Skip to content

Il-Wirja fuq San Pietru App. u d-Duluri

September 13, 2013

INTRODUZZJONI

Fil-jiem tal-festa xi dilettanti ħassew il-bżonn kbir li dan l-anniversarju tal-100 sena parroċċa jiġi mfakkar b’mod denju billi jtellgħu wirja kbira fuq iż-żewġ patruni tar-raħal: San Pietru Appostlu u Ommna Marija Addolorata.  Jista’ jkun li l-każ tagħna f’Malta huwa uniku il-għaliex ma jidhirlix (stand to be corrected) li f’Malta kien hawn parroċċa fejn inbidlilha t-Titular u baqgħet bih.  Qabel ma’ Birżebbuġa saret parroċċa nafu li kienu jsiru diversi festi fil-kappelli tal-madwar inkluż dik tad-Duluri.  Din tad-Duluri ingħatat spinta kbira mill-Promutur tal-parroċċa Dun Spiridione Penza.  Dan ħa ħsieb li ssir knisja billi xtara 3 imħażen u għamel minn kollox biex ressaq benefatturi lejha biex jirregalawla l-affarijiet, fosthom il-vara sabiħa tad-Duluri li nġiebet f’Birżebbuġa fl-1910.  Din kienet irregalata mill-Kanonku Bormliż Achille Refalo.

STEJJER SIMILI IMMA MHUX L-ISTESS

Jidhirli li bħal Birżebbuġa kien hemm xi każijiet fejn inbidel it-Titular iżda mhux b’mod permanenti.  Hekk insibu li Birkirkara pereżempju nafu li mill-bidu nett kien iddedikat lil Sant’Elena iżda ġara li nbniet knisja ġdida (dik li llum insibuha Birkirkara l-Qadima) u t-Titular inbidel għal dak ta’ Santa Marija.  Però meta l-Karkariżi ġew biex jibnu tempju ġdid dawn reġgħu ddedikawh lil Sant’Elena.  Il-Ħamrun ukoll għandhom storja interessanti.  Jidher li dawn fil-bidu kienu se jiġu ddedikati lil San Ġużepp.  Fil-Ħamrun hemm devozzjoni kbira lejn San Ġużepp.  Saħansitra wieħed mill-klabbs tal-Banda huwa ddedikat lil San Ġużepp u anke t-Triq tal-Knisja jisimha Strada Grande San Giuseppe.  Però minn dak li jirrakuntaw in-nies meta l-Isqof Fra Gaetano Pace Forno ġie biex iwaqqaf il-parroċċa tal-Ħamrun intebaħ li ftit ‘il bogħod minnhom fl-Imsida, li hu stess kien waqqaf parroċċa kien diġà wegħdhom lil San Ġużepp bħala patrun malli jibni l-knisja l-ġdida.  Allura lill-Ħamruniżi kien tahom il-qaddis li jġib ismu bħala patrun jiġifieri San Gejtanu.  Xi ħaġa simili ġara wkoll Raħal Ġdid.  Il-knisja l-antika ta’ Santa Ubaldeska kienet l-ewwel knisja u f’Raħal Ġdid.  Din kienet issirilha festa sabiħa sakemm Raħal Ġdid sar parroċċa fl-1910.  Il-knisja ta’ Sant’Ubaldeksa tkabbret kif narawha llum fl-1900, pero l-iżvilupp f’Raħal Ġdid tant kemm kien kbir li kien qed jinħass il-bżonn li Raħal Ġdid isir parroċċa.  L-ewwel ma sar kien viċi-parroċċa ta’ Ħal Tarxien fl-1905 imma mbagħad meta l-Isqof Pietru Pace iddikjaraha parroċċa fl-1910, lil Raħal Ġdid poġġieh taħt il-Patroċinju tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu u dan għaliex ftit snin qabel fl-istess knisja ta’ Sant’Ubaldeska kienet diġa daħlet id-devozzjoni tal-Qalb ta’ Ġesu meta l-Isqof kien ippropona li fil-prospettiva tal-knisja l-ġdida ta’ Sant’Ubaldeska jsir titular il-Qalb ta’ Ġesu.  Dan kien fl-1901.  Fl-1910 l-Isqof Pietru Pace ħabbar lil Raħal Ġdid bħala parroċċa awtonoma taħt it-titlu tal-Qalb Imqaddes ta’ Ġesu, xi ħaġa li lill-Pawlisti għoġbithom ħafna.  Mhux l-istess għamlu n-nies ta’ Birżebbuġa meta tħabbrilhom li t-Titular ma kienx se jibqa’ dak ta’ Marija Addolorata iżda ta’ San Pietru fil-Ktajjen.

ID-DILETTANTI U L-WIRJA TAĊ-ĊENTINARJU

Kif aċċennajt fil-bidu, din il-wirja ttellgħet fuq ħeġġa kbira li kellhom xi dilettanti minn hawn isfel.  Inħassu ħafna nuqqasijiet u għalhekk dawn in-nies ħassew il-bżonn li jtellgħu wirja kbira.  Din kienet inizjattiva personali u ma kinitx tifforma parti mill-programm taċ-Ċentinarju.  Nistgħu ngħidu li din il-Wirja mill-bidu nett uriet li kienet se tkun suċċess.   Xi ħaġa tal-iskantament kienet il-mod li bih in-nies ikkonkorriet.  Ħafna kienu dawk in-nies li offrew l-opri tagħhom biex jiġu eżebiti fil-wirja.  Is-soltu jsir ħafna tgergir li  n-nies ma tikkonkorrix.  Dan ma jidhirx li kien il-każ għax in-nies ikkonkorriet u kif ikkonkorriet, għax ma kienx fadal post iktar fejn jiġu eżebiti l-affarijet.  Tassew hu l-każ li tgħid li meta l-affarijiet isiru tajjeb in-nies tiġi.  L-istess meta din is-sena fil-knisja ġiet l-Orkestra Nazzjonali fejn in-nies ġiet u attendiet bi ħġarha fi knisja mbulġata, meta kulħadd qal li n-nies ma jiġux għax mhux dilettanti tal-mużika klassika u mużika sagra.  Imma n-nies ġiet u mliet knisja, u dan għax kienu jafu li l-Orkestra Nazzjonali kienet se tagħtihom siegħa ta’ kwalità.  Ta’ min jgħid li l-Orkestra Nazzjonali ma kinitx lanqas tifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet taċ-Ċentinarju, għad li kien hemm min irreklamaha tali!  Bla dubju dawn huma affarijiet li jgiegħluk tirrifletti.

Il-Wirja taċ-Ċentinarju saritilha preparazzjoni tajba u kbira.  Inħarġu l-posters, ġiet imfassla ċerimonja tal-ftuħ bis-sehem tal-banda tal-iscouts.  Il-Ħidma mill-festa ‘l hawn baqgħet issir b’mod kontinwu b’ħeġġa kbira.  Ġew mistiedna diversi għaqdiet tal-Armar biex jinkontribwixxu, saħansitra min-Nadur Għawdex.  Fost l-għaqdiet tal-armar kien hemm ukoll dawk ta’ San Bastjan Ħal-Qormi u Sant’Andrija (tal-Istilla) ta’ Ħal-Luqa.  Ix-xogħol li sar kien kbir u meta tqies li dan sar kollu f’temp ta’ xahar, naħseb li allura jkollna nammettu li kien suċċess meritat.  Sa lejlet il-ftuħ tal-wirja x-xogħol kien għaddej b’pass mgħaġġel, però ninsab konvint li l-organizzaturi ħarġu verament sodisfatti.  Irrid ngħid ukoll li kull donazzjoni li qed tingħata lil din il-wirja se tmur f’fond apposta biex tingħata spinta lill-kura tal-knisja parrokkjali u t-teżori tagħha.  Ngħidu li għall-inqas fl-aħħar saret xi ħaġa apposta organizzata biex il-qliegħ imur għall-knisja, għax għandna ħabta niftakru f’kulħadd imma mhux fil-knisja u t-tempju ta’ San Pietru, meta Malta kollha tagħmel ġbir kontinwu għal kawżi li qed insemmu.  Prosit tal-inizzjattiva.

IL-WIRJA

IL-WIRJA SE TIBQA’ MIFTUĦA SAL-15 TA’ SETTEMBRU SKONT IL-ĦINIJIET LI JIDHRU FUQ IL-POSTER.  IN-NIES TA’ BIRŻEBBUĠA GĦANDHOM IĦOSSUHOM FID-DMIR LI JMORRU JARAWHA.

_______________________________________________________________

Il-PREPARAZZJONI GĦALL-WIRJA

_______________________________________________________________

IL-FTUĦ GĦALL-WIRJA

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: