fl-1654 kien bena wara li ngħata biċċa art fl-istess wied. Kull min illum iżur dan il-wied, f’nofsu jilmaħ ħajt militari li warajh jaħbi passaġġ li kien iservi sabiex jitħares dan il-post. Għajr in-nuqqas tal-vedettes (speċi ta’ toqob żgħar fil-ħajt fejn wieħed seta’ josserva u jispara l-arma tiegħu mingħajr ma jintlaqgħat), dan il-ħajt li seta’ ħa post dak ta’ Violandi tista’ tgħid li kollu għadu ppriservat fi stat tajjeb.

 

“Gun Placements”

Fis-“Survey Sheet” ippublikatha fl-1912 jidhru ħdejn Ta’ Sansajna u qrib Triq tal-Ġebel żewġ “gun emplacements” numri 15 u 16 rispettivament. Dawn kienu speċi ta’ post għall-kanuni mxerrda fl-għelieqi madwar il-Bajja ta’ Marsaxlokk.

 

“Pill Boxes”, “Depth Posts” u “Beach Posts”

Hekk kif il-gwerra (it-Tieni Gwerra Dinjija 1939-1945) kienet imminenti, il-Militar Ingliż ħaseb biex isaħħaħ id-difiża billi jibni kull fejn seta’ ‘Pill boxes’, ‘Depth Posts” u “Beach Posts” li l-użu tagħhom sar bżonnjuż matul l-attakki ta’ l-għadu fuq Malta bejn 1940-1943. Għall-ħabta ta’ Awwissu 1938 nbnew diversi madwar Malta bl-aktar li jinteressawna huma dawk li nbnew fil-Bajja ta’ Birżebbuġa. Fil-“PW Files” 76R u 76Q wieħed jista’ jara disinji ħfief ta’ kif kellhom bejn wieħed u ieħor jinbnew. Dawn jinkludu: BZO (fil-Qajjenza), BZl u BZ2 (fil-Bajja ta’ San Ġorġ), BZ3 (qabel Cl – fil-Bajja ta’ Birżebbuġa) u BZ4 (f’Wied il-Buni). Oħrajn kienu jinstabu f’Wied Dalam [nri 9 u 12].

Ma’ dawn ta’ hawn fuq, li ħafna minnhom sfortunatament spiċċaw, jinstabu diversi oħra li huma mxerrdin f’diversi widien li jiċċirkondaw ir-raħal tagħna, lista li ġiet miġbura minn Stephen C. Spiteri fil-ktieb imsemmi iktar ‘il quddiem.

Nixtieq nikkonkludi din is-serje ta’ fortifikazzjonijiet li nispera li ħadtu pjaċir taqrawha daqskemm jien ħadt pjaċir inwasslilkom li dawn ix-xtut li fihom raw kull sura ta’ ħidma mill-għadu u għalhekk ħtiġilhom jiġu difiżi kemm jista’ jkun, li dawn kienu xhieda ta’ ġrajja importanti fl-istorja tas-seklu Għoxrin.  Qiegħed nalludi għal tmiem tal-Gwerra Bierda meta fil-Bajja ta’ Kalafrana nhar it-2 u t-3 ta’ Diċembru 1989, f’jumejn xita u riħ ma jaqtgħu xejn, il-President Amerikan George Bush u l-President Sovjetiku Mikhail Gorbachev iltaqgħu fuq il-“Cruise Liner” Russu Maxim Gorky sabiex wara snin ta’ Gwerra Bierda, paċifikament jiltaqgħu u jiddiskutu u jħollu ħafna mill-problemi li kienu jifirduhom. Il-frott ta’ din il-laqgħa qegħdin ingawduh fil-ġurnata tal-lum.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: