Skip to content

Bengħisa: Niesha u Ġrajjietha

 

Bengħisa: Niesha u Ġrajjietha.
kitba ta’ Conrad D’Amato.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2002.

 

caption

 

Introduzzjoni

Żgur u mhux fosi li kull Birżebbuġjan jaf fejn jinsabu l-inħawi ta’ Bengħajsa, pero’ għall-benefiċċju ta’ dawk li m’humiex mir-raħal, l-inħawi ta’ Bengħajsa jinsabu fit-tarf tax-xlokk ta’ Malta. Bengħajsa hi mdawra minn Kalafrana (Port Ħieles), Birżebbuġa, u Ħal Far. Hi magħmula minn żewġ għoljiet waħda ogħla mill-oħra li jibdew fi pjanura żgħira minn Kalafrana u jispiċċaw fl-irdumijiet kbar magħrufin bħala tal-Mara u ta’ Għar Hasan. Il-kobor tagħha jifrex fuq medda ta’ madwar mil u nofs kwadru ta’ art, li fil-parti l-kbira tagħha hi agrikola. Din tinsab imdawra bi tliet widien kbar li huma Wied ix-Xoqqa, Wied il-Buni u Wied Żnuber.

 

Bengħajsa fi żmien bikri

Dan l-isem mill-ewwel jagħtina indikazzjoni ċara li oriġina fi żmien il-ħakma Għarbija f Malta (870 -1090). Dan għaliex dan l-isem ġej mill-Għarbi “Bin” u “Għisa” li b’ilsienna jfissru Wild il-Baħar. Fi żmien il-ħakma ta’ l-Ordni (1530 -1798) nsibu dan l-isem miktub hekk: “Benissa” pero m’għandniex ħjiel ta’ kif kien jiġi ppronunzjat. Barra minn hekk minħabba l-qagħda ġeografika tagħha, Bengħajsa kienet tissejjaħ ukoll bħala l-art “Tas-Sikka”.

Tul is-snin saru diversi sejbiet storiċi li juru sewwa li kienu proprju dawn l-inħawi li kienu l-ewwel imgħammra bin-nies. Jingħad li f’dawn l-inħawi kienu nstabu għadd ta’ ġebel tal-Ħaffiefa, li hi ġebla vulkanika. Dan juri bħal ma dejjem sostnew l-istudjużi, li l-baħar li jifred lil Malta miż-żewġ kontinenti darba kien art, u li fil-viċinanzi kien hemm vulkan li tajjar il-lava s’hawn. Sa ftit żmien ilu waqt li kienu qed jinbnew xi fabbriki ġodda f’Ħal Far kienu nstabu għadd ta’ katakombi ta’ żmien iċ-ċiviltà bikrija.

Sfortunatament ħafna sejbiet li saru tul is-snin baqgħu mistura sal-ġurnata tal-lum. Min jaf x’instab waqt il-bini tal-mitjar ta’ Ħal Far fi żmien il-ħakma Ingliża! Pero sejba ta’ importanza kbira saret fl-1761 ġewwa Bengħajsa f’għalqa proprjetà tal-familja Falzon. Hawn kien instab qabar Feniċju li fih barra li kienu nstabu anfora u xi ġarar oħra, kien instab skeletru u fuq il-lemin tiegħu kien hemm lapida b’kitba li meta maqluba għall-Malti kienet tgħid hekk:

 

“Is-Sala Ġewwinija
Tas-Santwarju tal-Qabar Ta’ Annibal
Magħruf għal tmiem il-ħerba,
Kien Maħbub
Il-Poplu jibki, Meta mlibbes Għat-taqbida
Annibal Bin Bar-Melek.”

 

Jingħad li dan il-qabar kien tal-mexxej il-kbir ta’ Kartaġni l-antika fejn fl-aħħar vers naraw ismu.

Wara li fl-20 ta’ Mejju ta’ l-1565 it-Torok kienu żbarkaw fil-bajja ta’ Marsaxlokk u taw bidu għall-Assedju l-kbir, sabiex jiddefendu din il-bajja, il-Kavallieri kienu bnew torri msemmi Torre Benissa. Dan kien wieħed mit-13-il torri li l-Gran Mastru Martin De Redin bena madwar ix-xtut Maltin. Dan it-torri, flimkien mat-torri li kien inbena pariġġu f’Delimara u mal-Forti San Luċjan, kien jgħasses il-bajja minn kull attakk tal-furbani. It-torri l-aħmar (kif kien magħruf) illum m’għadux hemm, għax dan kien twaqqa’ mill-awtoritajiet militari Ingliżi fl-1915. Barra minn hekk sal-lum f’Bengħajsa f’post magħruf bħala l-Mara għad hemm (għalkemm abbandunata) il-Fortizza ta’ Bengħajsa. Din kienet inbniet fuq medda ta’ madwar 40 tomna ta’ art mill-Awtoritajiet Militari Ingliżi sabiex tattakka għal fuq il-baħar. Ftit ‘il bogħod minn din il-fortizza l-Ingliżi kienu bnew fortizza oħra żgħira magħrufa bħala l-Fortizza ta’ l-Għolja. Din il-fortizza kienet inbniet sabiex tattakka għall-ajru. Dawn iż-żewġ fortizzi taw sehem siewi fit-Tieni Gwerra Dinjija, fejn naraw li l-ewwel attakki mwettqa mill-għadu fuq pajjiżna fil-11 ta’ Ġunju 1940 saru proprju fuq dawn iż-żewġ fortizzi u fuq Kalafrana fejn kien hemm it-Torpedo Depot tal-bażi Ingliża.

 

L-Inħawi

F’dawn l-inħawi jeżistu diversi postijiet ta’ interess partikolari. Għar Ħasan li żgur li m’hawn ħadd li għadu qatt ma sema’ bih, hu magħruf għall-kobor u s-sbuħija tiegħu. Ma’ dan l-għar hemm marbutin diversi leġġendi tal-folklor Malti. Dan l-għar jinsab fl-irdumijiet li proprju huma msemmijin għalih. Kull sajjied li min jaf kemm-il darba għadda minn ma’ dawn l-irdumijiet jista’ jgħidlek xi ġmiel joffru, b’katina ma taqta’ xejn ta’ għerien fil-baħar. U la qed insemmu l-irdumijiet ma nistgħux ma nsemmux il-blata magħrufa bħala l-Mara.

Din tinsab maġenb il-fortizza ta’ Bengħajsa li dwarha diġà tkellimna. Din hi blata kbira wieqfa waħedha u għolja kważi daqs il-kumplament ta’ l-irdumijiet. Din tissejjaħ il-Mara għall-fatt li mill-bogħod għandha forma ta’ mara b’tarbija ma’ ġenbha. Sfortunatament minħabba l-maltemp u l-iktar minħabba l-isplużjonijiet li saru sabiex jitqatta’ l-blat fil-proġett tal-Port Ħieles, din il-blata sofriet ħsarat kbar. Ta’ interess hu li bejn Għar Ħasan u l-Mara nsibu wied tassew sabiħ li jismu Wied il-Mixta. F’dan il-wied insibu żewġ għerien kbar li jisimhom Għar il-Buż u Għar il-Riħ. Dan ta’ l-aħħar jibda mill-ġenb tal-wied u wara 140 pied tul jiżbokka għal fuq il-baħar.

Sa qabel l-1913 dawn l-inħawi kienu jagħmlu parti mill-parroċċa taż-Żurrieq. Il-popolazzjoni sa qabel it-Tieni Gwerra Dinijija kienet ta’ aktar minn 50 familja, iżda minn wara l-gwerra dawn naqsu ferm u llum baqa’ ftit. Dan għaliex li ħafna familji minn wara l-gwerra bdew jinżlu joqogħdu Birżebbuġa. Tajjeb li ngħidu li l-parti l-kbira ta’ dawn il-familji kienu Żrieraq. Allura dawn l-inhawi għadhom igawdu dak l-ambjent rurali li kważi għeb għal kollox minn pajjiżna. B’dan irrid ngħid li Bengħajsa hi xempju ħaj ta’ kif kienu l-irħula Maltin ħafna snin ilu, fejn fin-nofs issib il-kappella, li fil-każ ta’ Bengħajsa għadha sal-lum imdawra kollha kemm hi bir-raba’ u l-irziezet, u l-kumplament kollha raba’ u sqaqien imserpin b’xi razzett antik lil hemm u ieħor ‘l hawn.

F’Bengħajsa sal-lum għadek issib ħames niċeċ li juru l-qima li l-Bengħajsin minn dejjem kellhom lejn diversi qaddisin. Dawn huma tal-Madonna tal-Karmnu (circa 1887), l-istatwa tal-Qalb ta’ Ġesu (circa 1912), ta’ San Ġużepp (circa 1923), tal-Kunċizzjoni (circa 1918), u n-niċċa ta’ San Ġwann il-Battista (protettur ta’ l-Ordni) li tinsab ma faċċata ta’ torri mibni fi żmien il-kavallieri. Il-kappella li nsibu f’dawn l-inħawi għandha storja ferm interessanti. Bejn l-1822 u l-1823 Dun Ġużepp Gauci miż-Żurrieq kien bena daqsxejn ta’ kappella żgħira ddedikata lill-Kunċizzjoni. Pero’ din il-kappella kienet żgħira wisq, għalhekk madwar 40 sena wara, Dun Ġakbu Gauci li kien jiġi n-neputi tal-fundatur tagħha reġa’ bniha mill-ġdid fis-sura li tinsab illum. U l-kappella minn ġewwa għandha altar wieħed bi prospettiva tal-ġebel.  Fuq dan l-altar hemm inkwadru tassew sabiħ li ħasra li ma nafux min pittru. Is-saqaf tagħha hu troll, u fuq wara hemm is-sagristija li tista’ tkun l-oriġinali meta nbniet l-ewwel kappella. F’din is-sagristija hemm niċċa tal-ġebel fejn fiha tinżamm l-istatwa titulari tal-Kunċizzjoni li saret madwar mitt sena ilu. Il-faċċata hi sempliċi u fiha kampnar wieħed li fih hemm qanpiena li ġġib l-isem Konċetta u li saret fl-1947.  Kull 8 ta’ Diċembru tiġi ċċelebrata f’din il-kappella l-festa tal-Kunċizzjoni u allura ta’ Bengħajsa.

 

Il-Gwerra

Minħabba l-qagħda strateġika tagħha, bejn il-mitjar ta’ Ħal Far u Kalafrana, Bengħajsa kienet tkun kontinwament fil-periklu tal-bumbardamenti. Barra minn hekk, kif diġà rajna kienu nbnew żewġ fortizzi fl-inħawi sabiex jilqgħu tajjeb l-attakki ta’ l-għadu. Tlett ijiem biss wara l-bidu tal-gwerra seħħ l-ewwel inċident fatali fejn il-Bengħajsi Anġlu Farrugia (minn ta’ Testu) miet meta kien Kalafrana. In-nies ta’ l-inħawi kienu jinżlu jistkennu f’post taħt l-art li kien ta’ l-Ingliżi fejn sa ftit żmien ilu kien hemm dawk l-arbli t-twal. Pero’ meta l-Ingliżi ġew bżonn dan il-post il-Bengħajsin kellhom imorru jistkennu f’Għar Ħasan u f’Għar il-Buż f’Wied il-Mixta. Fatt li baqa’ magħruf bħala miraklu kien meta f’April ta’ l-1942 bomba kbira mixħuta mit-Taljani ġiet eżatt wara l-kappella u splodiet. Kien b’miraklu li għalkemm għamlet ħofra kbira fil-ħamrija, il-bini ma ġralu xejn għajr xi ħsarat minimi fil-ħitan ta’ wara tas-sagristija.

 

 

Niesha

Ma’ Bengħajsa hemm marbutin diversi personaġġi li jibqgħu magħrufin. Ewlenin fosthom hu l-magħruf Żurrieqi Mons. Prof. Pietru Pawl Saydon (1895-1971). Mons. Saydon jibqa’ magħruf għat-traduzzjoni tal-Kotba Mqaddsa għal-lingwa Maltija mill-oriġinal Ebrajk u Grieg.

Dan ix-xogħol dam jagħmlu għal madwar 40 sena u għamlu fid-dar li kellu jisimha Dar is-Sliem fi Triq il-Kunċizzjoni, ‘l isfel mill-kappella. Mons. Saydon kien għal żmien twil ir-Rettur tal-Kappella ta’ Bengħajsa fejn sal-lum għad hemm tifkiriet kbar li ħalla hu. Personaġġ eħor li jibqa’ magħruf hu Mikiel Schembri (minn tal-Qamħa). Mikiel kien bin-negozju tal-ħasil tal-ħwejjeġ li kien jieħu mingħand l-Ingliżi. Pero’ apparti minn hekk Mikiel baqa’ magħruf l-aktar ma’ kull min jafu għat-tjubija ta’ qalbu l-aktar mal-ħaddiema tiegħu u mal-Bengħajsin kollha. Barra minn hekk hawn tajjeb li nsemmu lin-nies ta’ Bengħajsa kollha, li għalkemm ma kinux nies ta’ skola pero’ kienu nies beżlin u ħawtiela. Insemmu wkoll li fis-snin 50 u 60 il-Bengħajsin kellhom il-grupp tar-reffiegħa tagħhom, fejn sena iva u oħra le kienu jerfgħu l-istatwi li joħorġu mill-knisja ta’ Birżebbuġa.

 

Konklużjoni

Illum il-ġurnata dawn l-inħawi għadhom igawdu l-isbuħija u t-trankwillità li minn dejjem kienu magħrufa għalihom. Il-kwiet u l-ħemda li jirrenjaw il-parti l-kbira tal-ġurnata, iġegħluk tinsa l-ħajja mgħaġġla tal-lum u taħseb fuq dawk iż-żminijiet meta l-progress kien għadu ma rifisx f’pajjiżna. Iġġib quddiem għajnejk lil Malta ta’ dari, li għalkemm nieqsa mill-ġid materjali, pero’ kienet bil-wisq iktar għanja fil-ġid naturali li aħna nagħmlu parti minnu.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: