Skip to content

Batteriji u Ridotti f’Birżebbuġa (It-2 Parti)

 

Batteriji u Ridotti f’Birżebbuġa (It-2 Parti)
kitba u riċerka ta’Michael Balzia (28/5/97)
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 1997.

 

caption

 

Batteriji u Ridotti (2)

Fil-ħarġa tal-Fuljett tal-Festa tas-sena 1993 konna tkellimna fuq tliet fortifikazzjonijiet li llum m’għadhomx jeżistu. Illum ser nitkellmu fuq l-erbgħa l-oħra li tlieta minnhom xi ftit jew wisq wieħed għadu jista’ jarahom.

 

A.    Ridott Birżebbuġa

Dan ir-ridott kien mibni f’nofs il-Bajja ta’ Birżebbuġa, eżattament fejn illum hemm “Villa Pisana” (Cherries Bar) u kien imbiegħ mill-Awtoritajiet Ċivili lil Dr Gio. Batta. Marmara’ għas-somma ta’ £32 nhar it-18 ta’ Novembru, 1858.  Magħruf ukoll bħala Ridott Spinola (il-Balliju Fra Gio. Batta.  Spinola offra elf skud fil-Kunsill ta’ l-Ordni tas-6 ta’ Ġunju, 1715 għat-tlugħ tiegħu), dan ir-ridott kien stmat li jqum ‘il fuq minn 969 skud. Fis-sena 1743 sarlu pont tal-ġebel.  Ir-Ridott Spinola kien kapaċi li jżomm fih 50 ruħ u kien maħsub li jkollu tlett kanuni.

 

B.    Batterija Gżira

Għalkemm ħafna mill-ħitan tagħha huma mġarrfin, din il-batterija għadha wieqfa sal-lum il-ġurnata. Mibnija bi flus il-Balliju ta’ Akri, Fra Melchior Alvaro li offra elf skud, il-Batterija Pinto kienet ipproġettata li tiddefendi ruħha bi 8 kanuni.

Fil-viżta li għamel il-Kavallier Fra Renato de Gras fl-10 ta’ Mejju, 1722, huwa sab 8 kanuni ta’ 10 libbri l-wieħed, fl-1761 hija kellha 8 kanuni ta’ 6 libbri, fl-1770, il-batterija kien għad kellha l-istess numru u pis ta’ kanuni bil-porvli jinżamm fit-Torri San Luċjan. Fl-aħħar snin tal-ħakma ta’ l-Ordni fuq Malta; fl-1783, 1785, 1787 u 1790 u 1792, Batterija Pinto tnaqqset għal 6 kanuni tal-ħadid ta’ sitt libbri kull wieħed. Interessanti l-pjanta li wieħed għad jista’ jara fil- Bibljoteka (il-Belt Valletta) ta’ din il-fortifikazzjoni li ġġib id-data tas-26 ta’ Settembru 1752 meta l-batterija kienet għadha tiddefendi l-inħawi bi tmiem kanuni tal-ħadid.

Fl-10 ta’ Ġunju, 1798, Napuljun deher fuq ix-xefaq tal-Gżejjer Maltin bl-intenzjoni li jaħtaf il-Gżira minn taħt idejn il-Kavallieri mmexxija mill-Gran Mastru Hompesch. Meta ġie biex jinżel fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, il-Ġeneral Desaix sab oppożizzjoni minn tliet batterji u bl-għajnuna ta’ xi ġakbini niżel f’Wied ix-Xoqqa.

Din il-batterija ngħatat għall-99 sena u nofs lill-Markiż Felicissimo Apap fil-kuntratt li sar nhar is-26 ta’ Awissu, 1872.  Batterija Pinto kienet stmata li tqum ‘il fuq minn 1,109 skud.

Fis-sena 1743, saritilha gardjola.

 

 

C.    Ridott San Ġorġ

Fuq dan ir-ridott ftit li xejn għandna tagħrif. Inbena bħall-fortifikazzjonijiet li diġa’ semmejna iżjed ‘il fuq fl-1715 fi żmien il-Gran Mastru Ramon Y Perellos de Roccaful u kien stmat li jqum 394 skud, 4 karlini u 6 grani. Huwa kien maħsub li jkollu 4 kanuni.

Qabel ma nbena dan ir-Ridott, il-Kappella ta’ San Ġorġ eżistenti sa minn qabel il-Vista Appostolika ta’ Mons. Pietro Duzzina fl-1575 kellha quddiema ċimiterju magħluq b’ħajt li wieħed kien jinżel għalih b’4 tarġiet. Biex wieħed seta’ jidħol fil-Kappella, huwa kien jeħtieġlu jgħaddi minn fuq pont ta’ l-injam li fis-sena 1743 ntalab li jsir tal-ġebel.  Nhar it-23 ta’ Novembru, 1995, ir-Ridott ta’ San Ġorġ ġie skedat u ddikjarat bħala Grad 1 skond it-termini tal-Policy UCO 7 tal-Pjan ta’ Struttura. Xi żmien qabel huwa kien ġie restawrat mill-istudenti ta’ l-Iskola tal-Bini u Restawr Girolamo Cassar tal-Furjana.

 

D.    Batterija Ferretti

Sa ftit ta’ żmien ilu, din il-batterija kienet tista’ tgħid unika.  L-ilma baħar kien għadu jidħol fil-foss li jiċċirkondaha.

Għat-tlugħ ta’ din il-batterija, għamel tajjeb il-but tal-Prijur ta’ l-Ingilterra, u gvernatur tax-xwieni Pontifiċi, Fra Francesco Maria Ferretti li offra elf skud f’dik il-laqgħa tal-Kunsill ta’ l-Ordni tas-6 ta’ Gunju, 1715.  Wieħed ghad jista’ jara l-isem ta’ dan id-donatur mnaqqax fuq il-bieb prinċipali tal-fortizza.

Mibnija bħal ta’ qabilha fis-snin 1715-1716, Batterija Ferretti, (tinsab ukoll bħala Batterija Kaienza u anke Batterija San Ġorġ) kienet pproġettata li jkollha 10 kanuni. Fis-sena 1770 fil-Batterija Qajjenza kien hemm 8 kanuni Franċiżi tal-ħadid ta’ sitt libbri l-wieħed, 560 bomba tal-ħadid ta’ 6 libbri Franċiżi, 120 xkora mitralja (grapeshot) bil-porvli jkun miżmum fit-Torri San Luċjan. Bejn is-sena 1783 u 1790, Batterija San Ġorġ kienet spiċċat b’erba’ kanuni tal-ħadid ta’ sitt libbri. Fil-“Congregazione di Guerra” tal-5 ta’ Novembru, 1792, ġie deċiż li n-numru tal-kanuni fil-Batterija għandu jkun ta’ 6 kanuni ta’ sitt libbri l-wieħed, fil-waqt li ġie deċiż ukoll li jintbagħtu sitt kanunieri flimkien ma’ 18-il persuna għall-kanuni. Fit-13 ta’ l-istess xahar il-“Congregazione” iddeċidiet li tibgħat kanunier ieħor.

Wara li kienet ilha f ‘idejn il-Gvern Ċivili sa mis-sena 1862, Ferretti Battery ingħatat b’ċens nhar l-1 ta’ Mejju, 1872 għal 99 sena lill-Maġġur Giuseppe Cavazza għas-somma ta’ nofs lira fis-sena.  Fis-sena 1868 kienet saret talba simili, iżda kienet ġiet rifjutata.

Illum Ferretti Battery fil-Qajjenza, hija ddikjarata bħala waħda ta’ Grad 1. Fit-tlugħ tagħha hija kienet stmata li tqum iktar minn 917 skud.

 

E.    Swar f’Bengħisa

Is-swar li nbew mill-Ordni fil-ponta ta’ Bengħisa (bejn Wied ix-Xoqqa u Batterija Bengħisa jew Balbani) fis-sena 1723, illum m’għadhomx jeżistu minħabba x-xogħlijiet fil-Port Ħieles.  Għalkemm għoxrin sena wara, insibu li dan il-proġett kienu spiċċawh jidher li dan fil-fatt qatt ma tkompla għaliex fil-mappa li tinsab fil-Bibjoteka Nazzjonali, Valletta (Nru. 197 – B. 1), li ġġib id-data tat-23 ta’ Frar, 1761, hemm nota sabiex dan is-sur ikompluh.

Is-sur kien mibni f’forma ta’ redan u kien jikkonsisti minn din l-ispeċi ta’ xewka bejn żewġ ħitan twal u dritti. Huwa kellu 7 kanuni.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: