Skip to content

Pellegrinaġġ bid-Duluri Birżebbuġa 2013

September 16, 2013


Filmati miġbuda kollha minn Josef Schembri

Ilbieraħ 15 ta’ Settembru kienet ġurnata ferm speċjali għan-nies devoti ta’ l-Ewwel Titular ta’ raħalna, Marija Addolorata.  Ta’ min jgħid li l-Madonna tad-Duluri għadha fil-qalb ta’ ħafna nies devoti.  Jibqgħu jissemmew fl-istorja fost razez oħrajn dawk Ta’ Farfar li kellhom ħafna għal qalbhom il-Madonna tad-Duluri.  Dawn minn dejjem kienu benefatturi kbar tal-parroċċa fl-ewwel snin tagħha.  Kien għalhekk li meta nbidel it-titular dawn kienu ħaduha ftit bi kbira, tant li ma tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida kienu protestaw mal-Isqof billi attendew għaċ-ċerimonja mill-bogħod, fuq għolja ħamrija li kien hemm fejn illum insibu l-kunvent tas-sorijiet.

Kif diġà għidna, ilbieraħ kienet ġurnata storika għal din il-parroċċa u għal din il-komunità li kienet ilha ma tara lil din il-vara toħroġ f’pellegrinaġġ sa mill-1988.  Dik is-sena filfatt ħarġet fil-ġurnata normali tagħha jiġifieri ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira iżda minflok mill-knisja parrokkjali ta’ San Pietru, ħarġet mill-knisja proprja tagħha dik tad-Duluri.

Stampa mehuda minn duluri.wordpress.com

M’inix ċert, imma naħseb li kienet ilha ma toħroġ fil-ġurnata tagħha jiġifieri fil-15 ta’ Settembru minn qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u qed nimmaġina allura li x’aktarx  ilu mis-sena 1939, għax nafu fiċ-ċert li meta fl-1937 inbidel it-Titular din il-purċissjoni xorta baqgħet issir għal xi snin wara.  Jekk hu hekk allura din il-vara ilha ma toħroġ fil-15 ta’ Settembru għal 74 sena sħaħ.

Il-Pellegrinaġġ tal-bieraħ kien ukoll wieħed storiku għax il-vara tad-Duluri kienet akkumpanjata għall-ewwel darba miż-żewġ baned lokali ta’ Birżebbuġa.  Iż-żewġ baned ħadu sehem flimkien b’daqq ta’ marċi reliġjużi Marjani u akkumpanjaw tul il-purċissjoni billi l-ewwel laqgħu l-istatwa fuq iz-zuntier, imbagħad niżlu Triq Birżebbuġa u għaddew minn quddiem il-każin tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990.  Minn hemmhekk il-vara għaddiet max-xatt lejn il-każin tal-Labour u telgħet it-triq tal-parroċċa l-antika fejn hemmhekk il-vara intlagħqet b’ċapċip u ngħatat it-tislima li jixirqilha quddiem il-knisja tagħha stess.  Il-qniepen tal-parroċċa l-antika bdew idoqqu filwaqt li l-kappillan Kan. Dun Anton Galea Scannura għamel diskors qasir u qara t-talba fuq in-naħa ta’ wara ta’ santa li ħarġet apposta għall-okkażjoni.  Hawnhekk sar ukoll xi talb fosthom is-Salve Regina.

Il-purċissjoni kompliet billi l-vara kisret għal Triq Santa Katerina u niżlet ‘l isfel Triq San Mikiel sakemm ġiet fi Triq Żaren Dalli minn fejn imbagħad telgħet ‘il fuq fil-pjazza.  Hemmhekk għaddiet quddiem il-każin tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen A.D. 1957, daret mac-central strip u għamlet ir-ritorn tagħha lura fil-knisja fost id-daqq tal-qniepen tal-knisja parrokkali u d-daqq tal-Ave Maria ta’ Lourdes miż-żewġ baned tar-raħal.  Wara l-pellegrinaġġ saret quddiesa kantata mill-Isqof Joseph Bonello li mexxa l-purċissjoni bir-relikwija tal-Madonna.

___________________________

Nota Editorjali:  Nixtieq ngħid li kien ta’ pjaċir għalija li naqsam dawn il-filmati magħkom.  Dejjem stajt żammejthom għalija personali imma naħseb huwa ġust li naqsam dawn it-tifkiriet magħkom għax il-festa u dawn iċ-ċelebrazzjonijiet isiru bis-saħħa ta’ ħafna dilettanti kbar.   Għalhekk la naħseb li b’dawn il-filmati nista’ nferraħ lil xi ħadd, għaliex m’għandix naqsamhom magħkom?  Ta’ min jipreċiża però li dan ma jkunx faċli għalija peress li nkun impenjat f’oqsma oħra u allura ma nkunx nista’ niddokumenta kollox bil-kumdità kollha.  Xtaqt ukoll ngħid li ħassejtni fid-dmir li niġbed dawn il-filmati għall-istorja ta’ din il-parroċċa u ta’ dan l-avveniment daqshekk straordinarju.  B’hekk uliedna jkollhom tifkira ta’ dan il-pellegrinaġġ u jkunu jistgħu jarawh u japprezzaw dak li sar fis-60 minuta li l-vara tad-Duluri damet barra fit-toroq ta’ Birżebbuġa.  Ħassejt il-bżonn li niffilmja dan il-pellegrinaġġ iktar u iktar meta rrealizzajt li għal darb’oħra il-Grupp Ċentinarju reġa’ ma qabbad lil ħadd biex jiffilmja avveniment storiku u importanti bħal dan.

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: