Skip to content

15 ta’ Settembru – Festa tad-Duluri: L-Ewwel Titular ta’ Birżebbuġa.

September 15, 2012
 

 – 15 ta’ Settembru –
Festa ta’ SSma Marija Addolorata

 

Introduzzjoni

 

Il-festi f’Birżebbuġa għandhom għeruq fondi aktar milli naħsbu.  F’idejna għandna dokumenti li juri li d-diversi kappellel li hawn fil-madwar ta’ Birżebbuġa kienu jsirulhom il-festi tagħhom.  Fost dawn insibu l-kappella ta’ San Ġorġ Megalomartri, il-Kunċizzjoni ta’ Bengħisa, San Ġużepp fil-Bajja s-Sabiħa, Madonna Għajnuna tal-Insara fil-Bajja s-Sabiħa, il-kappella tas-Sagra Famiglia f’Żurrieq Road, u l-kappella ta’ Sant’Anġlu Matri li ‘llum sfortunatament m’għadhiex teżisti.  Ġo dawn il-kappellel partikolarment dik tas-Sagra Famiglia li nfetħet għall-pubbliku f’Settembru tal-1865, kienu jsiru wkoll diversi attivitajiet oħra ta’ xeħta reliġjuża.  Nafu li fiha, f’Marzu tal-1893 inżammet il-Via Matris u kien hawn li l-Kanonku Dun Spir Penza irregala lil dan il-poplu tila bix-xbieha tad-Duluri.  Dun Spir Penza minn Bormla kellu jkun strumentali biex Birżebbuġa ssir parroċċa.  Iżda mal-bidu tas-seklu għoxrin, il-kappella tas-Sagra Famiglia saret wisq żgħira biex takkomoda n-nies ta’ Birżebbuġa.  Għalhekk Dun Spir Penza beda jħabrek biex jibni kappella akbar għall-bzonnijiet tan-nies.  Hekk għamel u wara li ħa l-permessi meħtieġa mill-Kurja fl-14 ta’ Awwissu tal-1907 fetaħ il-kappella tad-Duluri ul-istess tila li kien irregala snin qabel sabet ruħha bħala t-Titular ta’ din il-kappella. Tajjeb wieħed jgħid li din il-kappella ħarġet minn 3 remissi li nxtraw u ma kinitx inbniet apposta bħala knisja mill-bidu.  Biss għall-ħabta ta’ tmiem is-sena 1909 u l-bidu tas-sena 1910 lil din il-kappella nbnitilha faċċata maestuża u sabiħa.

 

Il-Festa Titulari tad-Duluri f’Birżebbuġa

 

Maż-żmien il-kappella tad-Duluri saret l-aktar waħda popolari f’Birżebbuġa.  Dokumenti storiċi juru li fis-sena 1909, il-festa tad-Duluri kienet bdiet bi tridu li kien immexxi minn Mons. Kan. Francesco Marmara’.  F’Jum il-festa, l-quddiesa kantata kienet taħt it-tmexxija tal-Kanonku Dun Achille Refalo, li kif ser naraw ‘il quddiem, għall-festa tas-sena ta’ wara, jiġifieri tas-sena 1910 jkun irregala l-vara sabiħa tad-Duluri li għad għandna fil-parroċċa tagħna.  Dakinhar il-Kanonku Refalo kien mgħejjun minn Dun Gius. Farrugia miż-Żurrieq u Dun Giovanni Saliba, it-tnejn li huma kuġini tal-Bormliż il-Kanonku Dun Spiridione Penza, il-persuna li stinkat biex tibni l-knisja tad-Duluri u biex aktar ‘il quddiem Birżebbuġa ssir parroċċa.  Għall-festa ta’ dik is-sena, l-mużika sagra kienet taħt id-direzzjoni ta’ Salv. Buttiġieġ minn Bormla.  Fis-17 ta’ Awwissu tal-1910 il-Kanonku Achille Refalo minn Bormla irregala statwa tal-Madonna tad-Duluri, l-ġmiel tagħha li ħafna studjużi jsostnu li din ħarġet mill-Bottega tal-iskultur famuż Karlu Dermanin.  Minkejja dan il-fatt għandna f’idejna provi li juru li l-festa tad-Duluri kienet ilha ssir qabel ma ġiet irregalata din l-istatwa.  Naturalment meta waslet il-vara sabiħa l-festa bdiet issir b’pompa akbar.  Jingħad li l-purċissjoni kienet toħroġ mill-knisja tad-Duluri u titla’ Triq id-Duluri, Triq San Mikiel, Triq Santa Katerina, għal Triq Santa Marija mnejn taqsam il-Bajja ta’ San Ġorġ għal Triq Birżebbuġa biex imbagħad tgħaddi minn fejn illum hemm il-Knisja Parrokkjali ta’ San Pietru li dak iż-żmien kien kollu għelieqi u tibqa’ sejra tul Żurrieq Road, tinżel New Street (Illum Triq il-Professur Anton Tabone), tgħaddi mix-xatt li dak iż-żmien kienet Strada Marina u wara li titla’ minn Triq id-Duluri terġa’ tidħol fil-knisja tagħha.  Peress li din is-sezzjoni tolqot il-festi Interni, tajjeb li ngħidu li l-festa tad-Duluri fuq ġewwa kienet issir bl-akbar pompa, tant li kienu jiġu mistiedna l-aqwa predikaturi ta’ dak iż-żmien u bħala mużika, skond dokumenti li għandna f’idejna kienet tiġi mistiedna l-Orchestra San Andrea ta’ Ħal Luqa (Illum Banda Sant’Andrija Ħal-Luqa) peress li milli jidher dak iż-żmien din l-Għaqda ma kinitx banda kif nafuha ‘llum imma orkestra li kienet iddoqq fil-knisja.  Din il-festa kienet issir it-Tielet Ħadd ta’ Settembru jew Ħadd fuq il-15 ta’ Settembru.  Interessanti ngħidulkom ukoll li ħafna mill-villeġġanti kienu jinżlu joqogħdu Birżebbuġa għall-ewwel ġimgħa ta’ Lulju biex jilħqu l-festa tal-Qalb ta’ Ġesu li kienet tkun organizzata b’pompa u devozzjoni kbira u jibqgħu f’Birżebbuġa sakemm tgħaddi l-festa tad-Duluri f’Settembru.  Birżebbuġa saret parroċċa fid-9 ta’ Settembru tal-1913 u l-festa tad-Duluri baqgħet issir sa Settembru tas-sena 1936 u dan għaliex bil-bini tal-knisja l-ġdida tbiddel it-titular tal-parroċċa għal dak ta’ San Pietru fil-Ktajjen fuq xewqa tal-Isqof Mauro Caruana. Mit-twaqqif tal-parroċċa fl-1913 sal-1936 il-festa tad-Duluri kienet saret 23 darba għalkemm kif għidna diġa’, il-festa tad-Duluri kienet ilha ssir minn ħafna qabel ma Birżebbuġa saret parroċċa.

 

Purċissjonijiet bil-Vara tad-Duluri wara l-Bdil tat-Titular.

 

Għalkemm uffiċjalment il-parroċċa ta’ Birżebbuġa bidlet it-Titular tagħha fis-sena 1936, għal xi snin il-purċissjoni bl-istatwa tad-Duluri xorta baqgħet toħroġ kull 15 ta’ Settembru.  Ħasra li din il-purċissjoni, bħas-soltu ġie deċiż li tinqata.  Fis-sena 1988, meta kienu qed isiru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-75 sena parroċċa, il-purċissjoni tad-Duluri ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira li seħħet sewwaserw nhar il-25 ta’ Marzu 1988 (Jum il-Lunzjata wkoll!), dakinhar il-proċessjoni devota tad-Duluri ħarġet mill-parroċċa l-qadima fejn ħafna anzjani ġeddew il-memorji tagħha u tat l-opportunita’ liż-żgħażagħ u lit-tfal ta’ dak iż-żmien jifhmu kif bejn wieħed u ieħor kienet issir il-festa f’dawk iż-żminijiet imbiegħda.  Fis-sena 1997, fuq inizzjattiva ta’ Rożina Gauci minn tad-Dubbu din il-vara ġiet restawrata u ndurata mill-ġdid mid-ditta Dermanin tal-Belt Valletta u għalkemm bħas-soltu l-intoppi ma naqsux, il-vara ġiet lura fil-ħin għall-purċissjoni tad-Duluri ta’ dik is-sena stess.  Ta’ min wieħed forsi jagħmel ħsieb, leġittimament, biex issa li qrobna lejn iċ-ċentinarju tal-parroċċa (u s-sena d-dieħla 2010 jaħbat ukoll iċ-ċentinarju tal-wasla tal-istess vara), jagħmel ħsieb biex terġa’ ssir purċissjoni mill-parroċċa l-qadima jew inkella forma ta’ pellegrinaġġ fil-ġurnata tal-15 ta’ Settembru mill-knisja parrokkjali.

 

Referenzi:

Balzia, M. (2009). “Is-Sena tal-Mulej 1909”.  In Kummissjoni Media. Birżebbuġa – Leħen il-Parroċċa San Pietru Fil-Ktajjen, Nru. 186. Veritas Press, Ħaż-Żabbar, Malta.
D’Amato, C. (2007). Nofs Seklu ta’ Mixja Mużikali. Print-Right Ltd., Marsa, Malta.
D’Amato, C. (2009). L-Istorja tal-vara ta’ San Pietru f’Birżebbuġa. Veritas Press, Ħaż-Żabbar, Malta.
Grima, A. (1998). “Id-Devozzjoni Lejn id-Duluri f’Birżebbuġa”. In Bord Editorjali. Minn Qalb L-Iljuni, Numru 9. Duraprint Ltd., Birżebbuġa, Malta.

 

Nisġa ta’ tifħir lil Ommna Marija Addolorata
 
 
 

Ninkoraġġukom

 

Ninkoraġixxu lin-nies ta’ Birżebbuġa biex temp jippermetti, nhar il-15 ta’ Settembru u Ħadd fuq din l-istess data, itellgħu il-bnadar tal-Madonna, ħalli nfakkru u nsellmu lill-Kon-Patruna tagħna Marija Addolorata.  Interessanti tkunu tafu wkoll li Ħadd fuq il-15 ta’ Settembru, ta’ kull sena, fl-inħawi ta’ ‘Bir id-Deheb’, tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tad-Duluri, magħrufa wkoll bħala ‘Tal-Ħniena’.  Fis-6pm jkun hemm quddiesa u wara purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tad-Duluri, bis-sehem tal-Banda Beland taż-Żejtun jew il-Banda Żejtun, kull sena jalternaw bejniethom.  Jinħaraq ukoll xi logħob tan-Nar.

 
 
 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: