Skip to content

Birżebbuġa fil-poeżija: Luigi Rosato u l-Poeżija tiegħu ‘Birżebbuġa’.

 

Birżebbuġa fil-poeżija:  Luigi Rosato u l-Poeżija tiegħu ‘Birżebbuġa’.
kitba ta’ Christopher Bonnici M.A
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 2002.

 

stampa

caption

 

Luigi Rosato, u “Birżebbuġa”

Żgur li Birżebbuġa minn dejjem kienet tiġbed l-ammirazzjoni ta’ kulħadd.  Saħansitra kienet għadha ma nqatetx parrokkjali fl-1913, meta kien hemm xi kitbiet dwarha! Mhux ta’ b’ xejn li fl-istudji tiegħi, waqt dawra mal-ktieb “Il-Poezija Maltija”, f paġna ħdax, lanqas ridt nemmen, meta sibt poeżija msemmija appuntu “Birżebbuġa” ta’ Luigi Rosato.

 

Min kien Luigi Rosato?

Kien mill-Birgu. Twieled fl-1795 u miet fl-1872. Għalkemm hu magħruf bħala poeta, iktar hu magħruf bħala drammaturgu (kittieb tal-palk). Fil-fatt, għandu importanza kbira f’dan il-qasam, meta r-rappreżentazzjonijiet, kienu jsiru kollha bit-Taljan, li kien meqjus “La Nostra Lingua” jew bl-Ingliż, li kien meqjus bħala l-Lingwa tal-Ħakkiema.  Iżda, Rosato, kien l-ewwel wieħed li ma sabx lingwa aħjar mill-Malti biex jesprimi xogħolu.  Fil-fatt, fl-1847, kiteb id-dramm poetiku “Katarina”. Dan hu dramm poetiku, b’xejriet reliġjuzi u nazzjonali. Luigi kien attiv ħafna.  Fil-fatt, insibu li kien midħla ta’ l-opra, kien parti minn kor, anzi l-Prim Korist, kien direttur tat-teatrin il-Belt.  Fil-poeżiji tiegħu, insibu xejriet reliġjuzi bħal “Il-Konverzjoni tal-Maltin” li titratta n-Nawfraġju ta’ San Pawl, komposta minnu fl-1871, u poeżiji ta’ xejriet soċjali, bħal din li qegħdin nitrattaw.

 

Il-Poezija ‘Birżebbuġa’:

Min irid ifarraġ qalbu
Tlugħ ix-xemx u f’lejl sabiħ,
Jiġi għandi jsaqsi lili,
Jien parir malajr nagħtih.

Fost l-imrasi tagħha l-gżira
Bihom tisboq ix-xtut kollha;
Fiha ssib li tixtieq qalbek,
Jien tlift għaqli malli rajtha.

Miż-żewġ ponot tal-port tagħha
Truf Bengħajsa u Delimara,
Wied il-Buni u Kalafrana
Issib dejjem fihom x’tara.

Dik ir-ramla, dik l-indafa
Bihom tisboq ix-xtut kollha;
Kull fejn tħares thenni qalbek,
Lejha riesqa n-nies bil-folla.

Bħala ġawhra ġewwa ħatem
Fuqha l-kwiekeb jarmu d-dija.
Jekk tinsab art isbaħ minnha,
Iddew għidu; liema hija?

Koll min raha mar u tenna.
Koll min tenna baqa’ magħha;
Birżebbuġa koll mard tfejjaq:
Birżebbuġa tagħti s-saħħa.

Taħt il-mili tiegħu il-qamar
In-nies tilmaħ qtajja’, qtajja’,
Mixħutin fir-ramla tagħha,
Għax ir-ramla tagħti l-ħajja.

In-nies kollha hemm tarahom
Għaqda waħda lkoll flimkien;
Kemm bin-nhar, hekk kif fl-ijieli
Ma jarawhx igħaddi ż-żmien.

Bil-kitarra ġewwa jdejhom
Ix-xbejbiet ifarrġu l-qlub;
Il-għożżieb idoqqu u jgħannu
Għana xieraq u maħsub.

Hadd ma hemm xellugi fosthom.
Hadd ma jgħid dan mhux pjaċir.
Kulħadd jisma’ u jiddeverti.
Iż-żmien twil tarah qasir.

Raġun kelli nfaħħarielkom
L-art li ħtartu għall-mistrieħ,
Għax fis-sajf, sa wkoll fix-xtiewi,
Tneħħi d-dwejjaq minnufih.

Mela ħudu dil-kuruna
Li għalikom ġiet minsuġa;
Hekk smajt l-eku darba jidwi
Mal-ħitan ta’ Birżebbuġa.

Il-Poeżija hi romantika għall-aħħar. Dan minħabba li r-Romantiċiżmu fittex li juri t-tajjeb tas-suġġett (minħabba diversi fatturi nazzjonali u internazzjonali li mhux ser noqogħdu nidħlu fihom din is-sena), u Birżebbuġa hi mfaħħra ħafna, fost l-oħrajn tissemma “l-isbaħ xtajta”, “indafa”, deskritta bħala “ġawhra ġewwa ħatem”, u “tneħħi d-dwejjaq”.  Nammiraw l-element tal-Malti Semitiku antik, bħal kliem “koll, li kienet għadha ma saritx “kull”, “xbejbiet” u “għożżieb”, illum nippreferu ngħidu “tfajliet” u “ġuvintur”, “ħatem” (ċurkett), eċċ. Ma nistgħux ma nirreferux għall-enfasi fuq “Birżebbuġa”. Fil-fatt, dan l-isem, jittenna għal erba’ darbiet. Hekk, il-qarrej żgur li jifhem, dan it-tifħir kollu għal min hu!

Il-poeżija tista’ titqies bħala popolari (Latin: popolus = poplu). Poeżija popolari minħabba li hi miktuba bl-ottonarju (il-vers tat-tmienja). Dan hu vers ta’ l-Għana Malti, u joqgħod eżatt għall-prosodija tal-widna, kif ukoll meta nitkellmu normali, għalkemm ma tantx nagħtu każ, ġeneralment, naslu sa seba’ jew tmien sillabi, qabel ma’ nieħdu nifs. Dan ifisser li f’vers ikollok tmien sillabi, li dik ta’ qabel ta’ l-aħħar tkun aċċentata, jiġifieri tinstema’ daqsxejn qawwija ħdejn l-oħrajn. Bħalha, hemm it-tielet waħda. Dan jagħti ċerta mużikalità (fil-fatt tista’ titkanta), u pjaċir lil qarrej, biex filwaqt li jaqraha u jieħu gost (Prinċipju Orazjan), ikun aktar faċli għalih li jiftakarha. Fattur ieħor li jagħmilha popolari hu t-tħaddim tar-rima (versi li jaqblu) bl-aktar mod tradizzjonali, jiġifleri t-tieni u r-raba’ vers ikunu jirrimaw (jaqblu: a,b,ċ,b). Kull strofa wkoll hi popolari, minħabba li hi kwartina (erba’ versi), kif imdorrijin anke fit-taqbil tagħna. Eżempji ta’ Poeżija Popolari huma Kurunella, u Taħnin, li fl-imgħoddi kienu jgħannu lit-trabi. Jekk naraw il-lingwaġġ tal-poeżija, hu ħafif u mexxej. Dan fattur ieħor li jagħmilha popolari, minħabba li m’hemmx għalfejn li l-qarrej ikun mgħallem sewwa biex jifhem xi jrid jgħid l-awtur.

 

Għadha relevanti għal-lum?

Din il-poeżija ma nkitbitx il-bieraħ. Inkitbet fis-Seklu IX. Dak iż-żmien, Birżebbuġa kienet għadha lanqas Parroċċa.  Kienet għadha villaġġ ċkejken, għall-villeġġjatura u għas-sajd. Illum, Birżebbuġa m’ għadhiex l-istess. Birżebbuġa qegħdha dejjem tespandi.  Ma rridx noqgħod nikkritika lil ħadd u xejn. Għax kollox u kullimkien jitbiddel biż-żmien. Pero’, ma naħsibx li kieku kellu jiġi lura Luigi Rosato fis-sena 2002 jgħid l-istess.  Dan mhux ta’ sodisfazzjon għal uliedha! Jekk aħna nħobbu lil Ommna Birżebbuġa, għandna nkunu aħna stess li naraw li jibqa’ jseħħ dak li hemm imsemmi f’din il-poema.  Mingħajr ma nippuntaw subgħajna lejn ħadd, għax kulħadd jaf min hu responsabbli għaliex il-vers “Għaqda waħda lkoll flimkien” hu vera rrelevanti, min jaf, nistgħu inkunu aħna stess li llum qabel għada, jekk ma jirnexxilniex, għallinqas nippruvaw naħdmu biex Birżebbuġa wara dak kollu li s’issa tlifna jekk ma nġibuhx lura, ma niddeterjorawx. Dan hu l-awgurju tiegħi għal din il-Festa Titulari, biex ir-raba’ strofa ma nħallux min ikompli jmur kontriha, b’invenzjonijiet ġodda fl-arterji t’artna.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: