Skip to content

Il-festi huma wkoll parti mill-pjan t’Alla

September 3, 2013

Ngħiduha kif inhi, bis-saħħa ta’ dan is-sit qed nippruvaw nibnu pont bejn dak li hu reliġjuż u bejn dak li hu kulturali.  Jekk hux qed jirnexxielna ma nafx eżatt però jekk ma jirnexxilniex ma tantx huwa sinjal sabiħ, għax ikun ifisser li l-komunità hija mejta.  Oħroġ il-għaġeb hawn min jieħu pjaċir li dawn l-affarijiet ma jirnexxux.  Hawn numru sostanzjali ta’ nies li l-festi mhux talli ma jogħġbuhomx imma talli jekk tiġihom l-okkażjoni jeqirduhom.  Mhux għax San Pietru jew xi qaddis ieħor se jħoss it-telfa imma jekk hawn min il-festi ma jħobbhomx, hawn min bir-raġun kollu jaħdem għalihom sena sħiħa.  Sa ftit snin ilu f’dokument li ħareġ apposta kien hemm min ta x’jifhem li dan huwa kollu ħela ta’ ħin, li passatemp bħal dan huwa tal-boloh, ta’ qabda nies li m’għandhomx x’jagħmlu.  Ilbieraħ stess iltqajt ma’ sit li saħansitra beda jirredikola l-festi Maltin u jagħti ġieħ lit-tip ta’ ħajja li jgħixu l-barranin !  Ir-realtà hija li l-festi qegħdin jitpoġġew f’dawl ikrah u jitħammġu minn xi ftit nies li m’għandhomx għaxja ta’ lejla.  Int trid tkun kompliċi ma’ dan id-dnub?

Il-festa ta’ San Pietru issa ilha xahar li għaddiet, u tat ħafna pjaċir lil dawk li ħadu sehem fiha u lil dawk li ġew jarawna.  Iż-żminijiet tal-lum bħal kull namur ieħor, futbol, water-polo, karozzi etc. qed ipoġġilna sfidi ġodda.  Però il-każ tal-festi huwa partikolari għax jekk filwaqt fl-oqsma l-oħra qed ikun hemm parteċipazzjoni tajba speċjalment min-naħa taż-żgħażagħ, fil-festa nixtiequ naraw ħafna aktar żgħażagħ jipparteċipaw.  Hemm ukoll il-piż finanzjarju però f’dan ir-rigward kulħadd, anke dawn li għandhom passatemp ieħor xorta fl-istess ilma qegħdin.  Ħaġa waħda hija ċerta li bniedem mingħajr passjoni jew namur, huwa bniedem vojt, mingħajr ruħ.  Il-passatempi tal-lum ivarjaw.  Hemm min jipprattika xi sports jew jibni kollezzjoni imma dawn kollha jsiru għall-kumdità u l-ħin allokat tal-individwu.  Però għal wieħed li jaħdem għall-festa dan irid jagħmlu f’tim u mhux dejjem fil-ħinijiet komdi tal-individwu, iżda tat-tim kollu.  Huwa passatemp li minflok tagħmlu għas-sodisfazzjon tiegħek biss tagħmlu biex tferraħ lil ħaddieħor ukoll.

Minkejja dan kollu l-festi kienu taħt mira sfrenata u sfaċċata dawn l-aħħar snin.  Il-festa tagħna għaddiet u kulħadd ħareġ sodisfatt kif marru l-affarijiet.  Dejjem hemm dik il-konvinzjoni li l-affarijiet jistgħu jirranġaw u x’aktarx dik l-ambizzjoni sservi bħala doża ta’ ħeġġa biex minn sena għal sena dawk involuti jagħmlu l-kuraġġ meħtieġ biex ikomplu jaħdmu għall-glorja tar-raħal u tal-qaddis patrun.  Ħafna minn dan ix-xogħol speċjalment l-armar u l-knisja minn ġewwa jaqa’ taħt il-kappa tal-knisja u allura hemm ċertu responsabiltajiet.  Ir-responsabiltà trid tinġarr u trid tinġarr b’serjetà u b’kuxjenza.  Għandu jkun hemm ukoll ir-rispett lejn tant nies li jaħdmu għal din il-festa.  Fadal ħafna x’isir, fosthom hemm ukoll l-attitudni u l-mentalità.  Din mhux dejjem tkun tajba sfortunatament.  Inħarsu lejn il-festa mil-lenti ta’ min li għandu passjoni jaħseb biex is-sena ta’ wara jirfina dak li jkun sar u mhux iħallieh fejn kien.  Għal ċertu aspetti u għal ċertu tmexxija rridu nagħmlu referenza għal min f’idejh għandu t-tmun ta’ kollox.

Bħala artikolista xtaqt nibda l-artiklu tiegħi b’mistoqsija: il-festi tagħna mhumiex festi ta’ Alla?  Il-festi li nagħmlu aħna ma jsirux bil-barka t’Alla?  Alla ma jridnix nieħdu pjaċir?  Tgħid allura Alla lilna jridna riġidi, serji u ma nitħarkux?  Qed tiġini f’rasi wkoll il-ġrajja jidhirli ta’ San Domenico Savio li dan kien taħt is-sorveljanza ta’ qaddis ieħor Dun Ġwann Bosco.  Darba filwaqt li t-tfal l-oħra kienu qed jilagħbu, San Domenico Savio baqa’ fil-ġenb jarahom u Dun Ġwann Bosco resaq lejh u staqsieh il-għala ma kienx qed jilgħab ma’ sħabu.  Iż-żgħir Domenico Savio qallu li ma xtaqx jilgħab mal-oħrajn biex ma jmurx jagħmel xi dnub li jista’ jweġġa’ lil Alla bih.  Iżda fil-pront Dun Ġwann Bosco qallu li dik ma kinitx soluzzjoni.  Mhijiex ir-rieda ta’ Alla li aħna ma nipparteċipawx fil-ħolqien biex mingħalina nżommu ruħna safjin.  Għalhekk tajjeb li nsaqsu: imma l-festi tagħna jsiru bil-barka t’Alla?  Iva, Alla jridna nieħdu gost flimkien u nibnu komunitajiet aħjar, imsejsin b’identità, lesti li jkomplu jġibu ‘l quddiem  dak li għandhom f’idejhom.  Il-festi tagħna ma jmorrux kontra l-kelma t’Alla.  Ġesù stess fit-Tieġ ta’ Kana żifen u ħa pjaċir man-nies u mhux talli hekk imma talli sema’ minn ommu Marija li ġietha ħniena mill-għarajjes, u Ġesù biddel l-ilma fl-ifjen inbid.  Allura jekk dawn il-festi jsiru għax Alla stess iridna ningħaqdu f’komunità dan ma jfissirx li bil-festa jsir ħafna ġid spiritwali u li l-festa tista’ tiġi wżata biex biha jitwettaq ukoll il-pjan tas-salvazzjoni tagħna?  Mela għalfejn ġieli ssir distinzjoni?  Mela għalfejn xi kultant naħslu idejna minn din ir-responsabbiltà?  Mhux dan għandu jkun il-messaġġ li għandna nagħtu.  M’għandha qatt issir distinzjoni bejn il-festa u l-kumplament tas-sena, bil-festa li bilfors trid tiġi deskritta bħala l-aktar attività spjaċevoli u żejda mis-sena kollha!

Il-festa għaddiet u l-ħafna ‘dipartimenti’ biex insejħilhom hekk għamlu li setgħu biex dak li ramaw u organizzaw  fil-festa, jidħol lura pulit fil-maħżen.  Għal din il-festa jaħdmu ħafna nies volontarji.  Jien stess li mort tajt daqqa t’id żgħira ntbaħt kemm issir tbatija biex l-armar jintrama.  Tabilħaqq wieħed irid jgħid li hemm ħafna tbatija li tista’ tiġi faċilment evitata li kieku kien hawn organizzazzjoni aħjar u tagħmir aktar sofistikat.  Jista’ wieħed qatt iċaħħad lil dawn in-nies milli jipprogressaw u ma jbatux dik it-tbatija li msieken jgħaddu minnha biex jagħtu gost lin-nies?  Mela allura jekk jiġu jitolbuna l-għajnuna ngħidulhom li aħna ma nixtiequx inkunu parti minn dan id-dipartiment li jżejjen ir-raħal u jagħti pjaċir lil tant nies?  Dan jgħodd ukoll għall-oqsma l-oħra kollha tal-festa.  Huwa xieraq u ġust li f’din il-ħidma rridu nkunu konvinti li dak li għandu x’jaqsam mal-festa għandu wkoll rabta mal-missjoni qaddisa u evanġelika li jrid minnha Alla.

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: