Skip to content

Editorjal festa 2013

July 27, 2013

Pendent ta’ sett pavaljuni li jintrama fuq Triq San Filippu. Dan is-sett ta’ pavaljuni sar fil-bidu ta’ snin tmenin (1980s)

Bħal kull sena, dan iż-żmien partikolari jiġi biex napdejtjaw dan il-blog u qabel ma nibda naġġornakom dwar l-andament tal-festa tagħna, inħobb nikteb dan l-editorjal u nagħtikom l-awgurji tiegħi.  Kulħadd ikun impenjat inkluż jien, però dak is-sabiħ tal-festa li meta tasal dik il-ġimgħa tant mistennija, id-dilettanti tal-festa jesebixxu dak li jkunu ilhom jippreparaw b’tant sagrifiċċju gewwa l-4 ħitan tal-maħżen jew tal-każin u saħansitra tal-kamra tan-nar.  Birżebbuġa mhijiex eċċezzjoni u din is-sena li fiha l-parroċċa qed tagħlaq l-ewwel mitt sena tagħha, id-dilettanti tal-festa minkejja l-ostakli li qed tpoġġilhom il-ħajja tal-lum, xorta waħda baqgħu joktru u jirsistu.

Din is-sena nixtieq nitħaddet fuq il-festa u l-mod kif il-poplu ta’ Birżebbuġa jħares lejha.  Qed insemmi l-parroċċa ta’ Birżebbuġa u għalhekk nixtieq nagħti merħba lill-kappillan il-ġdid li se jkollna Rev. Anton Galea Scannura li ġej mill-parroċċa tal-Kalkara.  Tajjeb ngħidu wkoll li wara 23 sena Birżebbuġa se jerġa’ jkollha viċi kappillan biex jgħin il-kappillan fil-qadi tiegħu.  Dan se jkun Rev. Roderick Camilleri.  Birżebbuġa kibret immens u allura hemm bżonn ta’ enerġija kbira biex din il-parroċċa tingħata l-għajnuna li tant hemm bżonn.  In-numru taż-żgħażagħ f’Birżebbuġa kiber ħafna u jekk ma jkunx hemm min jieħu ħsiebhom u jiġborhom dawn faċli jitfixklu mad-diffikultajiet li qed tippreżenta l-ħajja tal-lum.  Għalhekk kien inevitabbli li parroċċa kbira bħal din jerġa’ jkollha viċi, anzi tiskanta kif kien hemm min ħaseb li din il-parroċċa setgħet tgħaddi mingħajru meta tqis li fl-1990 Birżebbuġa kienet fil-quċċata tal-iżvillup tagħha!  Nagħtuhom merħba u nitolbuhom jifhmu lil dan il-poplu, jisimgħu l-polz tiegħu u jgħinuh.  Il-poplu jħallas lura bit-talb tiegħu u l-għajnuna li jista’ jagħti għall-ġid esklussiv tal-parroċċa.

Il-festa kif kont qed ngħid baqgħet issir għax f’Birżebbuġa hawn ħafna nies li jirsistu għaliha.  Meta ngħid ‘ħafna’ nies, mhux għax huwa numru proporzjonali mal-popolazzjoni totali tal-parroċċa.  Hemm ħafna nies li ilhom ħafna jagħtu l-għajnuna tagħhom, imdaħħlin fiż-żmien u minn hawn nawguralhom aktar snin ta’ ħidma f’ġieħ il-festa, però hija inevitabbli li wieħed jgħid f’dan l-istadju li hemm bżonn aktar ta’ demm ġdid f’kull qasam.  Jekk mhux se jkun hemm żgħażagħ ġodda li jieħdu interess jista’ jiġri li dak li għandna nitilfuh u meta titlef oġġett mhuwiex faċli ġġibu lura imma jkollok tiġġieled battalji kbar.  Xtaqt li f’dan l-editorjal għall-festa ta’ din is-sena nwieġeb il-mistoqsija ‘Imma l-poplu ta’ Birżebbuġa kif iħares lejn il-festa ta’ San Pietru tar-raħal tiegħu stess?’  Mad-daqqa t’għajn hawn nies u anke familji li l-festa jħobbuha ħafna.  Jekk inħarsu lejn iż-żewġ każini naraw li jagħmlu minn kollox biex il-wirjiet li jagħtu f’din il-ġimgħa jkunu wirjiet tajba li jagħmlu ġieħ.  L-għaqdiet tal-banda jimlew ħafna l-festa tagħna.  Hemm ħafna nies kapaċi u għandhom talenti kbar.  Dawn in-nies matul is-sena jaħsbu u jħokku rashom biex jagħtu pjaċir lil dawk in-nies li jiġu l-pjazza jew ix-xatt.  Fi ftit kliem, xogħol id-dilettanti tal-festa huwa li jħabblu rashom kif se jferrħu lin-nies.  Minn sena għal sena d-dilettanti jaraw kif jistgħu jirfinaw l-armar, in-nar u l-mużika.  Fejn ma jkunx hemm tiġdid l-affarijiet ikunu destinati li jnaqqsu mill-popolarità.  Dawn narawhom f’ħafna affarijiet.  Persważ li kulħadd jaf liema huma għax il-poplu mhuwiex nieqes mis-sens komun u l-loġika.  Fil-festa jsir ħafna xogħol, parti kbira minnu tidher sew fil-murtali, fil-bandalori, u fil-marċi.  Hemm tendenza li napprezzaw aktar l-oġġetti goffi u inqas l-oġġetti ż-żgħar tal-festa.  Il-ktieb tal-festa li joħorġu ż-żewġ għaqdiet u l-parroċċa pereżempju  jieħu xogħol kbir li wieħed lanqas jimmaġina.  Min jiġri biex jiġbor ir-riklami u min jieħu ritratti s-sena kollha biex l-attivitajiet li jsiru jiġu dokumentati.  Dan is-sit stess dwar il-festa u l-parroċċa jieħu ħafna ħin anke siegħat twal ta’ design, editing, u programming li mhux faċli tispjegah.  Naħseb li kull oġġett jieħu l-ħin tiegħu anke xogħol bħal dan li jidher li mhuwa xejn.  Dawn għandhom ikunu apprezzati iktar.

Nerġa mmur lura għall-mistoqsija li għamilt fil-bidu Imma l-poplu ta’ Birżebbuġa kif iħares lejn il-festa tar-raħal tiegħu stess?  Kif għidt diġa hemm ħafna nies li jaħdmu biex il-festa ta’ San Pietru tkompli tikber minn dawk li jagħtu ħafna, sa dawk li jagħtu ftit inqas, minn dawk li xogħlhom jidher ħafna sa dawk li jieħdu ħafna xogħol u x-xogħol tagħhom ma jkun jidher xejn.  Però nixtieq ngħid xi ħaġa, li hemm bżonn li nieħdu aktar interess, hemm bżonn li aktar żgħażagħ jieħdu interess fil-festa.  Hemm bżonn li jikber aktar l-entużjażmu.  Huwa fl-interess ta’ kulħadd li l-entużjażmu jikber u mhux jonqos.  Qatt ma jista’ jkollok għaqda, qatt ma jista’ jkollok komunità jekk ma jiżdiedx l-entużjażmu, jekk il-festa ma tisbieħx.  Huwa fl-interess ta’ min imexxi li joħloq okkażjonijet u opportunitajiet biex l-entużjażmu jiżdied.  Irridu wkoll inżidu fl-atmosfera tal-festa u din irridu noħolquha aħna billi nżejnu l-gallerija u l-bjut tagħna.  Dan m’hemmx għalfejn li wieħed jonfoq spejjeż kbar, anke sempliċiment pezza bajda u safra, bandiera tal-papa li titwaħħal mal-gallerija tkun tajba.  Kemm hija sabiħa li tkun għaddej mit-toroq u tara nies li jagħtu sinjal ta’ ferħ u ta’ ċelebrazzjoni.  Aktar ma jkun hawn nies li jarmaw aktar nies jagħmlu kuraġġ.  Għalhekk hemm bżonn li dan il-ferħ nuruh iktar u nitrażmettuh lill-ħaddieħor.  Jien naħseb li l-festi għadhom l-uniċi attivitajiet fejn il-poplu jinġabar flimkien u jiċċelebra.  Naħseb li l-festi għandhom rwol kbir u importanti speċjalment meta d-dinja qed issir dejjem aktar individwalistà, fejn kulħadd jaħseb biss għal rasu.

Nawgura lil kulħadd ġimgħa mill-isbaħ u festa sabiħa, f’ġieħ il-qaddis li tant inħobbu u li tant aħna devoti tiegħu.

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: