Skip to content

Birżebbuġa bħala distrett fit-tiġrijiet tal-Vitorja.

 

Birżebbuġa bħala distrett fit-tiġrijiet tal-Vitorja.
kitba ta’ Arthur Aquilina f’isem ‘L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa’
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2000.

 

.

caption

 

Wieħed mill-avvenimenti nazzjonali ta’ pajjiżna fix-xahar ta’ Settembru, huma t-tiġrijiet tad-dgħajjes, jew kif iżjed nafuhom, tar-Regatta. Dawn it-tiġrijiet isiru nhar it-Festa tal-Vitorja (8 ta’ Settembru fil-Port il-Kbir u fihom jipparteċipaw dawk l-ibliet u l-irħula li b’xi mod huma fil-viċin tal-Port il-Kbir jiġifieri Bormla, l-Isla, il-Birgu, il-Belt Valletta, il-Kalkara u l-Marsa. Ma’ dawn id-distretti għal xi snin kienu żdiedu żewġ distretti oħra, li kienu Birżebbuġa – li ħa sehem għall-ewwel darba fl-1972 – u d-distrett ta’ Marsaxlokk – li ħa sehem fl-1978. Id-distrett ta’ Birżebbuġa baqa’ jieħu sehem għal ħames snin filwaqt li Marsaxlokk damu tlett snin.

Kien hemm żewġ fatturi ewlenin li għenu biex tinbet l-idea li jkun hawn għaqda tad-dgħajjes tar-Regatta. L-ewwelnett hemm il-fatt li r-raħal ta’ Birżebbuġa għandu partijiet minn bħala xtajtiet fil-Port ta’ Marsaxlokk. It-tieni, tajjeb niftakru li ħafna mill-ewwel abitanti f’Birżebbuġa,sa mit-twaqqif tal-parroċċa fl-1913, kienu nies mill-Kottonera.  Ma dawn kienu jkomplu jiżdiedu fix-xhur tas-sajf bil-wasla tal-villeġġjanti. Hawnhekk irridu nsemmu li tiġrijiet bil-fregatini bil-qlugħ kienu ilhom isiru għal ħafna snin qabel ma twaqqfet l-għaqda tad-dgħajjes f’Birżebbuġa.

 

Il-Fundatur tal-Għaqda

Fost l-ewwel familji li bdew ġejjin biex joqogħdu f’Birżebbuġa, insibu l-familja ta’ Mabbli Vella, li ġew mill-Isla.  Meta waslu Birżebbuġa, missier Mabbli kien ħa ħanut tax-xorb ħdejn l-Għassa tal-Pulizija, bl-isem ta’ ‘Bay View Bar’, iżjed magħruf bħala tal-‘Pop’. Mabbli, dak iż-żmien daqsxejn ta’ tfajjel ta’ seba’ snin, flimkien ma’ ħutu beda jmur l-iskola tal-Gvern. Meta tfarfar u kellu dawk is-sittax-il sena, dan Mabbli għamel bħal bosta nies oħra, li f’dawk iż-żminijiet kienu jemigraw f’xi pajjiż bogħod minn xtutna. L-ewwel ma mar Mabbli kien lejn l-Ingilterra u minn hemm telaq lejn il-Kanada. Fl-aħħar mar joqgħod fl-Amerika, fejn iżżewweġ u baqa’ jgħix sa ma miet fl-1972.

 

Il-Kuluri tad-Dgħajjes u l-Qaddiefa

Id-dgħajjes tad-distretti ta’ Birżebbuġa kienu miżbugħa kollha ċelesti b’żewġ faxxi orizzontali fin-nofs – wieħed aħmar u l-ieħor abjad.  Xi wħud mill-qaddiefa li kellha l-Għaqda tar-Regatta ta’ Birżebbuġa, li kważi kollha kienu minn dan ir-raħal. Kienu France Borg, Charles Farrugia, Ronnie Grech. John Tabone.  Anthony Schembri, Michael Incorvaja, Sonny Bonnici, Tony Borg, Joe Camilleri, Joe Scicluna, Joe Muscat u Anthony Muscat.

 

L-Opri tal-Baħar

Dawn li ġejjin huma l-opri li l-Għaqda kellha tul is-snin: 

 Dgħajjes tal-Medalji“Santa Marija” inbniet fl-1972 mill-imgħallem Alfred Baldacchino; “Sabiħa” (Pine Lawn) inbniet fl-1974 mill-imgħallem Alfred Baldacchino;

 Dgħajjes tal-Pass: “Pietra” id-data meta nbniet din id-dgħajsa mhix magħrufa iżda l-imgħallem kien Gużeppi Delceppo: “Lady of Lourdes” inbniet fl-1954 mill-imgħallem Ċensu Pule;

Frejgatini: “Blue Star” inbniet fl-1972 mill-imgħallem Joe Aquilina; “Balena” inbniet fl-1976 mill-imgħallem Ġużeppi Delceppo;

Kajjik: “Mabbli” id-data meta kien inbena mhix magħrufa, iżda l-imgħallem kien Ġużeppi Delceppo.

 

Il-Bidu tal-Għaqda u l-Ħajja Qasira Tagħha

Nistħajjel min jistaqsi; imma kif dan Mabbli seta’ waqqaf din l-għaqda meta huwa kien joqgħod l-Amerika?  Għalkemm kien joqgħod l-Amerika, xorta baqa’ jħobb lil art twelidu, tant li nafu li kien jiġi ta’ spiss għal vaganzi, l-iżjed meta huwa stess kien jorganizza ġiti lill-Maltin ta’ hemm lejn Malta fis-sajf.

Kien fis-sajf ta’ l-1971, meta dan Mabbli kien hawn Malta u ltaqa’ ma ċertu Mr. Casions, li kien pensjonant Ingliż, mas-Sur Johnny Mamo, ma’ ċertu Tony Camilleri (il-Baħri) u ma’ xi nies oħra, u wriehom ix-xewqa li titwaqqaf din l-għaqda. L-Għaqda twaqqfet dik is-sena stess waqt laqgħa fis-sede ta’ l-Azzjoni Kattolika u l-għaqda semmewha “Għaqda 8 ta’ Settembru Regatta”. L-Għaqda baqgħet tiltaqa’ fil-ħanut ta’ missieru “Bay View Bar”. Qabel ma reġa’ lura lejn l-Amerika, Mabbli kien xtara l-ewwel dgħajsa tal-medalji bl-isem ta’ “Santa Marija”. Dan għamlu sabiex jibda jsir it-taħriġ u b’hekk is-sena ta’ wara jkunu jistgħu jipparteċipaw fit-tiġrijiet tal-Vitorja.

Meta xi żgħażagħ raw din l-ewwel dgħajsa fil-Bajja ta’ Birżebbuġa, tqanqal fihom interess u xtaqu li huma jkunu qaddiefa ma’ din l-Għaqda. Meta ra li l-ħeġġa qed toktor, il-Kumitat akkwista opri oħra fosthom oħra tal-medalji u dgħajjes tal-pass. Aktar tard, żdiedu kajjik u frejgatina. Tant kiber l-interess ta’ dawk iż-żgħażagħ, li wara li kienu jitħarġu fil-qdif, il-membri tal-kumitat bdew jagħżlu l-ekwipaġġ ta’ kull opra partikulari. Fuq il-moll, in-naħa ta’ Wied il-Buni, kien ikun hemm attività sħiħa: issa tara lil xi ħadd jipprepara d-dgħajjes bl-imqadef u daqqa tara lil xi ħadd ieħor bl-arloġġ f’idu jżomm il-ħinijiet ta’ kull qadfa.

Għal Mabbli Vella, is-sena 1972, barra li kienet l-ewwel darba li Birżebbuġa kienet ser tieħu sehem bħala distrett, kienet ser tkun l-aħħar sena għall-istess Mabbli, għax fil-fatt miet fl-Amerika f’dik is-sena. Din kienet daqqa ta’ ħarta kbira għall-Għaqda, meta proprju fl-ewwel xhur tagħha, titlef il-fundatur. Bħala rikonoxximent lejn Mabbli, l-Għaqda, ħasbet biex il-kajjik li kellha jissemma’ għalih.

Wara l-mewt ta’ Mabbli Vella, għalkemm kien jinħass sewwa n-nuqqas tiegħu, l-Għaqda tar-Regatta kompliet miexja ‘l quddiem. Bejn is-sena 1972 u 1974, il-qaddiefa ta’ Birżebbuġa komplew juru interess fil-provi ta’ qabel kull edizzjoni tar-Regatta. Ta’ kull sena dawn il-qaddiefa kienu jieħdu sehem f’kull korsa bi spirtu verament sportiv. Irridu nsemmu iżda, li minkejja dan kollu, bħala suċċessi ma waslu qatt, bħal ngħidu aħna xi rebħ ta’ paljijiet. Forsi dan kien il-kaġun li iżjed ‘il quddiem bdiet ittaffi l-ħeġġa mill-qaddiefa, li wħud minnhom bdew jaqtgħu milli jkomplu jaqdfu.

L-aħħar sentejn li fihom l-Għaqda tar-Regatta baqgħet wieqfa, jiġifieri 1975 u 1976, kienu mimlija problemi, fosthom nuqqas ta’ qaddiefa, nuqqas ta’ finanzi u forsi l-akbar problema tkun li ma kienx hawn imħażen fejn setgħu jintrefgħu d-dgħajjes. L-aħħar sena li fiha d-distrett ta’ Birżebbuġa deher fil-Port il-Kbir kien fis-sena 1976. Minn dik is-sena ‘l quddiem qatt iżjed ma’ reġa’ sar sforz biex din l-Ghaqda tieħu ħajja ġdida.  Ħasra li d-dgħajjes li kellhom ġew abbandunati.

Għal tul ta’ żmien tqiegħdu f’maħżen li kellhom is-servizzi Ingliżi f’Kalafrana.  Hemmhekk dawn l-opri ġarrbu ħsarat kbar, barra li kienu nsterqu xi partijiet minnhom. Kien intervent f’waqtu, meta wara bosta snin, dak li kien baqa’ f’dak il-maħżen ittieħed fil-Mużew Marittimu tal-Birgu sabiex jiġu restawrati u wara jkunu esebiti fl-istess mużew.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: