Skip to content

Il-Pjazza tar-raħal ta’ Birżebbuġa.

 

Il-Pjazza tar-raħal ta’ Birżebbuġa.
kitba ta’ Arthur Grima f’isem l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa.
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 2001.

 

stampa

caption

 

F’kull belt jew raħal fil-Gżejjer Maltin, wieħed jiltaqa’ maċ-ċentru tar-raħal. F’dan iċ-ċentru normalment niltaqgħu ma’ xi pjazza mdaqqsa li fiha, minbarra bini residenzjali, insibu xi ħwienet u fuq kollox ikun hemm tiddomina l-knisja parrokkjali. Fil-pjazza tar-raħal ta’ Birżebbuġa li dwarha se nikteb xi ħaġa, wieħed isib dawn il-karatteristiċi li semmejt – djar residenzjali, ħwienet u l-knisja. Ftit tiltaqa’ ma’ pjazez f’pajjiżna li d-daqs tagħhom jisboq lil dik tar-raħal tagħna. Dan forsi gej mill-fatt li l-bini tal-knisja parrokkjali (it-tieni waħda) mhuwiex daqshekk antik, tant li din bdiet tinbena fis-sena 1926.  B’hekk il-pjan ta’din il-pjazza seta’ jsir iżjed bi ħsieb għaż-żminijiet tal-lum.

Sal-bidu tas-seklu 20, il-bini f’Birżebbuġa kien l-aktar konċentrat lejn il-baħar, iżjed milli ‘l fuq lejn ir-raba’. Madankollu, bir-raba’ wieħed seta’ jilmaħ xi rziezet mxerrda ‘l hawn u ‘l hinn f’dik il-medda ta’ raba’ li kien jinħadem mill-istess bdiewa li kienu fost l-ewwel abitanti ta’ dawn l-inħawi. Sa mill-bidu nett Birżebbuġa kien meqjus bħala post ta’ vileġġatura, tant li ħafna mid-djar ta’ fejn il-baħar kienu tal-villeġġanti.

Kien ftit wara il-bidu tas-seklu 20 (1913) li Birżebbuġa saret parroċċa. Bħala knisja parrokkjali kien hemm daqsxejn ta’ kappella ddedikata lid-Duluri. Din ukoll kienet viċin tal-baħar. Bil-popolazzjoni żgħira li kellu r-raħal, din il-kappella kienet tajba fid-daqs tagħha, biss meta r-residenti żdiedu, beda jinħass il-bżonn ta’ knisja parrokkjali akbar li taqdi l-bżonnijiet tal-poplu ta’ Birżebbuġa aħjar. Birżehbuġa kull ma jmur bdiet tikber u bdew jinbnew iż-żoni ta’ Kalafrana u Ħal Far. Hawnhekk ħaġa f’lokha nsemmi lil Dun Spir Penza li kien il-moħħ biex Birżebbuġa saret Parroċċa. Dun Spir kien ukoll villeġġant.

Bħala l-ewwel kappillan tal-parroċċa nħatar il-Kanonku Dun Karm Bugelli li dam sas-sena 1921. Warajh laħaq bħala Kurat, Dun Ġużepp Delia, li dam sas-sena 1923. Fl-istess sena sar kappillan, Dun Anġ li mill-ewwel intebaħ bil-bżonn ta’ knisja akbar, tant li ħabrek kemm felaħ sabiex jinstab lok għall-bini ta’ knisja akbar. Sab biċċa art bejn ix-xatt u n-naħa tal-Brolli li kienet proprjeta’ tal-kappella ta’ Sant’Anġlu li kien hemm Ħal Far. L-inħawi, magħrufa bħala tal-Pajtier, kienu għelieqi li jibqgħu telgħin lejn Ħal Far.

Issa, f’għalqa f’dawn l-inħawi kien hemm razzett magħruf ukoll bħala “Tal-Pajtier”. Kien proprju hawn li nhar il-Ħadd 14 ta’ Marzu 1926, il-Kappillan Dun Anġ Fenech flimkien ma’ xi nies oħra, qabeż il-ħajt tas-sejjieħ ta’ l-għalqa u qiegħed salib ta’ l-injam biex jindika l-post fejn kienet ser tinbena din il-knisja. L-ewwel ġebla ta’ din il-knisja tqiegħdet nhar id-29 ta’ Awissu 1926, wara li tbierket mill-Isqof Dom Mawru Caruana.  Dakinhar kien hemm preżenti folla mdaqqsa li kellhom ħerqa kbira biex xi darba jaraw il-ħolma ta’ dakinhar issir realta’. B’din iċ-ċerimonja nistgħu ngħidu li din il-pjazza rat il-magħmudija tagħha. Tajjeb ngħidu li kien ġa jeżisti xi bini f’dawn l-inħawi, bħalma hu dak li hemm eżatt quddiem il-knisja. Dan il-bini kien fi sqaq li mix-xatt kien jibqa’ tiela’ lejn il-Brolli u jinżel lejn San Ġorġ. Kien hemm ukoll bini ieħor bħalma hu dak li hemm hekk kif tħares lejn ix-xellug minn quddiem il-Knisja. Minn ma’ ġenb dan il-bini kont tista’ tibqa sejjer lejn Ħal Far jew iż-Żurrieq. Mill-bqija, kull ma kont tara’ kien raba’ u xi żewġt irziezet ‘l hawn u ‘l hemm. Wara dik l-introduzzjoni pjuttost twila, nigi issa biex flimkien induru dawra mal-pjazza u naraw kif kienet snin ilu. B’hekk wieħed ikun jista’ jara kif din il-pjazza nbidlet maż-żminijiet. Mal-bini tal-knisja, beda tiela’ bini ieħor biswit il-knisja u b’hekk inħolqu toroq ġodda li kollha tista’ tgħid li jagħtu għal ġol-pjazza.

 

Mixja fil-Pjazza minn tarf għall-tarf ieħor.

Nibdew issa l-mixja tagħna, u ninżlu max-xellug hekk kif tħares lejn il-faċċata tal-knisja. Triq il-Kurat Fenech tifred il-bini tal-knisja mill-bini eżistenti. Dan il-bini mhux kollu antik, għajr dawk id-djar li hemm quddiem id-dar tal-kappillan. Fil-fatt waħda minn dawn id-djar kienet isservi ta’ kunvent tas-Sorijiet tal-Karità fis-snin tletin. Dar oħra kienet ta’ Salvu s-Sagristan.  Dan Salvu kien raġel xwejjaħ li kien baqa’ jieħu ħsieb sa l-aħħar tas-snin sittin. Nibqgħu neżlin lejn il-pjazza u hemm niltaqgħu ma’ l-ewwel fost il-ħwienet. Dan huwa ħanut tal-kotba bl-isem ta’ “Monarch Stationery”. Dan il-ħanut minn dejjem kien jitmexxa mill-familja Salerno. Għal xi żmien dan il-ħanut kien is-Sub Post Office, li kien l-ewwel post minn fejn il-Posta kienet toffri s-servizzi tagħha f’Birżebbuġa. Biswit “Monarch Stationery” kien hemm ħanut ta’ ħajjat bl-isem ta’ “Freddy’s Tailor”. Il-ħajjat f’dan il-ħanut kien is-Sur Alfred Roberts. Bieb ma’ bieb mal-ħajjat hemm il-“Blue Star Stationery”.

Fiż-żmien dan il-ħanut kien immexxi minn ċertu Charlie Lofaro. Iżjed ‘l isfel hemm ħanut tal-ħaxix “Joe’s Greengrocer”, iżjed magħruf bħala “Tal-Maċawċ”. Dan huwa laqam tal-proprjetarju li hemm illum. Ma’ ġenb dan il-ħanut, sa nofs is-snin sebgħin, kien hemm ħanut tas-sajd bl-isem “Fishing & Hunting Store”. Min jaf, ta’ tfal li konna, kemm xtrajna xlief u snanar, u arana sejrin lejn ix-xatt il-baħar nistadu għall-mulett! Illum flok dan il-ħanut qiegħed iservi bħala uffiċċju ta’ Avukat. Ma’ ġenb dan l-uffiċċju nsibu ħanut ta’ barbier, jew jekk tridu, parrukkier. Dan il-ħanut jismu “Brincat’s Saloon”. Għalkemm il-ħanut illum huwa magħluq, wieħed għadu jista’ jara t-tabella mdendla mal-bieb.  Eżatt fil-kantuniera ma’ din il-blokka bini, hemm il-Garaxx magħruf bħala “St. Peter’s”, li ismu proprja kien “St. Peter’s Garage.- Cars for Hire Self Drive”. Dawn il-kliem wieħed għadu jista jaqrahom mat-tabella mdendla mal-bieb. Interessanti l-fatt li ma’ kull dar jew ħanut f’din il-parti tal-pjazza hemm il-parapetti.

Naqsmu issa Triq Sant’Andrija u fil-kantuniera ma’ Triq Żurrieq hemm ħanut tal-ħelu “Sugar & Spice”. Qabel dan kien ħanut tal-merċa. Naqsmu t-triq u nsibu “Cardiff Butcher”, ħanut tal-laħam fiż-żmien kien hemm fih ċertu Spiru minn Marsaxlokk.  Niltaqgħu wara ma’ l-ewwel djar li kien hemm fil-pjazza. F’tarf il-kantuniera kien hemm ħanut tat-te’ li kien magħruf bħala ta’ Ġanna n-Naqqa. Min jaf kemm inxtorob inbid u tejiet u saru diskursati f’dan il-ħanut!

Naqsmu Triq Birżebbuġa, li jekk tinżel minnha ssib ruħek ix-xatt, u niġu kantuniera ma’ Triq Santa Katerina. Sas-snin ħamsin, din it-triq kienet għadha magħluqa. Biex tmur lejn l-iskola, kont trid tiftaħ bieba li kien hemm fil-bidu tas-sqaq. Issa nibdew resqin lejn il-faċċata tal-knisja. L-ewwel dar x’aktarx hija l-unika waħda li fadal minn sensiela ta’ djar li kien hemm meta flok triq kienet sqaq. Din hi d-Dar tal-Kaptan, u kienet tissejjeħ hekk għall-fatt li fiż-żmien fiha kien joqgħod ċertu kaptan li kien stazzjonat Ħal Far jew Kalafrana. Biswit kien hemm id-dar ta’ Kola Balzan, magħruf aħjar bħala tas-“Sinċier”.  Dan Kola kellu remissa li kienet tmiss mad-dar u fiha kien hemm il-ħanut bl-isem “Balzan Bazaar”. Dan kien bin-negozju ta’ saqqijiet, siġġijiet u kull ħaġa li għandha x’taqsam mad-dar. Ta’ min isemmi li, mal-faċċata tal-ħanut, Kola kien idendel gaġġa kbira bil-pappagall fiha. Ta’ tfal li konna, kull darba li ngħaddu minn hemm konna noqogħdu ngħajtulu biex nisimgħu jgħid “Kola trid kafe’?”  Proprju flok id-dar u l-ħanut ta’ Kola Balzan, illum inbnew xi djar u blokk flats ġodda. Taħt dawn il-flats insiebu ħanut ġdid tax-xorb bl-isem ta’ C.D.K., filwaqt li ma ġenbu hemm ieħor li għadu ma fetaħx.

Niġu issa proprju quddiem il-Knisja Parrokkjali. Niltaqgħu ma’ blokka bini l-ġmiel tagħha. Dan huwa l-Każin tal-Banda bl-isem tal-“Palazz San Pietru” u jintuża’ mill-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa. A.D. 1957. Fil-bidu, din kienet dar kbira tal-familja Randon. Din il-familja kienet waħda mill-benefatturi għall-parroċċa ta’ Birżebbuġa, tant li kienu jisilfu l-bitħa tad-dar lill-Kappillan Dun Anġ Fenech biex fiha jorganizza l-fieri biex mill-qliegħ jitkompla l-bini tal-knisja. Meta fl-1940, faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, din id-dar serviet bħala “Victory Kitchen”, fejn kien jissajjar l-ikel għall-poplu ta’ Birżebbuġa f’dawk iż-żminijiet koroh. Għal xi żmien f’din id-dar kien hemm bħal ħanut soċjali fejn kien isir xi logħob bħal biljard, darts u oħrajn. Ta’ interess huwa li f’dawk iż-żmienijiet kien jeżisti team tal-futbol li kien iġib l-isem ta’ “Birzebbuga Gunners”.  Dan il-ħanut kien jitmexxa minn ċertu Ġorġ Schembri ta’ “Farfar”. Iżjed tard, din id-dar saret ħanut tax-xorb li kien jitmexxa minn wieħed Ingliż.  Dan il-ħanut bixra ta’ “night club” li kien jismu “The Red Lion”. Min jaf kemm suldati u baħrin tas-servizzi xorbu birra minn hemm ġew! Wara, dan il-ħanut sar jismu “Ye Olde Beams”, isem li forsi kien ispirat mis-soqfa antiki b’dawk it-travi ħoxnin ta’ l-injam.

Maġenb il-bini tal-każin kien hemm spiżerija żgħira bl-isem ta’ “Maltese Cross Pharmacy” li baqgħet tiffunzjona sas-snin sittin.  Ma’ ġenbha kien hemm “Frank’s Store”, li kien tal-merċa. Dan kien meqjus modern, għaliex kien iġib ċertu prodotti li kienu ġodda għas-suq Malti f’dak iż-żmien. Illum hawn insibu ħanut li jbiegħ spirti u xorb ieħor, bl-isem ta’ “Patrick Cellars”. L-aħħar dar residenzjali li hemm ma’ din il-faċċata hija tal-familja Frankalanza. Hawn kien joqgħod ċertu Ċikku Frankalanza li kien sagristan kemm fl-ewwel Knisja Parrokkjali – dik tad-Duluri, kif ukoll għal xi żmien, fil-knisja l-ġdida, meta din bdiet tiffunzjona.  Naqsmu, u nsibu Triq Żaren Dalli. Qabel ma’ nfetħet din it-triq fil-bidu tas-snin sebgħin, dawn l-inħawi kienu magħrufa bħala x-“xagħra ta’ Carabott”. Dawn kienu għelieqi li jibqgħu neżlin sa’ San Ġorġ. Qalb xi sigar tal-ħarrub li kien hemm, kont issib ħaddied. Qabel ma’ nerġgħu naqsmu triq oħra li tiġi parallela ma’ Triq Żaren Dalli, naraw dar kbira li għandha għamla ta’ villa.  Din inbniet ftit qabel ma nfetħet Triq Żaren Dalli u fiha kien joqgħod l-ispiżjar Peppin Tabone, iżjed magħruf bħala s-Sur Peppin.  Naqsmu Triq Birżebbuġa, li minnha tibqa nieżel lejn San Ġorġ u hemm blokka bini oħra. Xi wħud huma djar abitati, waqt li f’waħda minnhom nsibu l-uffidju tan-sanità. Għal xi żmien qasir, kien hemm ukoll l-għassa tal-pulizija. Dan sakemm dik li hemm ix-xatt setgħet titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid. Biswit dan il-bini hemm uffiċċju ta’ prokuratur legali. L-aħħar dar li nsibu ma’ dan l-uffiċċju hemm każin tal-fergħa tan-nisa ta’ partit politiku.

Naqsmu issa Triq il-Brolli. Mill-isem tat-triq wieħed jinduna’ li din it-triq twassal lejn l-inħawi tal-Brolli. Baqa’ nagħtu ħarsa lejn l-aħħar blokka bini li nsibu fil-pjazza tal-knisja ta’ Birżebbuġa. L-ewwel insibu xi żewġt idjar residenzjali u mbagħad block fletts li huma fost l-aħħar bini li ttella’ fil-pjazza. Taħt dawn il-fletts qabel kien hemm ” Showroom’ kbira tal-karozzi li kienet ta’ ċertu Tony Caruana “in-Nakkru”. lllum dan inbidel f’ħanut tal-kotba “Rainbow Stationery”. Biswit hemm ħanut iżgħar jismu “Paul’s Footwear” u l-kelma “Repairs”. Dan ifisser li barra li huwa ħanut taż-żraben, fih hemm ukoll l-iskarpan.  Min jaf kemm issewwew żraben f’dan il-ħanut tul il-medda tas-snin! Iżjed ‘il fuq insibu l-aħħar hanut li jbiegħ il-ħelu u msemmi “Kina Confectionery”. Għal xi snin kien armat biż-żraben u kien jismu “Shoe Box”. Qabel fiż-żmien, fl-istess post, kien hemm aġenzija tal-ħasil tal-ħwejjeġ – bħala “laundry”.

L-aħħar triq li tagħti ġol-pjazza hija Triq is-Sajjied. Dan l-isem jidħol sew fl-istorja ta’ dan ir-raħal. L-ewwelnett jindika s-sengħa li kellu San Pietru, waqt li t-tieni, din it-triq tmiss eżatt mal-Knisja Parrokkjali ddedikata lil dan il-qaddis.

Fl-aħħar, biex nagħlaq dwar il-pjazza, irrid insemmi x-xelterijiet li kien hemm fuq iz-zuntier. Dawn inkixfu meta kien qiegħed isir it-taraġ taz-zuntier. Ħasra li ma tnaddfux u mhux intradmu darba għal dejjem. Dawn ukoll jistgħu jitqiesu bħala postijiet residenzjali, għax fihom min jaf kemm niżlu nies biex jistkennu mill-qilla tal-bombi fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Hekk naħseb li dorna dawra fuq fuq mal-pjazza ewlenija ta’ Birżebbuġa, il-post li min jaf kemm-il darba għaddejna minnu u forsi qatt ma tajna każ ta’ dak li kien hemm jew dak li baqa’ minnu llum. Min jaf forsi, sa mitt sena oħra, nerġgħux niltaqgħu u naraw x’ikun inbidel. Nistennew u naraw!

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: