Skip to content

Birżebbuġa fis-Seklu 19 u l-bidu tas-Seklu 20 (1800-1906)

 

Birżebbuġa fis-Seklu 19 u l-bidu tas-Seklu 20 (1800-1906)
kitba u riċerka ta’ Michael Balzia
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2006.

 

stampa

caption

 

Nhar il-Ħadd, 4 ta’ Mejju, 1800, il-flagship ta’ l-ammirall Ingliż Horatio Nelson, il-“Foudroyant” ankra fil-bajja ta’ San Pawl il-Baħar fejn għamlet ġimgħa u mbagħad salpat lejn il-Bajja ta’ Marsaxlokk. Fuq il-bastiment kien hemm Sir William Hamilton, l-ambaxxatur Ingliż f’Napli u Lady Hamilton, il-ħabiba ta’ l-istess ammirall. Il-vapur navali ħalla Malta fl-20 ta’ l-istess xahar bl-istess passiġġieri wara waqfa ta’ 16-il ġurnata. Dan l-episodju partikulari fl-istorja ta’ Malta ftit xhur qabel ma l-Franċiżi ċedew l-armi nhar il-5 ta’ Settembru 1800, huwa wieħed mill-ftit, jekk hemm oħrajn, li fih tissemma l-Bajja ta’ Marsaxlokk fil-bidu ta’ l-era Brittanika f’Malta.  Għax ngħiduha kif inhi, kellu jgħaddi żmien mhux ħażin qabel ma l-ħakkiema l-ġodda tefgħu ħarsithom fuq dawn in-naħat u sfruttawhom għall-interessi tagħhom.

 

L-inħawi ta’ Birżebbuġa maqsuma fuq erba’ parroċċi.

Illum Birżebbuġa tagħmel waħda mid-69 parroċċa ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta u ilha parroċċa sa mid-9 ta’ Settembru, 1913. L-għadd ta’ parruċċani llum ilaħħaq it-8000 ruħ u l-familji 3000.  Fil-bidu tas-seklu 19, l-inħawi ta’ Birżebbuġa kienu maqsuma fuq erba’ parroċċi jiġifieri ż-Żurrieq, il-Gudja, Ħal Għaxaq u ż-Żejtun.  Meta Marsaxlokk sar parroċċa nhar it-23 ta’ Frar, 1897, l-inħawi tal-Qajjenza li kienu jagħmlu mar-raħal antik taż-Żejtun bdew jagħmlu parti mill-parroċċa l-ġdida sakemm twaqqfet il-parroċċa tagħna bl-ewwel titular iddedikat lid-Duluri.  Il-gabillotti fl-irziezet tagħhom flimkien ma’ xi sajjieda li kienu jgħixu f’dawn in-naħat ftit li xejn kellhom faċilitajiet sabiex jinqdew fil-ħtiġijiet spiritwali tagħhom. L-uniċi żewġ kappelli qrib kienu dik ta’ Sant’Anġlu f’Ħal Far mibnija min-nobbli Vincenzo Viani fl-1702 u ta’ San Ġorġ f’xatt il-baħar fl-inħawi magħrufa bħala San Ġorġ u li kienet tagħmel maż-Żejtun. Il-bqija xejn aktar. U l-eqreb raħal kien xi erba’ mili ‘l bogħod. Fis-sena 1822, fl-inħawi ta’ Bengħisa (dak iż-żmien parti mill-parroċċa taż-Żurrieq), inbniet l-ewwel kappella ta’ dan is-seklu minn Dun Ġakbu Gauci ddedikata lill-Kunċizzjoni. Fit-talba tiegħu lill-Isqof, Dun Ġakbu qal li xtaq jibni l-kappella primarjament għall-vantaġġ spiritwali tal-bdiewa ta’ l-inħawi. Hija kienet imkabbra fl-1861 u mbierka mill-ġdid fl-1862.  Għaxar snin wara, fl-1833, l-avukat Matteo Cachia Castagna bena kappella oħra f’xatt il-baħar fl-inħawi ta’ San Ġorġ ddedikata lill-Madonna Għajnuna ta’ l-Insara sabiex tkun ta’ vantaġġ spiritwali din id-darba għas-sajjieda.

Fil-konfini parrokkjali tal-parroċċa tal-Gudja, fl-inħawi ta’ Birżebbuġa, inbniet it-tielet kappella li kellha sservi bħala kappella viċendarja għal dawn l-inħawi. Din inbniet fl-1865 u sabet ir-rakkomandazzjoni tal-kappillan tal-Gudja Dun Giovanni Battista Żammit.  F’din il-kappella ddedikata lis-Sagra Familja kienu jsiru magħmudijiet u jinżamm iż-Żejt tal-Morda kif kien ordna l-Isqof Pietro Pace fil-Vista Pastorali ta’ l-4 ta’ Novembru, 1897. Fis-sena 1866 saret l-ewwel festa f’din il-kappella. Din il-kappella dejjem tqieset bħala l-knisja (prinċipali) ta’ Birżebbuġa.

L-aħħar kappella li nbniet f’dan is-seklu kienet dik iddedikata lil San Ġużepp. Inbniet fl-1871 mill-Kaptan tal-Milizzja Maltija, Emmanuele Vincenzo Żammit. Fl-1907, il-Kan. Spiridione Penza fetaħ il-Kappella ddedikata lid-Duluri. Pero` fuq din il-Kappella nitkellem, jekk Alla jrid is-sena li ġejja, meta nibda nikteb sensiela dokumentata ta’ kull sena li twassal sas-sena 2013 meta niċċelebraw għeluq l-ewwel mitt sena tal-parroċċa tagħna.

 

Il-Ħajja Soċjali

Kellu jgħaddi iktar min-nofs seklu qabel ma ltqajt ma’ xi forma ta’ petizzjoni lill-Awtoritajiet Ċivili biex wieħed seta’ jakkwista art pubblika għall-finijiet tiegħu. Nhar it-8 ta’ Mejju, 1854, Emanuele Żammit għamel talba formali għal biċċa art pubblika faċċata tal-Kappella “Auxilium Christianorum” sabiex ikun jista’ jibni dar tal-villeġġjatura. Talba simili saret minn Don Giuseppe Dalli nhar l-14 ta’ Mejju, 1854, sabiex jakkwista biċċa art pubblika din id-darba qrib il-Kappella ta’ San Ġorġ, bl-istess ħsieb. L-ewwel talba għal biċċa art fl-inħawi ta’ Birżebbuġa saret minn Dr. Giovanni Battista Marmarà nhar il-31 ta’ Marzu, 1855. Matul is-snin li ġew wara, Birżebbuġa baqgħet tiżviluppa bil-mod il-mod sakemm bdew jiffurmaw l-ewwel toroq kif nafuhom illum. Dawn kienu primarjament Strada Marina (jew ix-Xatt), Strada Birzebbugia, Strada Nuova u Strada Zurrico (Triq iż-Żurrieq). Nhar l-20 ta’ Ottubru, 1897, ingħataw numri ġodda lill-bibien ta’ Strada Zurrico. Barra minn hekk, min-nofs dan is-seklu ‘l quddiem wieħed jiltaqa’ wkoll ma’ diversi talbiet lill-awtoritajiet sabiex jinbnew jew aħjar jitqattgħu diversi banjijiet fuq il-blat li jdawwar ix-xtut ta’ Birżebbuġa.

Fit-30 ta’ Lulju, 1878, dehru l-ewwel ismijiet ta’ votanti fir-Reġistru Elettorali ppubblikat bħala parti integrali mill-Gazzetta tal-Gvern. Edward Capel ta’ 48 Vicolo Nadur u Cap. Zammit Emmanuel Vincenzo li kien joqgħod fil-fond Nru. 60, Str. S.Giorgio kienu l-uniċi votanti reġistrati dakinhar.

Żewġ aspetti oħra tal-ħajja soċjali f’Birżebbuġa li tajjeb wieħed jgħid xi ħaġa fuqhom kienu l-ħwienet ta’ l-inbid li bil-ftit il-ftit bdew jiftħu hawnhekk u l-Posta. Nhar id-19 ta’ April, 1870, Giovanni Andrea Caruana ingħata permess iġedded il-liċenzja tiegħu (Nru. 1106) sabiex ikun jista’ jbiegħ spirti mill-fond numru 34, Strada Nuova. Andrea Saliba ta’ 2, Strada Nuova ingħata permess iġedded il-liċenzja tiegħu (Nru. 1301) fit-2 ta’ Ġunju, 1870.  Dawn kienu l-uniċi żewġ liċenzji li ngħataw. Talbiet oħra għal-liċenzji ma kinux milqugħa minħabba li żewġt iħwienet fil-lokal kienu mitqiesa biżżejjed. Fl-10 ta’ Lulju, 1894, il-Posta ta’ Birżebbuġa bdiet tagħmel parti mit-tieni distrett, “Cottonera District”.

 

Fortifikazzjonijiet

Fis-seklu dsatax kważi l-fortifikazzjonijiet mibnija mill-Kavallieri ta’ San Ġwann kienu waqgħu fi stat ta’ abbandun u kienu qed ikunu l-mira tal-ħallelin u vandali. Għalhekk l-Awtoritajiet Ċivili, wara li bdew ikollhom diversi talbiet mingħand individwi għall-bejgħ jew kiri ta’ dawn, bil-mod il-mod bdew jeħilsu minnhom. L-ewwel li nbiegħ kien Ridott Birżebbuġa lil Dr Gio. Marmarà għas-somma ta’ 32 Lira Sterlina nhar it-18 ta’ Novembru, 1858.  Imbagħad nhar l-1 ta’ Mejju, 1872, Batterija Ferretti ngħatat b’ċens għal 99 sena lill-Maġġur Giuseppe Cavazza għas-somma ta’ nofs Lira fis-sena. Fis-sena ta’ wara l-Batterija Pinto ngħatat b’ċens għal 99 sena u nofs lill-Markiż Felicissimo Apap fil-kuntratt li sar nhar is-26 ta’ Awissu, 1872.  Fis-sena 1896 kien propost li jinbena ħajt difensiv f’Wied Żnuber.   Dan wieħed għadu jista’ jarah sal-ġurnata tal-lum.  Għalkemm Fort Bengħisa nbniet kif nafuha llum fis-sena 1912 wara li kienet ġiet ridisinnjata fis-sena 1909 (dakinhar magħrufa bħala Hassan Battery), l-ewwel proposti sabiex tinbena din il-batterija saru fis-sena 1900. Nhar is-26 t’April, il-Militar Ingliż ressaq talba sabiex ikun jista’ jakkwista art fejn kellha tinbena din.

 

Għases tal-Pulizija u Coast Guards

Nhar is-26 ta’ Ġunju, 1883, l-awtoritajiet tal-pulizija talbu sabiex ikunu jistgħu jikru fond ieħor minflok dak użat minnhom għas-somma ta’ żewġ Liri Sterlini u nofs fis-sena. Dan kien jikkonsisti f’żewġ kmamar u l-proprjetarja kienet Teresa Bonello.

Fis-sena 1873, kienet organizzata sistema ta’ “Coast Guards” madwar Malta. It-torri ta’ Bengħisa, wara li saru fih xi tiswijiet, beda jintuża sabiex fih kienu stazzjonati tlieta min-nies. Dawn kienu jagħmlu parti mis-sindikat taż-Żurrieq (Distrett 6) u jaqgħu taħt il-pulizija.

 

Skavazzjonijiet

Birżebbuġa hija għanja ħafna fejn tidhol l-istorja primittiva ta’ Malta u għalkemm Għar Dalam kien ilu magħruf sew ma’ l-istoriċi (jisssemma’ minn Gian Francesco Abela sa mis-sena 1647), l-ewwel skavazzjoni serja f’dan l-għar saret fis-sena 1865 minn Arturo Issel, ġeoloġista Ġenoviż li kien qiegħed iżur l-għerien ta’ Malta, wieħed wieħed, sabiex jagħmel studju xjentifiku. Dakinhar, Issel ħaffer gandott sittin ċentimetru fond xi mitt pass mill-bokka u sab xi fuħħar u żewġ għadmiet ta’ l-ipoppotamu.  Kienet sejba kbira u l-fuħħar li nstab ta bidu għal hekk imsejħa “Għar Dalam Phase Pottery’ li hi l-ewwel fażi tal-preistorja Maltija. Fis-sena 1892, John Henry Cooke, għamel tiftix iktar bir-reqqa u sab diversi fdalijiet ta’ annimali ta’ żmien pleistoċenu.

Faċċata ta’ Għar Dalam hemm il-fdalijiet ta’ Villa Rumana magħrufa bħala “Ta’ Kaċċatura/ta’ Medewiet”. Fit-2 ta’ April, 1881, is-segretarju tal-“Giunta Archaeologica”, Dr Fortunato Mizzi kiteb fuq skavazzjonijiet li kellhom isiru qrib it-Tempju ta’ Melcarte Borġ in-Nadur.  Fl-1 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara, il-Ġunta uriet apprezzament għas-somma ta’ ħamsin Lira Sterlini vvutata għall-ħarsien ta’ dawn il-fdalijiet. Wara ittra mibgħuta lill-Awtoritajiet nhar it-22 ta’ Mejju, 1893 dwar ħsarat li kienu qegħdin jiġu kkawżati lir-rovini minħabba telqa li kienu jinsabu fiha, fis-sena ta’ wara dawn il-fdalijiet kienu ċċirkundati b’ħajt li għadu jidher sal-ġurnata tal-lum.

Fis-sena 1896, sar poġġaman tal-ħadid fl-entratura ta’ Għar Ħasan.

 

It-Torpedo Depot f’Kalafrana

Fil-11 ta’ Settembru, 1900, kien suġġerit li t-“Torpedo Range” li kien jinstab fil-port ta’ Marsamxett qrib tas-Sliema jkun trasferit għal Kalafrana. Għall-bidu dan tqiegħed f’Marsaxlokk u mbagħad, wara li fis-sena 1901, l-Awtoritajiet Navali akkwistaw l-art meħtieġa ġewwa Kalafrana, dan ittieħed hemmhekk.

Fl-4 ta’ Ottubru, 1904, fuq parir ta’ kumitat ta’ esperti, id-direzzjoni tiegħu nbidlet u ġie bi dritt ta’ l-entratura tal-port. Sentejn wara nbnew erba’ fanali bid-dawl (beacons) sabiex jimmarkaw iż-żona ta’ periklu fl-inħawi tat-“Torpedo Range”.  Dan kien il-bidu ta’ l-era Ingliża f’Birżebbuġa. Iktar tard, lejn l-aħħar ta’ Jannar, 1916, l-Ammiraljat approva li fl-istess inħawi jinbena s-“seaplane base” li beda jopera fix-xahar ta’ Lulju ta’ l-istess sena.  Fis-sena 1923, l-HMS Falcon fetħet il-mitjar ta’ Ħal Far.

Birżebbuġa u l-militar kif ukoll in-“navy” Ingliża kienu saru biex ngħid hekk ħaġa waħda. Mhux ta’ b’xejn li Birżebbuġa addottat bħala l-kuluri tagħha sabiex jiddistingwuha l-kuluri blu, abjad u aħmar, l-ilwien tal-balla ta’ ‘Air Force’.

 

No comments yet

Leave a comment

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni.wordpress.com/

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.