Skip to content

Birżebbuġa: Programm “Forċina”

 

Birżebbuġa: Programm “Forċina”.
kitba ta’ Mario Fenech.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2002.

 

stampa

caption

 

Ir-Raħal ta’ Birżebbuġa llum huwa Ċentru ta’ attività li ma tieqaf xejn matul is-sena kollha. Fejn qabel kien hemm ftit djar żgħar mad-dawra tal-baħar li kienu jservu ta’ villeġġjatura, fil-preżent insibu binjiet kbar, stabbilimenti kummerċjali, postijiet ta’ divertiment, żewġ Każini tal-Banda u tnejn oħra politiċi, Knisja Ġdida fi pjazza enormi, xatt il-baħar imżewwaq b’ramla tassew sabiha u l-Free Port Terminal li huwa l-arterja prinċipali ta’ l-industrija tat-trasbord f’pajjiżna.

L-arma tal-lokalità turi għolja b’siġra taż-żebbuġ fuqha fuq ix-xefaq bl-isfond ikħal tal-baħar. Il-Motto hu Pax Salus Que Omnibus li tfisser Paċi u Saħħa lil Kulħadd.  Il-popolazzjoni hija dik ta’ disat elef ruħ u din titla’ ferm aktar waqt ix-xhur sħan tas-sajf meta bosta Maltin u turisti jmorru jqattgħu l-vaganzi tagħhom f’xi post ħdejn il-baħar.

Minbarra l-fdalijiet tat-Tempji Neolitiċi li hemm f’Birżebbuġa, hemm bosta rkejjen ta’ interess storiku bħalma huma, Għar Dalam li l-ewwel li kien beda jiġi studjat kien fl-1865, u għadd ta’ knejjes żgħar li huma mifruxa fil-limiti tal-Parroċċa.

Il-Knisja tal-Madonna Għajnuna ta’ l-Insara tinsab qrib ħafna lejn il-Knisja ta’ San Ġużepp ftit ‘il fuq mill-Bajja ta’ San Ġorġ. Biex inbniet kien sar rikors lill-Isqof Saverio Caruana minn Dr. Matteo Caruana nhar it-2 ta’ Settembru 1833. Tbierket fl-14 ta’ Mejju 1834 mill-Vigarju Generali, Mons. Salv. Lanzon.  Fiha altar wieħed u fuqu hemm kwadru ta’ l-artist A. Falzon. Fil-preżent din il-kappella hija proprjetà ta’ Dr. Cachia Żammit.

Il-kappella ta’ San Ġużepp tagħmel parti minn dar kbira li tinsab ma’ xatt il-Baħar.  Mibnija fuq stil korint fl-1871 minn Emm. Vincenzo Żammit, hija mgħammra bl-altar ta’ l-irħam li għal fuqu Giuseppe Cali kien pinġa l-kwadru ta’ San Ġużepp.  Tbierket mill-Vigarju Ġenerali l-Konti Carmelo Scicluna fis-27 ta’ Lulju 1871. Fuq in-naħa ta’ wara tagħha hemm kampnar żgħir. Il-kappella ma tantx wieħed jista’ jinduna biha għaliex hija mdawra bil-bini. Kienet issir il-festa esterna madwar il-Bajja ta’ San Ġorġ fir-raba` Ħadd ta’ Awissu. Din ukoll hija proprjetà privata.

Il-Kappella ta’ San Ġorġ nistgħu ngħidu li minnha ħareġ l-isem tal-Bajja għaliex nafu li din kienet fost l-ewwel bini li tela’ fl-inħawi meta Birżebbuġa kien għadu jagħmel parti mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina taż-Żejtun. Ma nafux eżatt meta ġiet mibnija din il-kappella, iżda nafu li din kienet ġiet irranġata fl-1625. Ġiet ipprofanata fl-1659 u ġiet mibnija mill-ġdid fl-1683 minn Girgor Bonici. Fil-kwadru ta’ fuq l-altar waħdieni tal-kappella hemm ix-xbieha ta’ San Gorġ fuq iż-żiemel. Dan il-kwadru hu kopja ta’ dak li għamel Mattia Preti għall-Kon Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt. Il-Bieb ewlieni jagħti għal fuq dik li qabel kienet trunċiera mibnija fit-tond li kienet isservi ta’ kenn għal dawk li kienu jinqabdu fil-knisja waqt xi attakk mill-Furbani. Fuq in-naħa ta’ wara tal-kappella kien hemm pont li kien jigi mtella’ waqt dawn l-attakki.

Il-Knisja ta’ Marija Addolorata kienet inbniet bl-insistenza ta’ Dun Spir Penza, qassis minn Bormla li kien imur jgħix Birżebbuġa waqt ix-xhur tas-Sajf.  Kienet minn dejjem ix-xewqa tiegħu li jkun hemm post fejn huwa jkun jista’ jqaddes u jagħmel ix-xogħol Pastorali tiegħu għalhekk talab lis-Sur Anġ Cassar biex dan jagħtih żewġ imħażen li kellu wara d-dar tiegħu. Min-naħa tiegħu l-Arċisqof Pietru Pace kien wegħdu li meta jlesti dan ix-xogħol tal-bini tal-Knisja huwa kien ser iwaqqafha Parroċċa.

Wigi Albanese kien ħareġ il-flus għall-bini tal-faċċata li nbniet fl-1912 għas-somma ta’ £100.   Saret Parroċċa b’digriet ta’ l-Arċisqof Pace fis-16 ta’ Settembru 1913, u damet isservi ta’ Parroċċa sakemm inbniet il-Knisja Parrokkjali l-ġdida fl-1937.

Fil-preżent din il-kappella flimkien mad-dar li hemm biswitha qiegħda tintuża mill-Membri tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M.

Il-Kappella tas-Sagra Familja, bdiet tinbena nhar id-29 ta’ Ġunju 1865 fuq il-Pjanta tal-Perit Doublett.  Kien ħabrek biex tinbena l-Kan. Dun Antonio Albanese minn Bormla, u kien hu stess li berikha meta tlestiet.  Għandha altar wieħed, bil-kwadru tas-Sagra Familja fuqu, koppla żgħira u żewġ kampnari, bi statwa tal-Madonna bejniethom. Fl-1978 kien ġie mneħħi l-portiku ferm sabiħ li kien hemm fuq il-bieb għaliex dan kien fil-periklu li jaqa’.

Il-Kappella tal-Kunċizzjoni tinsab fl-inħawi ta’ Bengħajsa mdawra bir-raba’ u bi ftit djar li ġew mibnija riċentament. L-ewwel darba li kienet inbniet kien fis-sena 1822 minn Dun Ġakbu Gauci. Ġiet mibnija mill-ġdid min-neputi ta’ dan il-qassis Dun Ġużepp Gauci erbgħin sena wara. Tbierket mill-Isqof Gaetano Pace Forno fil-15 ta’ Jannar 1862.  Fiha altar wieħed li fuqu hemm kwadru ta’ artist mhux magħruf. Il-kampnar inbena fl-1947 u fih qanpiena waħda. Dan l-aħħar kien sar xogħol ta’ restawr fil-kappella min-nies ta’ l-inħawi. Għal żmien twil il-kappella kien imur fiha Mons. Pietru Pawl Saydon fejn dan kien jagħmel ħafna xogħol għall-kwiet jaqleb il-Bibbja għall-Ilsien Malti. II-kappella tintuża ta’ spiss u l-festa ta’ l-Immakulata ssir fix-xahar ta’ Diċembru.

Żewġ kappelli oħra f’Birżebbuġa kienu dik ta’ Stella Maris li kienet fl-iskola ta’ Kalafrana u tintuża mill-Ingliżi Kattoliċi u l-kappella ta’ Sant’Anġlu f’Ħal Far. Din inqerdet bil-gwerra minħabba li kienet viċin wisq tal-mitjar u ma reġgħetx ġiet mibnija.  Kienet inbniet min-Nobbli Ċensu Viani fl-1702.

Il-Knisja Parrokkjali l-ġdida bdiet tinbena nhar id-29 ta’ Awissu 1926 bit-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla jsir mill-Isqof Dom Mawru Caruana, fuq il-pjanta tal-Perit Godwin Galizia. Ix-xogħol tmexxa mill-Perit Ġużeppi Terreni. Nhar is-16 ta’ Ġunju 1938 is-Sagrament Imqaddes ġie trasportat mill-Knisja l-qadima għal din il-Knisja l-ġdida li kienet għadha mhux lesta għal kollox mill-bini tagħha.

Wara li ntemmet it-tieni gwerra dinjija x-xogħol tkompla u tlesta biex fl-1955 ġie mżanżan l-altar maġġur ta’ l-irħam li nħadem fi Pietrasanta l-Italja fuq disinn tal-Kav. Vincenzo Bonello.  Minflok il-kwadru titulari l-knisja għandha statwa ta’ San Pietru li nħadmet f’Milan fi żmien il-kappillan Anġlu Fenech rigal ta’ ċertu wieħed jgħidulu ‘Ta’ Saqra”. 

Birżebbuġa huwa lokal mogħni bi ġmiel naturali għalkemm ġie żviluppat f’dik li hija industrija kummerċjali xorta waħda baqa’ jżomm l-identità tiegħu dik ta’ post fejn wieħed jista’ jmur u jistrieħ u jgawdi l-arja friska ta’ ħdejn il-baħar.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: