Skip to content

22 ta’ Frar: Festa tal-Katedra ta’ San Pietru u l-Ġubilew

 

Stampa:  Saint Peter Enthroned Between Saint Paul and the Faithful by Jacopo di Cione

 

’22 ta’ Frar: Festa tal-Katedra ta’ San Pietru u l-Ġubilew’
Awtur mhux indikat
.

Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 2000.

 
Introduzzjoni
 
Il-Festa tal-Katedra ta’ San Pietru tfakkarna li l-Appostlu San Pietru beda jifforma l-komunità kristjana fil-belt ta’ Ruma – belt li dak iż-żminijiet kienet iċ-ċentru taċ-ċivilizzazzjoni.  Wara li l-Appostlu segwa mill-qrib il-mewt ta’ l-lmgħallem tiegħu, Sidna Ġesu Kristu, huwa ħadem ħafna sabiex ixerred il-Vanġelu, l-ewwel f’Ġerusalem u f’Antijokja, żewġt ibliet tal-Lvant u wara ġewwa Ruma.  Qatt aktar wara ma ċaħad lil Kristu; qatt aktar wara ma poġġa l-interessi tiegħu qabel dawk tal-Knisja tiegħu.  Huwa ħa l-martirju f’Ruma għall-fidi tiegħu u wara dejjem kien hemm Isqof ta’ Ruma – u dan huwa l-Papa li f’isem Kristu, jmexxi l-Knisja Rumana kollha, bħal ma kien San Pietru.  Il-Kattedra, jew siġġu, huwa s-simbolu ta’ l-awtorità li Kristu stess ta lil Pietru, meta qallu “U fuq din il-blata jiena nibni il-Knisja tiegħi”..
 
Mill-Istorja
 
Sa mill-eqdem żminijiet, il-Knisja ta’ Ruma kienet tiċċelebra t-18 ta’ Jannar bħala tifkira ta’ meta l-Appostlu San Pietru kellu l-ewwel servizz għall-fidili fil-belt eterna.  Skond Duchesne u de Rossi, il-Martyrologium Hieronymianum jaqra hekk “XV KL.FEBO.  Dedicatto cathede sci petri apostoli qua primo Rome petrus apostolus sedit“, li tfisser: ħmistax il-ġurnata qabel l-ewwel ta’ Frar huwa ddedikat għall-festa tal-Kattedra ta’ l-Appostlu San Pietru, b’tifkira ta’ meta San Pietru qagħad għall-ewwel darba f’Ruma.  Fil-forma preżenti l-Martyrologium Hieronymianum jagħti it-tieni verżjoni tal-festa għat-22 ta’ Frar.  Iżda l-manuskritti jirreferuha għal Antijokja u mhux Ruma.  L-aktar data antika hija dik tat-22 ta’ Frar li tmur lura sas-sena 311 A.D.  Għalhekk il-Knisja kienet tiċċelebra ż-żewġ festi ad unur tal-Kattedra ta’ San Pietru.  Dawn iż-żewġ festi kienu jsiru f’żewġ postijiet differenti, waħda fil-Vatikan fit-22 ta’ Frar u l-oħra f’ċimiterju ġo Via Salaria fit-18 ta’ Jannar.  Fiż-żewġ postijiet, ‘siġġu’ li kien uża San Pietru waqt il-laqgħat ma’ l-insara kien ikun venerat.
 
Is-Siġġu
 
Ruma f’diversi okkażjonijiet kienet ikkonkwistata u mħarbta mit-tribujiet ġermaniżi li nvadew territorji Rumani.  F’dawn il-konkwisti xejn ma kien jibqa’, u hawn tiġi l-mistoqsija, X’sar minnu s-siġġu li kien ikun venerat fil-Vatikan fir-raba seklu?  Minn tradizzjoni antika dan ġie protett u moħbi minn diversi persuni distinti matul iż-żminijiet.  Sabiex jippreserva għall-posterità din ir-relikwa prezzjuża, madwar is-sena 1660 Alessandru VII (1655-67), fuq disinn ta’ Bernini, għalaq il-Cathedra Petri fuq l-altar ta’ San Pietru fil-Vatikan fil-bronż li kien miżmum mill-erbà dutturi tal-Knisja: (San Ambroġju, Santu Wistin, San Atanasju u San Krisostomu).  Hemmhekk għall-mitejn sena sħaħ, kien moħbi mill-pubbliku.  Iżda fl-1867, fl-okkażjoni tat-tmintax-il ċentinarju mill-martirju taż-żewġ Appostli, ġie espost għall-venerazzjoni tal-fidili, fejn għadu sal-ġurnata tal-lum.  Is-siġġu huwa madwar 56cm għoli mill-art. u 91cm wisa; il-ġnub huma 62cm fondi u l-għoli sal-panew huwa 93cm; filwaqt li l-għoli kollu tiegħu huwa 140cm.  Skond studju li sar minn Padre Garucci u Giovanni Battista de Rossi, l-aktar parti antika tas-siġġu hija tal-ballut.  Parti kbira mis-siġġu huwa mmermer u kien imsewwi matul iż-żminijiet.  Fuq kull ġenb tas-siġġu hemm erba ċrieki tal-ħadid li x’aktarx kienu jintużaw biex iġorru xi persuna.  Fuq quddiem il-panew tas-siġġu huwa mqassam fi tmintax-il panew ornamentali ta’ l-ivorju.  Id-dar tas-siġġu huwa mqassam bi tlett kolonni żgħar, li fuqhom jispiċċa f’timpanum ornamentali li huwa miksi bl-avorju. 
 
Il-Ġubilew
 
Il-Ġubilew huwa mument fl-istorja tal-bniedem, sena sħiħa ta’ ferħ u rikonċiljazzjoni, fejn matul dan iż-żmien il-Knisja tiftakar fil-bidu tagħha u tfakkar lill-insara x-xogħol tagħha matul dawn l-aħħar elfejn sena.  Fl-istorja tal-Knisja nsibu Ġubilew Ordinarju u Ġubilew Straordinarju.  Fil-fatt kien fit-22 ta’ Frar 1300, festa tal-Kattedra ta’ San Pietru, li l-Papa Bonifaċio VIII ħabbar l-ewwel Ġubilew Ordinarju.  Saru ħamsa u għoxrin Gubilej Ordinarji u 95 Straordinarji.  Dak ta’ din is-sena (2000) huwa s-sitta u għoxrin wieħed.  Il-Ġubilew Ordinarju għall-ewwel kien stabbilit li jsir kull mitt sena, iżda matul iż-żminijiet dan il-perjodu tbiddel diversi drabi fejn illum qed jiġi ċċelebrat kull ħamsa u għoxrin sena.  L-aħħar wieħed Ordinarju sar fl-1975 mill-Papa Pawlu VI.  Il-Ġubilew Straordinarju huwa ismu miegħu u dan isir kull meta jkun hemm xi ċelebrazzjoni speċjali fil-Knisja.  L-ewwel wieħed Straordinarju sar mill-Papa Piu IV fis-sena 1560 bit-titlu “Spiritus Omniptentis Dei”, u l-aħħar li sar kien fl-1987 fis-sena Marjana mill-Papa Ġwanni Pawlu II.
 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: